Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — positions of trust

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14176 u jelenka u jgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċju tiegħu u l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14937 tal-Onorevli Mario DeMarco.

Kunsill Lokali Ħamrun – Proġett ta’ night shelter

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14671 u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 11259, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm aktar żviluppi u x’kien l-eżitu tad-diskussjonijiet imsemmija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dan l-istadju qegħdin jiġu esplorati numru ta’ proposti u proġetti.

Awtorità tad-Djar — Kap Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13810 u jgħid jekk hemmx konflitt ta’ interess bejn il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar u xi kuntratturi minħabba xi xogħlijiet li huwa ġie imqabbad jagħmel? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja mingħand l-entitajiet jew awtoritajiet finanzjarji biex juri li l-kap eżekuttiv preżenti ma għandu l-ebda shares jew rabtiet finanzjarji, kummerċjali jew oħrajn ma’ kuntratturi jew oħrajn?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi m’hemmx konflitt ta’ interess bejn il-kuntratturi u x-xogħol tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar. L-Onorevoli membru għanda l-liberta kollha li taċċessa d-dokumenti mitluba tiegħu u ta’ kull min trid għax dawn jinstabu għall-iskrutinju pubbliku fil-website tal-MFSA.

Il-Qawra — Programm Leap - persuni mgħejjuna

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' xogħol hu mistenni li jwettqu l-persuni li qed jiġu mgħejjuna permezz tal-Programm tal-LEAP b'mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-inħawi tal-Qawra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-1 t’Ottubru 2014 ‘l hawn il-benefiċjarji li qed jipparteċipaw fil-Proġett Leap qed iwettqu dawn id-diversi tipi ta’ taħriġ kif indikat hawn taħt . Dan qiegħed iwassal biex il-benefiċarji jieħdu taħriġ u jiġu rijabilitati soċjalment filwaqt li jkunu mgħejjuna minn social mentors inġaġġati mill-istess proġett LEAP. It-taħriġ partikolarment fil-lokalita’ tal-Qawra / San Pawl il-Baħar jinkludi: § Customer Care fil-Kunsill Lokali, § Għajnuna biex saret playing field § Għajnuna fiċ-Ċentru tal-LEAP il-Qawra, § Għajnuna fl-Uffiċċju Parrokkjali tal-Knisja tal-Qawra, § Għajnuna lil diversi entitajiet li jużaw iċ-Ċentru tal-LEAP bħal KNPD, Youth Included u Aġenzija Żgħażagħ, § Għajnuna ta’ interpretazzjoni, § Ħidma fl-uffiċini tal-Kunsill Lokali, § Ħidma kollaborattiva mad-Djakunija , mal-gruppi li jaħdmu fil-Parroċċa u NGOs, § Integrazzjoni ta’ tfal u żgħażagħ b’kulturi differenti mal-komunita’ żagħżugħa tal-Qawra u San Pawl il-Baħar, § Kampanja Edukattiva dwar il-Bżonnijiet fil-Komunita ta’ nies b’diżżabilita. § Kampanja Edukattiva dwar ix-xorb u s-sewqan, § Kampanji ta’ edukazzjoni u għarfien dwar diversi kulturi li jinsabu fil-komunita tal-Qawra u San Pawl il-Baħar, § Laqgħat fi gruppi żgħar dwar għarfien kif jintegraw fil-komunita u l-għodda neċessarji biex jaddattaw b’suċċess fil-komunita, § Management’ ta’ Dar l-Umanita’, § Manutenzjoni tal-entitajiet tal-Parroċċa, § Manutenzjoni ta’ ‘railings’ f’postijiet pubbliċi, § Outreach fil-komunita lokali u ma’ nies b’kulturi differenti, § Preparazzjoni tal- leaflets għall-Parroċċa, § Sezzjonijiet ta’ arti u l-artiġġjanat, § Sezzjonijiet ta’ taħriġ dwar il-kultura Maltija għall-barranin, § Taħriġ ta’ Life Skills , § Tħawwil ta’ pjanti u siġar madwar il-lokalita’, § Tindif ta’ diversi entitajiet li għandha il-Knisja Parrokkjali, § Tindif tal- playing field fejn Dar l-Umanita’ § Tiżbir ta’ pjanti u siġar, § Tqassim ta’ ikel lill-familji fil-bżonn fil-Parroċċa.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – xogħol mogħti lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, mill-Ministeru u mid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2004 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħatawx xogħlijiet lill-kumpanija lid-dettalji tagħha ngħataw separatament.

