Jista' il-Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm din il-burokrazija fl-implimentazzjoni tan-National Park fi Xrob l-Għaġin f'Delimara?
Jista' jgħid kemm intilfu fondi minn barra l-pajjiż minħabba d-dewmien tal-ministeru biex jagħti l-committment tiegħu għal dan il-proġett?
Jista' jgħid għaliex wara li saru diversi laqgħat kontinwi man-Nature Trust qed jitlob li jiġi preżentat business plan dwar dan il-proġett?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill Onor. Interpellant li kemm in-Nature Trust, kif ukoll dan il-Ministeru ħadmu flimkien fuq xogħol preliminari biex ġiet sottomessa Outline Development Permission lill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), sabiex l-arja magħrufa bħala Xrobb l-Għaġin f’Delimara tiġi żviluppata f’Nature Park/Marine Life and Reseach Centre. L-Onor. Interpellant jifhem li il-Gvern ikun irid jifli il-pjan dettaljat tal-proġett li jkun qed jiġi propost qabel ma jidħol f’xi commitment ta’ dan it-tip. Huwa proprju għalhekk li ntalab dan il-Business Plan aktar dettaljat minn dak li ngħata s’ issa. Ninforma wkoll li n-negozjati sabiex jinstabu fondi barranin għal dan il-proġett għadhom għaddejin.
Jista' il-Ministru jgħid kemm għandha tagħti fondi l-MEPA mill-proġetti li fihom kien hemm planning gain u min huma l-għaqdiet li għad iridu jingħatawlhom dawn il-fondi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-kontijiet pendenti li bħalissa għandha quddiemha l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għar-rimbors ta' fondi mitluba minn għaqdiet jammontaw għal madwar Lm 15,000. L-għaqdiet in kwestjoni huma l-Fondazzjoni Natura (għall-proġett ta' Wied Għollieqa – madwar Lm14,000) u l-Fondazzjoni Wirt Artna (għall-proġett tal-Victoria Lines – madwar Lm1,000).
Fil-każ tal-proġett ta’ Wied Għollieqa, l-arranġamenti biex isiru l-pagamenti dovuti diġa’ qed isiru.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema dipartimenti tal-gvern sar xi investiment jew istallar għal sorsi ta' enerġija alternattiva f'dawn l-aħħar snin? Kemm kien ilaħħaq dan l-investiment u fiex intnefaq?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fil-ministeru tiegħu u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Lulju 2004 sal-lum?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Lulju 2004 sa llum ingħataw sitt (6) transfers mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u mid-Dipartimenti li jaqgħu taħtu għal Ministeri u Dipartimenti oħra.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-sentenzi li ngħataw sal-lum mill-awditur tal-MEPA, li ismu qiegħed jintbagħat separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Onor. Membru mitlub jinnota li Art. 17Ċ(4) tal-Liġi dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp jistipula li :
“L-Awtorita’ għandha tibgħat kopja ta’ kull rapport miktub mill-Uffiċjal dwar il-Verifika lill-Ministru u għandha tinfurmah b’kull azzjoni li tkun ħadet fir-rigward tar-rapporti ta’ l-Uffiċjal dwar il-Verifika u fejn ma tieħu l-ebda azzjoni kif ikun irrakkomanda l-Uffiċjal dwar il-Verifika, għandha tinforma lill-Ministru bir-raġunijiet għalfejn m’ għamlitx dan.”
