Legislature:
Category:
Reset
Active:

MUŻA – Grand Salon for Costume, Fashion and Film Museum

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26015, jista' l-Ministru jispjega għaliex il-Grand Salon for Costume, Fashion and Film Museum mhux se jkun ibbażat fuq il-kunċett tal-Community Curatorship? Ma jaħsibx il-Ministru li dan il-kunċett tal-MUZA huwa l-futur għall-mużewijiet l-oħra kollha f'Malta u għandu jittieħed bħala kunċett ta' best practice?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-kunċett u mudell kuratorjali tal-MUZA ġie maħsub prinċiparjament għal dak il-proġett u huwa uniku mhux biss għal Malta iżda wkoll fuq livell iktar wiesa.

Fortizza ta’ Delimara

Question

B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 16736 u 26012, jista' l-Ministru jgħid x’kien l-outcome tad-diskussjoni li Heritage Malta għamlet mal-istakeholders vis-à-vis ir-riġenerazzjoni tal-Fortizza ta' Delimara? Jista' jgħid minn kien involut f'dawn id-diskussjonijiet? Jista' jgħid jekk sarx Condition Assessment ta' dan il-post?

Response (BONNICI, OWEN)

M'ghandix xi nzid ma' dak li kien twiegeb ghall-mistoqsijiet parlamentari ċċitati fid-domanda.

Heritage Malta – Head Office — defibrillator

Question

B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 16739 u 26011, jista' l-Ministru jagħti update ta' fejn wasal il-proċess sabiex Heritage Malta tinvesti f'defibrillator ġewwa l-Head Office kif ukoll fis-siti u mużewijiet l-iktar frekwentati mill-viżitaturi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-proċess għadu għaddej.

Għar Dalam – Master Plan

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26005, jista' l-Ministru jgħid meta se jkun preżentat il-Master Plan relatat ma' Għar Dalam?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li m'hemm l-ebda diffikultà li l-Master Plan ta’ Għar Dalam ikun ippubblikat ladarba jkun konkluż fix-xhur li ġejjin.

Heritage Malta — Xogħlijiet ta’ Arti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25666, jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-mekkaniżmu li Heritage Malta taddotta fejn jidħol xiri ta' oġġetti ta’ xogħol ta’ arti jew ta' importanza skorika, speċjalment għal oġġetti li jiswew iktar minn €1500?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li f’kull każ (għall-valur imsemmi) il-kuratur responsabbli jkun jaf xi ħtiġijiet u nuqqasijiet għandhom il-kollezzjonijiet partikolari li hu/hi responsabbli minnhom. Għalhekk hu/hi jirrakkomanda li jinxtara xi oġġett lill-Kap Eżekuttiv, li japprova jew le skond il-każ. Jekk l-ammont mitlub ikun elevat (€5000 jew iktar), il-Kap Ezekuttiv jiddiskuti maċ-Chairman. Fil-każ ta’ xogħlijiet ta’ arti moderni u kontemporanji hemm kumitat apposta li jissuġġerixxi x’akkwisti għandhom isiru lill-Kap Eżekuttiv. F’kull każ, jekk ikun ħa jintuża d-Dritt ta’ Preferenza skond l-Att tal-Wirt Kulturali, allura trid issir talba speċifika lis-Sovrintendent tal-Wirt Kulturali u tintalab approvazzjoni mill-Kumitat ta’ Garanzija u mill-Ministru.