Wegħda tal-Baġit 2014 – Servizz tal-Home Help

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12584, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-wegħda tal-Gvern fil-baġit għas-sena 2014 li l-Gvern jestendi s-servizz tal-Home Help saritx?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant lis-Servizz tal-Home Help ġie estiż kif fil-fatt juru dawn l-istatistiċi: f’Diċembru 2013 kienu qed jingħataw 6,800 siegħa servizz ta’ Home Help fil-ġimgħa lil 2,680 benefiċjarji u bħalissa qed jingħataw 7,245 siegħa servizz tal-Home Help fil-ġimgħa lil 2,712-il benefiċjarju. Sabiex inkomplu nestendu dan is-servizz għall-benefiċċju tal-komunità id-dipartiment se joħroġ iġdid li diġà ġie sotttomessa lid-Dipartiment tal-Kuntratti u qiegħed fil-proċess biex jinħareġ.

Skema “Sir Sid-Darek” — applikazzjonijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14521, jirriżulta li sa issa, l-Awtorità tad-Djar għadha ma kkonkludiet l-ebda waħda mill-418 applikazzjoni valida li saret fis-sena 2014? Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-kawża ta’ dan id-dewmien u għaliex l-applikanti mhumiex qed ikunu infurmati f’liema stadju waslet l-applikazzjoni tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kuntrarju ta’ kif ingħad fil-mistoqsija, l-Awtorità tad-Djar ipproċessat 214 applikazzjoni kif jidher hawn taħt:- - 89 ma ġewx aċċettati - 35 kienu irtirati mill-applikanti - 90 jinsabu fil-proċess ta’ konvenju/kuntratt Matul is-sena 2014 ġew proċessati ukoll 169 applikazzjoni oħra li kienu pendenti saħansitra mill-2011. Oltre dan, l-Awtorità tad-Djar qegħda tiproċessa 328 applikazzjoni oħra. Dan il-proċess jinkludi kejl ta’ proprjetà, stennija ta’ permessi meħtieġa mid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern għal bejgħ ta’ din il-proprjetà imbagħad hemm il-proċess biex isir l-ewwel il-konvenju u wara jsir il-kuntratt. Peress li l-proprjetà li tista’ tiġi akkwistata mill-inkwilini hija fil-maġġor parti proprjetà tal-Gvern, l-Awtorità tad-Djar trid takkwista il-permessi meħtieġa mid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern kif ukoll irid isir il-proċess fejn l-art li hemm mibni fuqha il-proprjetà tgħaddi mill-Gvern għal għand l-Awtorità permezz ta’ Avviż Legali. Kull applikant li jistaqsi lill-Awtorità fiex waslet l-applikazzjoni tiegħu taħt kull skema inkluża Sir Sid Darek, jingħata l-informazzjoni kollha meħtieġa.

Skema Sir Sid Darek — każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslet l-applikazzjoni taħt l-Iskema Sir Sid Darek bin-numru ta’ referenza li qed jingħata separatament? Jista’ jagħti raġuni għaiex din l-applikazzjoni għadha ma ġietx ipproċessata u għaliex għadhom ma ntalbux jersqu għall-kuntratt?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanti tal-applikazzjoni li n-numru tagħha ngħata separatament qegħdin jiġu kkumpilati u fil-jiem li ġejjin l-Awtorità tad-Djar se tinforma lill-applikant bil-prezz tal-appartament mikri lilu mill-Gvern sabiex dan jara jekk jixtieqx jipproċedi bix-xiri tal-fond mingħand l-Awtorità tad-Djar.

