Legislature:
Category:
Reset
Active:

Imwiet b'overdose

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm mietu persuni b'overdose matul l-2005, xahar b'xahar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm ħames persuni li mietu b'overdose minn abbuż ta' droga. Dawn kienu persuna f'kull wieħed mix-xhur ta' Jannar, Marzu, April, Mejju u Settembru. F'Ottubru kien hemm persuna oħra li mietet b'riżultat ta' overdose ta' mediċinali.

CHOGM — Parking fil-Belt Valletta

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega jekk il-Belt Valletta hijiex se tagħlaq totalment għal vetturi privati matul il-ġranet taċ-CHOGM? Jekk fl-affermattiv, liema huma l-ġranet affettwati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mhux maħsub li ċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku fil-Belt Valletta tkun magħluqa fil-ġranet tac-CHOGM. Pero' ser ikun hemm ħinijiet fejn iċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku u parkeġġ ta' vetturi ser ikun ristrett f'xi toroq bejn il-Ħamis u s-Sibt, 24 u 26 ta' Novembru.

Santa Luċija — Triq De Hosa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li ssir il-bankina ta' Triq De Hosa, Santa Luċija, peress li din tinsab fi stat ħażin u qatt ma kienet saret qabel?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali kkonċernat.

Dipartiment ta' l-artijiet — Każ dwar proprjeta'

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, titħallas għall-proprjeta' li l-gvern kien ħadilha peress li ilha ħafna tistenna?

Response (BORG, TONIO)

Id-dettalji li ġew mibgħuta separatament ma jagħtu l-ebda indikazzjoni dwar il-proprjeta' in kwestjoni u għalhekk l-Onor. Interpellant huwa mitlub jindika grafikament din il-proprjeta' jew in-numru tal-file.

Dipartiment ta' l-Artijiet — Akkwist ta' art f'Ħal Qormi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-President Declarations datati: a) 20 ta' Marzu 1987; u b) 9 ta' Mejju 1989 dwar l-akkwist ta' art fi Triq Valletta, Ħal Qormi? Jista' jgħid għaliex qed tintuża din l-art fil-mument u jekk il-gvern għandux xi pjan partikolari għal din l-art fil-futur?

Response (BORG, TONIO)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' Dikjarazzjoni tal-President ta' Malta ppublikati fil-Gazzetti tal-Gvern, tal-20 ta' Marzu 1987 Avviż Nru. 225 u tal-5 ta' Mejju 1989 Avviż Nru. 258. Dik tal-20 ta' Marzu 1987 saret fuq talba tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fit-23 ta' Diċembru 1982, għat-twessiegħ tat-triq u dik tal-5 ta' Mejju 1989 saret fuq talba tal-istess dipartiment fis-7 ta' Novembru 1973. Sa llum id-Dipartiment tal-Artijiet għadu ma ġiex infurmat mit-Taqsima tax-Xogħlijiet jew minn xi Dipartiment ieħor jekk hemmx xi pjan partikolari għal dawn l-artijiet fil-futur jew jekk għandux jirrilaxxa lis-sidien dawk il-partijiet li ma ntużawx għall-iskop tal-esproprju mitlub. Id-Dipartiment ma għandux informazzjoni fuq l-użu preżenti tal-proprjeta' kollha li ġiet dikjarata meħtieġa għal skop pubbliku.

Kerċem — Triq Calleja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15322, peress li Triq Calleja f'Kerċem, Għawdex hija perikolża ħafna u anke seħħew inċidenti fatali fiha, u peress li saru talbiet mir-residenti Kerċemin biex din it-triq titwessa, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħa l-ministeru biex din il-problema tiġi rimedjata u jitneħħa l-periklu?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanti li t-twessiegħ tat-toroq f'Għawdex ma jaqax taħt ir-responsabbilita' tal-Ministeru tiegħi.