Sadanittant peress li sa llum ma ngħata lili l-ebda rapport mill-Awtorita’ dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ l-Uffiċjal dwar il-Verifika u l-azzjoni li din tkun ħadet, ma nħossx li għandi ngħaddi l-kopji ta’ dawn is-sentenzi f’dan l-istadju.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx ħsieb li titwaqqaf koperattiva biex jinbnew ħitan tas-sejjieħ? Jekk iva, meta hemm ħsieb li titwaqqaf billi f'Ġunju li għadda kien hemem numru ta' nies u żgħażagħ li temmew b'suċċess kors ta' xahrejn dwar il-bini tal-ħitan tas-sejjieħ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li waqt il-laqgħat li kien hemm maż-żgħażagħ li għamlu il-kors tal-bini tal-ħitan tas-sejjieħ, ġie ssuġġerit lilhom l-possibilita' li jwaqqfu l-koperattiva iżda din għandha tkun inizjattiva tagħhom biex japplikaw lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7900, cioe' jekk huwiex qed jimplimenta r-regolament 259/93 ta' l-Unjoni Ewropea u jagħti d-dettalji?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li Malta qed timplimenta ir-regolament 259/93 dwar il-ġarr ta' skart bejn Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, u bejn Stati Membri u Stati oħra għal skopijiet ta' disposal jew rkupru.
Applikazzjoniiet għal ġarr ta' skart minn Malta jeħtieġ li jkunu approvati mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), li hi l-Awtorita' kompetenti f' dan il-qasam.
Formoli ta' l-applikazzjoni apposta jistgħu jiġu akkwistati mil-uffiċċji tal-MEPA fil-Floriana.
Jista' il-Ministru jgħid x'permessi għandhom l-istabilimenti, li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament? X'restrizzjonijiet hemm fuq ħinijiet u livelli ta' storbju bħal public address system?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet il-MEPA ma' sid privat biex itella' ħajt mal-plot privat tiegħu - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - minħabba li dan qed ikun użat bħala miżbla b'inkonvenjent għar-residenti tal-madwar?
Jista' il-Ministru jkun daqstant ġentili u jgħid liema kienu dawk l-entitajiet, dipartimenti jew awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea mill-1 ta' Jannar 2004 sal-lum (kemm pre-accession u accession funds)? Għal liema fondi applikaw? Kemm-il proġett ġie sottomess? X'kien l-eżitu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu l-konsulenti barranin imqabbda mill-MEPA dwar is-site identification tal-golf course? Jista' jgħid kemm se jkunu mħallsa dawn il-konsulenti għal dan ix-xogħol? Jista' jgħid kif saret l-għażla ta' dawn il-konsulenti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-konsulenti li ġew imqabbda mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex jagħtu parir fuq kemm ċerti siti huma adatti għall-iżvilupp ta' korsa tal-golf kienu tnejn.
Il-Konsulenti mqabbda ser jitħallsu 2500 sterlina biex jipproducu r-rapport tagħhom.
L-għazla ta' dawn il-konsulenti saret fuq il-bażi ta' l-esperjenza tagħhom f' dan ir-rigward u l-prezz wara sejħa għall-offerti.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-WasteServ Malta Ltd. toffrix xi tip ta' servizz lil dawk l-uffiċċji/fabbriki li jkollhom il-karta għar-riċiklaġġ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minħabba żieda fit-talbiet għal ġbir ta materjal riċiklabbli il-kumpanija WasteServ Malta Ltd ma tistax tagħmel arranġamenti fit-tul ma' entitajiet privati. Għaldaqstant, sabiex tgħin fl-organizzazzjoni tas-separazzjoni tal-karta, il-kumpanija WasteServ Malta Ltd qed toffri dan is-servizz bla ħlas għal xahrejn li wara jista' jkun segwit bil-klijent jorganizza hu t-trasport lejn l-Impjant tar-Riċiklaġġ ta` Sant'Antnin. F' każ li l-klijent jagħżel li tkompli tintervjeni l-kumpanija WasteServ Malta Ltd, għandu jkun hemm ħlas ta' Lm15 sabiex tkopri l-ispejjeż involuti.
Ta' min ifakkar li r-rwol tal-kumpanija WasteServ Malta Ltd huwa dak li tgħin biss fejn l-attivita' privata ma tkinx possibbli topera. B' hekk il-kumpanija WasteServ Malta Ltd tkun tista' tagħti priorita` lil dak il-materjal riċiklabbli li jkun dirett mid-dipartimenti tal-Gvern, Kunsilli Lokali u skejjel.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn barrieri li qed jilqgħu fihom skart u materjal skond il-permessi neċessarji? Jista' jgħid liema huma dawn il-barrieri u min huma s-sidien tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħarġet għaxar (10) permessi għall-mili ta’ barrieri bi skart inert.