Awtorità tad-Djar – strateġija ġdida dwar il-qasam tal- housing

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14520, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Bord tad-Diretturi tal-Awtorità tad-Djar fassalx u lestiex l-istrateġija ġdida fuq il-qasam tal-housing kif ġie mwiegħed mill-Ministru ta’ qabel fis-sena 2013? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din l-istrateġija ġdida?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport fuq din l-istrateġija tlesta.

Sexual Assault Response Team

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14672 u jgħid kemm-il persuna użat is-servizz tas-Sexual Assault Response Team (S.A.R.T.) li hemm ġewwa l-Isptar Mater Dei? Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu magħmul dan il-unit u x'inhuma l-ħinijiet tal-ftuħ ta' dan il-unit?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li għamlu użu mis-servizz tas-Sexual Assault Response Team (S.A.R.T.), mit-twaqqif tiegħu, jammontaw għal 27. Il-Unit huwa riżultat ta’ partnership bejn tlett Ministeri – il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, u l-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa. Is-servizzi offruti permezz tas- S.A.R.T. huma fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum.

Benefiċċju Soċjali — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15076 u jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward każ ta' benefiċċju soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa minnu li l-persuna msemmija avżat li t-tifel tagħha kien beda jaħdem f’Ottubru 2014. Minħabba li beda jaħdem part time, ir-rata ma setgħetx tiġi riveduta mill-ewwel għax kien neċessarjament li jkun magħruf kemm fil-fatt ibnu kien se jkollu paga fil-ġimgħa. Eventwalment, id-Dipartiment kien irċieva din l-informazzjoni u ttieħdet azzjoni biex isseħħ ir-reviżjoni fir-rata tal-assistenza.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — persons of trust

Question

B'referenza għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 14937, jista' l-Ministru jgħid xi proċedura ntużat sabiex ġew ingaġġati l-persuni fil-positions of trust? Jista' jgħid f'kull każ min għamel ir-rakkmandazzjoni sabiex tintgħażel il-persuna li ġiet ingaġġata u x'raġuni ngħatat biex tiġġustifika dan l-ingaġġ? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull korrispondenza marbuta ma' dawn il-ħatriet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant ili ntużaw l-istess kriterji bħal tal-amministrazzjoni preċedenti. Dwar persuni fis-segretarjat il-kuntratt tal-impieg tagħhom huwa bbażat fuq id-dokument “engagement of staff for ministers secretariat” li tqieghed fuq il-Mejda tal-Kamra fil-15 ta' April 2013.

Reviżjoni ta' pensjoni — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward reviżjoni fil-pensjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jirriżultax illi hemm tibdil fir-rata bis-saħħa ta’ reviżjoni fil-pensjoni.

Pensjoni tal-invalidità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm dewmien fir-reviżjoni tal-pensjoni tal-invalidità? Filwaqt li nifhem li kull każ jista’ jkun rivedut u dan skont l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, għaliex qed ikun hemm dan id-dewmien meta l-persuni li għandhom problemi fiżiki, mediċi u/ jew mentali jiddependu unikament minn din il-pensjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa minn meta kien inbidel il-proċess ta’ reviżjoni ta’ kull Pensjoni għall-Invalidità fl-2007, tali proċess jitlob li l-pensjonant jerġa’ jipprovdi evidenza kurrenti illi tikkonferma l-kundizzjoni medika tiegħu sabiex il-bord mediku jkun jista’ jiddeċiedi jġeddidx il-pensjoni msemmija. Inżid illi għalkemm jista’ jkun hemm każijiet illi ma jipprovdux l-evidenza fil-ħin, id-Dipartiment jagħmel dak kollu possibli sabiex dawn xorta waħda jkollhom il-pagament estiż sabiex ma jispiċċawx mingħajr pensjoni.

Servizz tat-Telecare u telecare plus

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11188, jista’ l-Ministru jgħid jekk anzjani li għandhom is-servizz tat-telecare u li tilfu il-pendent, issa hux qed ikollhom bilfors ibiddlu s-sett tat-telecare għal telecare plus li introduċa dan il-Gvern? Jekk iva, jista’ jgħid jekk dawn ikollhomx iħallsu kera aktar għolja?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minħabba li s-sistema l-ġdida tat-Telecare Plus mhix kompatibli ma’ dik l-antika, il-pendent ma jkunx jista’ jiġi mibdul u b’hekk ikun meħtieġ li s-servizz jinbidel għal dak tat-Telecare Plus.