Korp tal-pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm fil-fatt huwa n-numru ta' pulizija fil-korp illum? Kemm kien l-istess numru sena b'sena matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru globali ta’ membri fil-Korp tal-Pulizija fil-31 ta’ Ottubru 2005, kien jammonta għal 1,798. Filwaqt li fl-erba’ snin ta’ qabel kien kif ġej:- 31 t’Ottubru, 20011,730 31 t’Ottubru, 20021,804 31 t’Ottubru, 20031,855 31 t’Ottubru, 20041,784 31 t’Ottubru, 20051,798

Ċentru ta' l-Arbitraġġ — Arbitri

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-Arbitri fic-Ċentru ta' l-Arbitraġġ għandhom limitu ta' kemm ikollhom każijiet? Jekk iva, x'inhu dan il-limitu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ stabbilixxa limitu ta' 10 każi ta' arbitraġġ li arbitru jista' jkollu quddiemu. Iżda peress li l-ħatra ta' l-arbitru hija prerogattiva tal-partijiet, iċ-Ċentru ma jistax jirrifjuta ħatra miftehma bi qbil bejn il-partijiet. Għalhekk dan il-limitu ta' kawżi qed jiġi applikat biss meta c-Chairman taċ-Ċentru ikollu jaħtar arbitru hu skond il-provedimenti tar-Raba' Skeda ta' l-Att (Arbitraġġi Mandatarji).

Ċentru ta' l-Arbitraġġ — Każijiet

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid dwar liema materji kienu jitrattaw il-każijiet quddiem ic-Ċentru ta' l-Arbitraġġ li daħlu s'issa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena ġew reġistrati 255 każ quddiem iċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ. Dawn kienu maqsumin kif ġej:- Kolliżjonijiet tat-traffiku 236 Każijiet ta' Condominia 4 Bini/Kostruzzjoni 1 Kummerċ 5 Ċivil 6 Assikurazzjoni 2 Relazzjoni Industrijali 1

Qrati — Traffikar ta' drogi

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm nies tressqu l-qorti akkużati bi traffikar ta' droga din is-sena u s-sena l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 kien hemm 143 persuna li ġiet akkużata quddiem il-Qorti bi traffikar ta' droga, filwaqt li sa l-aħħar ta' Ottubru ta' din is-sena kien hemm 83.

Bejgħ ta' alkaħol lil tfal taħt l-eta'

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jbiegħu alkaħol lil tfal din is-sena u x'weħlu f'kull kas? Kemm minn dawn kienu nstabu ħatja aktar minn darba u kemm?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 14567.

Pulizija — Każ ta' tifla li ġiet stuprata

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija ħaditx passi kontra l-boyfriend ta' tifla ta' 14-il sena u li ġiet stuprata, kif rappurtat illum f'The Times u f'gazzetti oħra, billi hi stess qalet li kellha relazzjoni sesswali miegħu meta din kienet taħt l-eta' u dan żgura huwa child abuse?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant għadu fl-istadju ta' l-Appell quddiem il-Qorti u għaldaqstant m'għandu jingħad xejn li jista' jippreġudika proċeduri fil-Qorti.

Overtime mill-pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa sigħat ta' overtime mill-membri tal-korp tal-pulizija għas-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u sal-31 ta' Ottubru 2005?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta’ overtime li tħallas lill-membri tal-Korp tal-Pulizija bejn is-sena 2000 u l-31 ta’ Ottubru 2005, huwa kif jidher hawn taħt: SenaOvertime (Lm) 2000259,791 2001441,157 2002323,860 2003*585,793 2004**413,565 2005***322,583 * Jinkludi l-ammont ta’ overtime li nħadem fl-2003 in konnessjoni ma’ l-Elezzjoni Ġenerali/Referendum. ** Jinkludi l-ammont ta’ overtime li nħadem fl-2004 in konnessjoni ma’ l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew. *** Għall-laqgħa tac-CHOGM, hemm Lm130,000 'overtime' komessi fuq erbat ijiem inklużi f'diċ-ċifra.