Ta’ min wieħed jinnota li l-Awtorita’ ma jkollhiex informazzjoni dwar is-sidien tal-barrieri għax meta jinħarġu l-permessi neċessarji, il-MEPA ikollha x’ taqsam biss ma l-operaturi ta’ dawn il-barrieri.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed jiġu mħarsa l-istandards neċessarji skond id-direttivi ta' l-Unjoni Ewropea dwar ir-rimi ta' skart fil-barrieri? Jista' jgħid kif qed jitħalla li jsir rimi ta' skart fil-barrieri mingħajr ma jsir l-ilqugħ neċessarju b'materjal apposta (lining)?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-istandards neċessarji skond id-direttiva ta' l-Unjoni Ewropea dwar ir-rimi ta' skart qed jiġu rispettati.
Minħabba n-natura tal-materjal, ir-rimi ta' skart inert fil-barrieri mhux ta' riskju għall-ambjent u ma jirrikjedix li l-barrieri jkunu lined.
Jista' il-Ministru jgħid min qed jagħmel monitoring ta' l-iskart li qed jintefa' fil-barrieri u xi proċedura qed tintuża biex jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-permess ta' l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għar-rimi ta' skart inert fil-barrieri jistipula li l-operatur jagħmel sorveljanza kontinwa biex ma jintefax materjal li mhux inert fil-barriera.
Għaldaqstant l-operatur irid jassigura li materjal mhux inert jitwarrab qabel ma dan jintefa'.
Spetturi tal-MEPA jagħmlu spezzjonijiet biex jassiguraw li dan isir.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' każi ta' enforcement cases pendenti li hemm fil-MEPA? Jista' jgħid kemm kienu l-każi ta' direct enforcement li ġew determinati b'suċċess f'din l-aħħar sena? Jista' jgħid ukoll kemm twaqqa' bini illegali f'din l-aħħar sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' każi ta' enforcement pendenti għand l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) huwa ta' 6,154. Mill-1 ta' Jannar sal-15 ta' Ottubru ta' din is-sena saru 16 il-azzjoni diretta li kienu jaffettwaw 31 każ ta' Avviż ta' Twettiq. Fost dawn kien hemm 14 fejn, b' permezz tal-azzjoni twaqqaw strutturi illegali.
Jista' il-Ministru jinformana għaliex ġie abbandunat il-proġett ta' riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejjgħa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Kif għidt kemm il-darba dan il-proġett qatt ma tpoġġa fuq l-ixkaffa iżda wieħed irid jifhem li l-prioritajiet jitfasslu anke fid-dawl tal-fondi disponibbli.
Jista' il-Ministru jinformana kemm hija l-ispiża f'ċifra ta' flus għal ħsarat ikkawżati f'Wied il-Qlejjgħa kawża ta' l-aħħar maltempata ta' Settembru li għadda?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-uffiċini tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura ma irċevew l-ebda rapport ta’ ħsarat f’ Wied il-Qlejjgħa wara l-aħħar maltempata ta’ Settembru 2004.
Jista' il-Ministru jinformana għaliex il-ħsarat ikkawżati bil-maltemp ta' Settembru tas-sena l-oħra fil-Wied tal-Qlejjgħa ma ġewx irranġati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li saru mill-Gvern kienu dawk primarjament ta’ l-inħawi ta’ Ħal Qormi u l-Marsa, kif ukoll inbeda xogħol estensiv fl-inħawi ta’ Wied Riħana, Burmarrad, u s-Salini. Ma hemm xejn xi jżomm lill-bdiewa milli jsewwu l-ħitan tas-sejjiegħ bl-għajnuna anke finanzjarja tal-Pjan ta’ l-Iżvilupp Rurali.
Nittama li l-Onor. Membru japprezza li l-Gvern ma jistax jintrabat li jagħmel ix-xogħol kollu hu għall-ħsarat ikkaġunati.