Heritage Malta – ħaddiema promossi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem ġie promoss ġo Heritage Malta minn Marzu 2013 sal-lum? F'liema grad ġew promossi u mil-liema lokalità ġejjin dawn il-ħaddiema?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sa llum gew peromossi 45 haddiem skond it-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Proposti fuq sentenzi Kostituzzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27944 u ċjoè: Wara l-mistoqsijiet parlamentari 11118 (fl-2014) u 13523 (f’Jannar tal-2015), jista’ l-Ministru jgħid: a) fiex wasal il-proċess ta’ konsiderazzjoni u konsultazzjoni interna (li hu semma’ fit-tweġiba għall-interpellanza 11118) dwar proposta t’abbozz ta’ liġi sabiex jindirizza l-problema ta’ dawk l-inkwilini li qed jispiċċaw żgumbrati minn djarhom minħabba li l-Qrati qed jiddikjaraw parti mill-Att 23 tal-1979 bħala li jikser id-drittijiet tat-tgawdija tal-proprjetà tas-sidien; u b) fiex waslet il-proposta ta’ liġi u s-social impact assessment li huwa semma’ fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13523, dwar l-istess suġġett? Jaf il-Ministru li fil-frattemp spiċċaw żgumbrati minn djarhom familji sħaħ, l-iktar koppji anzjani intortament (u bla ebda tort tas-sidien lanqas li qed jikkawtelaw id-drittijiet tagħhom) li kienu daħlu f’kuntratti in bona fede u skont il-liġi tal-1979, u hemm eluf oħra bil-mannara mdendla fuq rashom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ix-xogħol indikat fir-risposti msemmija f’din l-interpellanza għadu għaddej.

Bejgħ tal-passaport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, wara li ġimgħa ilu fil-Parlament qal li l-pajjiż daħħal €310 miljun mill-bejgħ tal-passaporti, f’liema kont tal-Gvern qed jidhru dawn il-flejjes, jekk jidhrux fl-Estimi Finanzjarji ppreżentati fid-Diskors tal-Baġit għas-sena 2017 (liema diskors ġie moqri tliet ġimgħat ilu) u fil-każ fejn fl-Estimi Finanzjarji qed jidhru tali €310 miljun, u kemm hu l-ammont ta’ imgħax legali li l-pajjiż daħħal minn fuq din is-somma? F’liema kont qed jinżamm l-imgħax legali akkumulat u b’liema rata qed jiġi akkumulat tali imgħax?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi dak li qed jirreferi għalih bhala ‘bejgħ tal-passaporti’ mhuwiex bejgħ ta’ passaporti imma huwa Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment. It-€310 miljuni illi l-pajjiż daħħal minn dan il-Programm huma maqsumin kif ġej: €133,605,450.00 li kkontirbew għal-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali, €57,298,050.00 li marru fil-Fond Konsolidat, €12,822,000 fil-kont tal-Aġenzija u €10,311,000 li marru għand il-Konċessjonarju. Il-bilanċ jibqa’ dak ta’ €95,963,500 li jinsabu f’kont kurrenti tal-Aġenzija.

Identity Malta – persuni housebound – tiġdid ta’ Karta tal-Identità

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex minnu li hemm aktar minn mitt persuna li huma housebound u li talbu lill-Identity Malta sabiex tagħmlilhom viżita ġewwa djarhom biex tagħmlilhom Karta tal-Identità ġdida? Jista' jgħid għaliex din l-istennija sabiex jingħata dan is-servizz, meta t-talbiet saru aktar minn tliet xhur ilu u meta sa ftit żmien ilu biss, l-individwu kien jingħata dan is-servizz fi ftit ġranet biss jew f'perjodu ta' mhux aktar minn ġimgħa? Jista' jikkonferma wkoll jekk dan id-dewmien huwiex dovut għall-fatt li fejn qabel kien hemm numru ta' persuni li kienu jagħtu dan is-servizz, minħabba tibdiliet li saru, dan is-servizz ma għadux qed jitqies prijoritarju u tnaqqsu l-impjegati li kienu jagħmlu dan ix-xogħol? Jista' jgħid x'se jkun qed isir sabiex dan id-dewmien esaġerat jitnaqqas għal-livelli aċċettabbli li kien qabel?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Identity Malta (Taqsima tal-Karti tal-Identita’) matul is-sentejn li għaddew għamlet xogħol impekkabbli fejn jirrigwardja t-tiġdid tal-karti tal-identita’. Fil-fatt matul l-eżerċizzju li sar fuq skala nazzjonali biex jiġġeddu l-karti tal-identità madwar il-pajjiż kollu, uffiċjali mid-dipartiment responsabbli marru ukoll jagħtu servizz lil ċittadini bi problemi ta’ mobilta’ ġewwa darhom stess. Matul is-sentejn li għaddew saru 7,537 viżta lil nies bħal dawn li kienu ilhom snin twal jistennew li tinbidlilhom il-karta tal-identità skaduta li kellhom. Jien infurmat li matul is-sena kurrenti dan is-servizz baqa jingħata b’mod regolari u fil-fatt diġa saru 1350 viżta lil nies li talbu biex issirilhom karta tal-identità ġdida fil-kumdita’ ta’ darhom. Il-lista ta’ stennija hija fil-livelli normali bħal qabel u bħalissa hemm 139 persuni li għadhom jistennew dan is-servizz . Ninfurmaha ukoll li aktar min-nofs ta’ dawn il-persuni għadhom kemm applikaw matul Ottubru u Novembru 2016. Tajjeb hawnhekk wieħed jirrimarka li dan id-dipartiment joffri l-faċilita’ li jittratta bi prijorita’ każijiet t’individwi, li għal raġunijiet validi, jkollhom bżonn li tinħarġilhom karta tal-identita’ ġdida b’mod urġenti.