Pulizija — CHOGM

Question

Billi l-kummissarju tal-pulizija ilu żmien li għarraf lill-awtorita' ġudizzjarja bl-impenji li jkollhom il-pulizija waqt iċ-CHOGM u talab li jiġu eżentati milli jidhru l-qorti, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex jekk għandhom isiru xi differimenti dawn isiru kmieni biżżejjed biex iċ-ċittadini jiġu mgħarrfa fil-ħin u ħadd ma jmur il-qorti għal xejn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li wara li l-Kummissarju tal-Pulizija kiteb lis-Sinjurija Tiegħu l-Prim Imħallef fl-10 ta' Settembru 2005, fejn talab biex ma jsirux seduti fil-Qrati fejn ikunu nvoluti membri tal-Korp tal-Pulizija bejn it-22 u 28 ta' Novembru 2005, huwa bagħat ċirkulari datata 14 ta' Settembru fejn issuġġerixxa lill-Maġistrati kollha kif ukoll lill-Imħallfin tal-Qorti Kriminali u Qrati ta' l-Appell Kriminali biex jaġixxu skond it-talba tal-Kummissarju tal-Pulizija. La s-Sinjurija Tiegħu l-Prim Imħallef u lanqas il-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja ma jista' jordna li ma ssirx xi seduta jew seduti f'xi ġurnata partikolari. Ninsab infurmat ukoll li fejn diġa' jkun hemm xi kawża appuntata u ġie deċiż li tiġi differita ttieħdu l-passi li solitu jittieħdu, ċioe' jsir avviż lid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni, jiġi infurmat il-Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu ħsieb jinforma lill-akkużat u lix-xhieda, kif ukoll tiġi infurmat l-Kamra ta' l-Avukati u Prokuraturi Legali. Rigward il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) ninsab infurmat illi s-seduta tal-ġimgħa relattiva li fiha kellhom ikunu preżenti l-pulizija ilha li ġiet differita mill-10 ta' Ottubru, 2005. Dakinhar stess id-Deputat Reġistratur konċernat, infurmat lill-partijiet li soltu jiġu nfurmati b'tali differimenti, inkluż il-kamra ta' l-avukati u d-Dipartiment ta' l-Informazzjoni.

Għawdex — Kuntratt ta' bejgħ ta' djar

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm kuntratti ta' bejgħ ta' djar, farmhouses, vilel, appartamenti, flats u proprjeta' oħra ta' residenza f'Għawdex lokalita' lokalita' kull sena mill-1996 'il hawn? Kemm kien il-valur ta' dawn il-kuntratti? Kemm kien hemm self fuqhom? Fejn kienet/hija r-residenza permanenti tax-xerrejja klassifikata f'Għawdes, f'Malta u f'pajjiżi barranin, pajjiż pajjiż? Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti t-tagħrif kollu mitlub skond it-tip tal-proprjeta' (djar, flats, appartament, vilel, eċċ.)?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta' statistika.

Qrati — Ittri uffiċjali

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati ittri uffiċjali fil-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili din is-sena u s-sena l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fis-sena 2004 ġew ippreżentati 4,508 ittra uffiċjali fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili. Fl-istess Qorti ġew ippreżentati 3,802 mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Awissu 2005.

Qrati — Ittri uffiċjali

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati ittri uffiċjali fil-Qorti tal-Maġistrati din is-sena u s-sena l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2004 ġew ippreżentati 8,115-il ittra uffiċjali fil-Qorti tal-Maġistrati, Malta. Fl-istess Qorti ġew ippreżentati 7,273 ittra uffiċjali mill-1 ta' Jannar sla-31 t'Awissu, 2005. Għal dak li jikkonċerna l-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) ninsab infurmat illi fl-2004 kien hemm 874, filwaqt li matul l-2005 (sat-30 ta' Settembru) kien hemm 688.