Servizz tat-telecare

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12586, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-wegħda tal-gvern fil-baġit għas-sena 2014 li l-Gvern, bi sħubija mal-privat, itejjeb is-servizz tat-Telecare permezz ta’ teknoloġija ġdida biex jiġi aġġornat għaż-żmien tal-lum, twettqitx? Jista’ jgħid fiex jikkonsisti dan it-titjib?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’Novembru 2013, il-Gvern u l-GO plc laħqu ftehim li bi sħubija mall-privat, jittejjeb is-servizz tat-Telecare permezz ta’ teknoloġija ġdida biex jiġi aġġornat għaż-żmien tal-lum. Dan il-ftehim jipprovdi li jinbidel l-apparat antik tat-Telecare għal wieħed teknoloġikament modern. L-apparat eżistenti tat-Telecare li beda jiffunzjona f’Marzu tat-1991 issa qed jinbidel ma’ wieħed bil-wisq aktar effiċjenti. Ma’ dan l-apparat li hu żgħir fil-qies, msejjaħ Telecareplus, jistgħu jiġu ikkonnettjati b’mod ta’ wireless sa 41 devices differenti. Il-funzjoni prinċipali tat-Telecare baqgħet li min juża t-Telecare għandu servizz ta’ 24 siegħa kuljum skont il-bżonn li jinqala’. L-aċċess isir b’għafsa ta’ buttuna jew minn fuq il-pendent jew minn mas-sett. Bidla importanti oħra li saret hija fis-software tas-sistema tat-Telecare. Dan ġie mibdul kompletament.

Servizz tat-Telecare u Telecare Plus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm anzjani applikaw għas-servizz tat-Telecare u Telecare Plus separatament minn xulxin? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ każijiet li għadhom pendenti u x’inhi r-raġuni għal dan id-dewmien?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Minn Novembru 2013 kull min qed japplika qed jingħatalu s-servizz tat-Telecare Plus. In-numru ta’ klijenti li għandhom is-servizz tat-Telecare huwa: 6411 In-numru ta’ klijenti li għandhom is-servizz tat-Telecare Plus huwa: 2571 In-numru ta’ każijiet pendenti huwa: 103. Minn dawn, 23 għandhom jew linja mhux tal-GO u jrid isir proċess min-naħa tal-GO plc biex jikkonvertu għal-linja tal-GO, jew ma jkollhomx linja allura l-GO plc jipprovdulhom linja mal-installazzjoni tat-Telecare Plus. Hemm ukoll 40 applikant li jew ma bagħtux id-dokumenti meħtieġa jew qed jerġgħu jaħsbuha. Il-kumplament tal-applikazzjonijiet qegħdin fil-proċess biex jiġi nstallat is-servizz tat-Telecare plus.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – konsulenti

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 13306 u 13700, jista’ l-Ministeu jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti tal-konsulenti msemmija li għadhom bil-kuntratt sal-lum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – Persons of Trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati bħala persons of trust fil-Ministeru u fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b’sena matul l-2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ? Jista’ jgħid, wieħed wieħed: min kienu dawn il-persuni u x’pożizzjoni kienu jokkupaw; kemm kien is-salarju annwali tagħhom; x’kienet l-ispiża, sena b’sena fuq il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera), u x’kienet sena b’sena l-ispiża fuq safar tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab mehmuża. Nigbed l-attenzjoni li fejn m’hemmx informazzjoni hu minhabba li il-Ministeru m’ghandux id-dettalji mehtiega.

Aġenzija Appoġġ — persuni ingaġġati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14325 u jgħid kemm huma l-persuna li ġew impjegati mal-Aġenzija Appoġġ minn April 2013 sa Jannar 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn April 2013 u Jannar 2015 ġew impjegati 41 persuna mal-Aġenzija Appoġġ”.