Ħal Tarxien – Triq Birżebbuga — bankini

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ser jintefqu flus mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien sabiex isiru l-bankini ta’ Triq Birżebbuġa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li għaddej bħalissa fuq Triq Birżebbuġa f’Ħal Tarxien huwa kollu kemm hu minn Transport Malta.

Kunsilli Lokali – Allokazzjoni finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se tkun l-allokazzjoni finanzjarja għal kull kunsill lokali għas-sena 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-allokazzjoni finanzjarja għal kull kunsill lokali għas-sena 2017. Din tinkludi l-allokazzjoni annwali skont artiklu 55 tal-Att, kif ukoll tlett fondi li joħorġu mill-vot ta’ inizjattivi speċjali li jagħtu importanza lill-Belt kapitali u lill-ibliet kif elenkati fl-Att, fond ta’ aggustament, kif ukoll fond iehor li tikkumpensa lil-lokalitajiet li għandhom influs ta’ turiżmu u kummerċ fil-lokalità tagħhom.

Persuni li ħadu warrant taħt il-parti VI tal-Kap 445

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom warrant taħt il-parti VI tal-Kap 445 tal-Liġijiet ta' Malta? Min huma l-membri tal-bord li jiddetermina dawn il-warrants, kemm jitħallsu u x'remunerazzjoni għandhom għas-servizz li jagħtu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li dik il-parti tal-liġi msemmija li tirrigwarda l-Bord tal-Warrant tar-Restawraturi qatt ma ġiet in vigore minħabba teknikalità legali. Għalhekk bħalissa ma hawn ħadd li għandu warrant, il-bord imsemmi ma jeżistix u konsegwentement ma hemmx remunerazzjoni.

Torri tal-Għargħur — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28585 li oriġinarjament saret lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid meta se ssir il-manutenzjoni meħtieġa fuq it-Torri tal-Għargħur, li ilu għal bosta ġimgħat mingħajr dawl u kaġun ta' dan jista' jseħħ xi inċident?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjioni ghadha qed tingabar u ser tinghata f'seduta ohra.

Ħal Tarxien – Toroq suġġeriti mill-Kunsill Lokali biex jiġu asfaltati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27378 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid liema huma t-toroq li ġew issuġġeriti jew mitluba mill-Kunsill Lokali Tarxien sabiex jiġu asfaltati minn Transport Malta fl-aħħar sena s’issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li ssuġġerixxa li tkun asfaltata Triq Ħal Luqa.

