Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċċju dwar ir-Regolamenti tal-Bini — twissijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Uffiċċju dwar ir-Regolamenti tal-Bini jagħmilx parti mid-dekasteru tal-Ministeru tiegħu? Jekk iva, jista’ jgħid kemm-il twissija ħarġet relatata mal-Construction Site Management Regulations?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.

Tibdil fil-Klima u l-enerġija nadifa

Question

Peress li t-tibdil fil-klima u l-enerġija nadifa jimxu flimkien, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-viżjoni tal-Gvern fir-rigward ta' inċentivi għall-enerġija nadifa meta mqabbla ma’ enerġija konvenzjonali aktar irħisa? Liema miż-żewġ sorsi l-Gvern iħoss li l-aktar jista’ jiddefendi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.

Il-Manikata — Park tat-Tramuntana

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema bidliet seħħew wara l-elezzjoni għal dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni tal-Park tat-Tramuntana fil-Manikata? Kemm hu l-ispazju tal-art agrikola li jifforma parti minn dan l-istess park?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ma seħħ l-ebda tibdil fl-amministrazzjoni tal-Park tat-Tramuntana minn wara l-Elezzjoni Ġenerali 'l hawn. L-ispazju tal-art agrikola huwa l-istess kif kien qabel u ninsab informat li jkopri medda ta’ 166,032 metri kwadri.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima – karozza tas-Segretarju Permanenti

Question

Jista' l-Ministru jindika l-proċedura li ntużat għax-xiri ta' karozza għas-Segretarju Permanenti responsabbli mill-Ministeru tiegħu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi s-Segretarju Permanenti fil-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima ma xtarax karozza għall-użu tiegħu, imma qed jagħmel użu min karozza illi kellu meta kien maħtur bħala direttur.

Esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li huma awtorizzati li jibagħtu prodotti agrikoli fis-suq intern tal-Unjoni Ewropea u n-numru ta’ persuni li huma awtorizzati li jesportaw l-istess prodotti lejn swieq barra l-Unjoni Ewropea?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li tweġiba għal din il-mistoqsija tinsab f’dak li ntqal bħala tweġiba taħt il-mistoqsija numru 1715.

Esperimenti fuq annimali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema tip ta' tjur u annimali qed isiru esperimenti fuqhom mid-dipartiment responsabli fi ħdan il-ministeru?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-preżent qed isir Breeding Programme tal-Barbaġan (Barn Owl), kif ukoll programm ta’ konservazzjoni tar-razza tal-mogħża Maltija.

Esperimenti fuq annimali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema tjur u bhejjem 'Maltin' qed isiru esperimenti dwarhom mill-istitut tal-agrikultura, f'kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Ambjent?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-preżent qed isiru esperimenti b’kollaborazzjoni ma’ l-istitut tal-agrikoltura fuq it-tiġieġa maltija (Black Maltese). Ta’ min jinnota ukoll li qed isiru esperimenti fuq l-baqra maltija flimkien mal-Foundation for Maltese Cattle.

L-Għallis – Engineered Landfill

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm baqa' spazju, f'termini ta' snin, sabiex timtela l-engineered landfill fl-Għallis peress li skont il-permessi li hemm maħruġa diġà għal din il-faċilità, ir-rata ta' skart prodott kull sena u meta wieħed jassumi li mhux se jkun hawn impjanti li jittrattaw l-iskart żviluppati ġodda għajr dawk li jeżistu diġà?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li skont it-tmexxija li kellha l-WasteServ, l-engineered landfill fl-Għallis maħsuba li jkollha volum kumplessiv ta’ madwar 3 miljun metru kubu li kien maħsub li jservi għal madwar 5 snin oħra. Dan kien maħsub li jista` jiżdied ġaladarba jiddaħħlu mpjanti u trattamenti ulterjuri.

Ta’ Qali – civic amenity site

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol fuq is-civic amenity site li qed tinbena f'Ta' Qali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li s-Civic Amenity Site li qed tinbena f’ Ta’ Qali hija maħsuba li titlesta lejn l-aħħar ta’ Diċembru ta’ din is-sena.

Inizjattivi għall-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima

Question

Jista' l-Ministru jagħti update dwar kull inizjattiva li hemm fil-politika tal-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima għal Malta? Jista’ jgħid kull inizjattiva fejn waslet, jekk hemmx problemi fuq kull inizjattiva u f'każ li hemm x'inhuma u meta se tkun implimentata kull inizjattiva?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn rapport li kien ġie ippreżentat lili bħala Ministru mis-Segretarju Permanenti preċedenti, rriżulta li d-dettalji li ngħatawli kienu jitrattaw il-politika tal-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima għal Malta sal-bidu ta’ Marzu ta’ din is-sena. Dan tlesta fis-sena 2009. Minn din l-informazzjoni jidher illi minn 96 rakkomandazzjoni, 11 biss ġew attwati u kompluti, 26 rakkomandazzjoni għadu ma nbediex ix-xogħol fuqhom b’uħud minħabba nuqqas ta’ data , fuq 5 oħra nbeda x-xogħol fuqhom b’mod marġinali (filwaqt li waħda ma baqgħetx relevanti) u fil-każ ta’ 53 rakkomandazzjoni x-xogħol inbeda u jinsab għaddej. Il-politika dwar il-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima għal Malta hija mibnija fuq rakkomandazzjonijiet li r-rapport stess iħeġġeġ li għandhom jiġu riveduti b’mod kostanti, jiġu validati, rikunsidrati, ri-orjentati u prijoritizzati mill-ġdid biex tali politika tinżamm dinamika. Fil-qafas ta’ politika ġdida b’mandat ġdid, din ir-reviżjoni kostanti ser tkun għan ewlieni tal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima. Dan il-Gvern huwa impenjat u determinat li rakkomandazzjonijiet pendenti, anke f’kuntest ta’ politika ta’ mitigazzjoni aġġornata, ma jkomplux jieħdu żmien daqs qabel biex jiġu indirizzati.