Raħal Ġdid – Toroq suġġeriti mill-Kunsill Lokali biex jiġu asfaltati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27377 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid liema huma t-toroq li ġew issuġġeriti jew mitluba mill-Kunsill Lokali Raħal Ġdid sabiex jiġu asfaltati minn Transport Malta fl-aħħar sena s’issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Paola, fid-dawl tal-ftuħ għall-vetturi tat-triq mal-Baċir numru 7, issuġġerixxa lil Transport Malta li tkun asfaltata il-parti ta’ Triq il-Baċir minn Triq Għajn Dwieli sar-roundabout.

Qorti ta’ Għawdex – avukat tat-tfal

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27417 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid min huwa l-avukat tat-tfal li jservi fil-Qorti ta' Għawdex? Jista' jgħid għaliex m’hemmx avukat tat-tfal abbinat biss mal-Qorti ta' Għawdex u kull darba li jkun hemm każ dan irid jitla' minn Malta? Jista' jgħid f'kemm-il każ matul l-2015 u matul l-2016 sal-lum ġie appuntat avukat tat-tfal mill-Qorti ta' Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Fil-preżent hemm żewġ avukati tat-tfal li jiġu nominati mill-Qrati ta’ Malta u Għawdex. Irrid ngħid li matul l-2015 u l-2016 ma kien hemm ebda nomina mill-Ġudikatura ta’ Avukat tat-tfal fil-Qorti ta’ Għawdex.

Palazz tal-GranMastru – xogħlijiet fil-bitħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li sar ġewwa l-bitħa interna ġewwa l-Palazz tal-Gran Mastru sarx taħt is-superviżjoni ta' Heritage Malta? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid għaliex dan ix-xogħol ma sarx taħt l-osservazzjoni ta' esperti u jekk hemmx ħsieb li l-kisi li ġa beda jfarfar, jerġa’ jsir kif suppost?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li x-xogħol imsemmi sar mill-GHRC bil-permessi u l-proċeduri meħtieġa tal-awtoritajiet kollha ikkonċernati. Huwa normali li kisi f’dak l-ambjent jiġi mantnut b’mod regolari.

Heritage Malta — Stores

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26021, jista' l-Ministru jgħid, ladarba Heritage Malta ma tafx bid-diffikultajiet imsemmija, x'kienet ir-raġuni li n-nies li jaħdmu fl-istores mhux qed ikollhom trasport kull meta jkun hemm il-bżonn kif ukoll għaliex xi ħaddiema urew ix-xewqa li jiċċaqalqu minn dan id-dipartiment? Jista’ jgħid x'qiegħda tagħmel Heritage Malta sabiex ittejjeb is-sitwazzjoni f'dan ir-rigward kif ukoll fir-rigward tal-ħaddiema tal-istores?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-użu tal-vetturi ta’ Heritage Malta jiġi ppjanat skont l-esiġenzi u l-prijoritajiet tal-aġenzija. Għall-bidu xi uffiċjali kellhom xi diffikultà sabiex draw is-sistemi tal-IT ġodda u li issa ġew riżolti: xi ħaġa li wieħed jistenna f’ċirkostanzi simili.

Heritage Malta — performance bonus - kriterji

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26020, jista’ l-Ministru jgħid għaliex din l-informazzjoni kienet ingħatat fis-snin oħra u issa mhux tingħata? Ma jaħsibx il-Ministru li dan l-ħabi jista' jwassal għal nuqqas ta' trasparenza ta' kif qed jiġu mqassma fondi pubbliċi ġewwa Heritage Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Dan mhux każ ta’ ħabi, għax l-Onor. Interpellant huwa mistieden li jiġi jara l-informazzjoni għall-kumdita tiegħu privatament. Biss nemmen li minħabba r-raġunijiet ta’ kunfidenzjalità din l-informazzjoni m’għandhiex titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Heritage Malta — Heads u Managers – performance bonus

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26019, jista' l-Ministru jgħid liema huma l-objettivi u l-kriterji kollha li fuqhom se jingħata l-Performance Bonus lis-CEO, il-Heads u l-Managers ta’ Heritage Malta matul is-sena 2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inqieghed fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-informazzjoni mitluba.