L-Għallis – Fondi Ewropej għal Hazardous Waste Facility

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tkun żviluppata l-hazardous waste facility fl-Għallis u kemm hemm fondi Ewropej għal din l-inizjattiva?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-hazardous waste facility mistennija li titlesta sal-aħħar tal-2014. Il-fondi Ewropej assenjati għal din l-inizjattiva jammontaw għal €4,176,832(ex VAT).

Politika tal-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema unit fi ħdan l-MSDEC qed jimplimenta l-politika tal-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti għandu l-obbligu li jara l-politika tal-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima tiġi implimentata.

Politika tal-Adattazzjoni għat-Tibdil fil-Klima

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema unit fi ħdan l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima qed jimplimenta l-politika tal-adattazzjoni għat-tibdil fil-klima?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti għandu l-obbligu li jara l-politika tal-adattazzjoni għat-tibdil fil-klima tiġi implimentata.

WasteServ – Ċaqliq ta’ Ħaddiema

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1589, jista’ l-Ministru jispjega x’kien l-iskop li tinħareġ stqarrija li fiha ngħad li sar ċaqliq ta' ħaddiema jekk fil-fatt ma kien sar l-ebda ċaqliq?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-istqarrija nħarġet b’mod addizzjonali għal struzzjonijiet li kellhom id-diriġenti tal-WasteServ mill-Ministeru u li jirriżulta li ma ġewx osservati, tant li l-ħaddiema inkwistjoni reġgħu ċċaqalqu lura f’posthom.

Ingaġġ – Każ ta’ Individwu

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1593, jista’ l-Ministru jgħid jekk, l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ġiex ingaġġat wara sejħa pubblika?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħala Konsulent fuq it-Tibdil fil-Klima għalija bħala Ministru, fittixt li nirrikorri għas-servizz ta’ persuna esperta fis-suġġett, kemm fuq livell akkademiku kif ukoll dak professjonali u b’esperjenza fil-media fuq dan is-suġġett tekniku. L-għażla saret ukoll fuq bażi ta’ fiduċja u integrità.

Ministeri – Kiri ta’ vetturi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1695, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-avviż fejn ġew mogħtija tali struzzjonijiet lill-ministeri u dipartimenti oħra tal-Gvern?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qiegħed jaħdem fuq linji gwida sabiex jimplimenta il-wegħda tiegħu fil-programm elettorali.

Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — xiri u kiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti saru għall-karozza uffiċjali tas-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali? Jekk qed tinkera kemm hi l-kirja fis-sena? Jekk inxtrat kemm inxtrat? Ħarġu offerti għal kiri jew xiri u minn fejn qed tinkera jew inxtrat?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi ntalbu sebgħa (7) kwotazzjonijiet sabiex tinkera karozza uffiċjali għas-Segretarju Parlamentari għall- Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali. Il-karozza qed tinkera mingħand Merlin Car Hire għal perjodu ta’ tlett xhur li beda fill-15 ta’ April 2013 bi spiża ta’ €1,000+VAT fix-xahar.

Binjiet Agrikoli – working groups

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1692, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-proposti li saru mill-Ministeru responsabbli mill-agrikoltura, u min kienu l-istakeholders li ma qablux ma dawn il-proposti? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-proposti li kienu saru mill-Ministeru f'dan ir-rigward? Jista' jagħti tagħrif meta twaqqaf il-working group imsemmi, u minn min hu magħmul? Billi fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1476, qed jingħad li għad irid jitwaqqaf dan il-group, jista' jagħti tagħrif, min ħa sehem fin-numru ta' laqgħat li hemm imsemmija bħala li nżammu, u liema kwistjonijiet qed jiġu indirizzati b'mod iktar profond?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-working group imsemmi fit-tweġiba numru 1476 qed jaħdem sabiex l-ewwelnett tinġabar l-informazzjoni kollha meħtieġa li tkun tista’ twassal għal posizzjoni nfurmata. Barra minn hekk, ngħarraf lil Onor. Interpellant li mistoqsijiet fuq dan is-suġġett għandhom jiġu riferuti lil Ministru kkonċernat mill-MEPA, billi l- working group ġie stabbilit minn dawn tal-aħħar.

Responsabilità għall-iskalli

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1691, billi qed jingħad li d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura hu responsabbli mill-iskalli kollha ta' Malta u Għawdex, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn jinsabu kull wieħed minn dawn l-iskalli li tagħhom hu responsabbli d-dipartiment imsemmi? Jista’ jagħti tagħrif dwar liema huma l-iskalli li mistenni jiġu rranġati matul din is-sena? Min se jwettaq it-tiswija neċessarja?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni li għaddewlna, qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub, miġbur f’Tabella ‘A’. Ninsab infurmat illi qiegħed jitlesta programm ta’ manutenzjoni ta’ dawn l-iskalli fuq medda ta’ 5 snin. Dan ix-xogħol huwa fil-ħsieb li jibda ġaladarba jkun hemm flejjes ivvotati għal dan il-għan.