Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn kienx hemm xi karozzi mikrija lill-Ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, jew mixtrija mill-ministeru jew minn xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, jew proprjeta' tal-ministeru jew ta' xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, li qed jintużaw minn individwi li m'humiex uffiċjali jew impjegati mal-ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid: (1) minn min qed jintużaw; (2) minn meta bdew jintużaw; (3) x'marka huma l-karozzi u meta nxtraw; (4) kemm swew fi flus Maltin; (5) xi kriterji ntużaw biex qed jintużaw minn min qed jintużaw?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fil-każ ta' membri tas-Segretarjat ta' Ministri u Segretarji Parlamentari il-kriterji dwar użu ta' karozzi uffiċjali huma mniżżla fid-dokument ``Engagement of Staff for Private Secretariats'' li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Fil-każ ta' ufficjali oħra fid-dekasteru tiegħi li għandhom ftehim jew kuntratt, l-użu huwa regolat minn tali ftehim jew kuntratt.
Il-karozzi uffiċjali kollha l-oħra għandhom jintużaw minn min għandu l-permess jagħmel dan.
Jekk l-Onorevoli Nterpellant għandu xi każ f'moħħu li huwa jidhirlu li jien għandi nkun naf bih, nitolbu jagħtini l-informazzjoni rilevanti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm telgħu ambulanzi għall-VRT test? Kemm minnhom għaddew u kemm weħlu?
Kemm hawn ambulanzi fil-pajjiż? Kemm minnhom huma tal-gvern u kemm tal-privat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta` Ambulanzi li telgħu għal VRT test kienu sitta u kollha għaddew mit-test.
Il-Ministeru tas-Saħħa għandu għad-dispożizzjoni tiegħu 24 Ambulanza. Tnejn minnhom huma propjeta` ta` l-organizazzjoni lokali tar-Red Cross.
Rigward l-aħħar parti tad-domanda, nistieden l-Onor. Membru jirreferi id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jaf il-Ministru li fil-klinika ta' l-ajruport, matul ħafna ġranet qed ikun hemm xogħol kuljum, tliet (3) enrolled nurses, flimkien ma' tabib?
Il-Ministru ma jaħsibx li dan hu lussu żejjed fi klinika għall-każi ta' emerġenza biss? Peress li hemm swali sħaħ fl-isptarijiet b'numru ta' pazjenti li tliet enrolled nurses kuljum qatt ma jarawhom, dan ma jistax jitqies bħala sparpaljar ta' flus il-poplu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-`complement' ta' l-istaff fil-klinika ta' l-ajruport huwa adekwat biex ilaħħaq ma' l-esiġenzi kliniċi u amministrattivi ta' din il-klinika.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10795, rigward ir-rotation tas-security guards ta' l-isptarijiet u li kellha ssir f'Jannar 2000, jista' l-Ministru jgħid meta effettivament se tibda?
Jista' jgħid jekk ir-rotation hijiex se tiġi applikata għas-security guards kollha?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li r-rotation tas-security guards ħarġet iżda minħabba oġġezzjonijiet mill-General Workers Union u bi ftehim ma` l-istess Union din ġiet postposta sakemm isiru d-diskussjonijiet mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm enrolled nurses fid-Dipartiment tas-Saħħa li waslu għal eta' li jirtiraw bil-pensjoni u baqgħu jaħdmu fulltimers anke wara l-għalqu l-eta'?
Jista' jgħid kemm hemm irġiel? Fejn jaħdmu u fuq liema kondizzjonijiet u kritierji baqgħu jaħdmu?
Jista' jgħid jekk ħadux is-"somma" jew il-"gratuity? Għal kemm kienu jammontaw?
Jista' jgħid jekk dawk in-nurses kollha li jispiċċaw bl-eta' tal-pensjoni jistgħu japplikaw biex jibqgħu jaħdmu bl-istess kondizzjonijiet ta' dawk li spiċċaw u baqgħu jaħdmu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li hemm Enrolled Nurse wieħed fid-Diviżjoni tas-Saħħa li wara li wasal għall-eta` li jirtira bil-pensjoni baqa` jaħdem full-time. Dan jaħdem fid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika u baqa` jaħdem skond l-esiġenzi tas-servizz fuq l-istess kundizzjonijiet li kellu qabel ma għalaq l-eta` li jirtira. Dan ma ħax 'is-somma' jew il-'gratuity'.
Enrolled Nurses u Staff Nurses kollha li jispiċċaw bl-eta` tal-pensjoni jistgħu japplikaw biex jibqgħu jaħdmu bl-istess kundizzjonijiet li bihom jispiċċaw.
Matul l-1999 u fl-ewwel xahrejn ta' din is-sena kemm-il persuna barranija wżat is-servizzi tal-isptarijiet Maltin/Għawdxin u kienet rikoverata hemm? Ta' liema nazzjonalita' kienu? Kemm minnhom intalbu jħallsu għal kura u x'kien l-ammont?
Liema huma dawk il-barranin li huma eżenti mill-ħlas għaliex hemm ftehim dwar dan bejn il-Gvern Malti u dak tal-pajjiż tal-persuna partikolari?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni dwar is-sena 1999 ingħatat fir-risposta għal Mistoqsija Parlamentari 12772 f'seduta numru 226.
Dwar l-ewwel xahrejn tas-sena 2000 il-figuri kienu:
Sptar Numru ta` Pazjenti Somma li ntalbu Somma li
jħallsu (LM) ħallsu (LM)
-------------------------------------------- -------------------
San Luqa Informazzjoni għadha
qed tinġabar
Boffa 4 310.30 178
Monte 4 Kollha eżenti
Karmeli mill-ħlas
Mal-lista ta` pajjiżi li tajt f'Mistoqsija Parlamentari Numru 12772 irid jiżdied il-Brazil.
Il-barranin li huma eżenti mill-ħlas għaliex hemm ftehim dwar dan bejn il-Gvern Malti u pajjiżhom huma persuni mir-Renju Unit u mill-Awstralja.
Jaf il-Ministru li l-għalqa li tagħti għal fuq Triq Ħal Millieri fiż-Żurrieq hija miżbla u li l-ħmieġ li ġie mitfugħ fiha jista' jġib mard fuq it-tfal li jmorru jilagħbu fiha?
Jista' jgħid x'possibbilta' hemm li din tiġi mnaddfa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14906, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li wara spezzjonijiet li saru, min uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa, ġie kkonstatat li fil-post indikat, 'għalqa li tagħti għal fuq Triq Ħal Millieri', jeżisti ftit imbarazz imxerred kif ukoll xi materjal ieħor tal-bini. Peress li l-għalqa indikata hija privata u s-sid mhux magħruf, l-investigazzjoni qiegħda titkompla biex jinstab is-sid u jnaddaf l-għalqa n'kwistjoni.
Il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq ġie kkuntattjat fuq dan ir-rigward, biex jekk għandhom x'informazzjoni dwar is-sid ta` din l-għalqa, tiġi irreferuta lid-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn kienx hemm xi karozzi li ġew mixtrija mill-ministeru jew minn xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, li ġew mogħtija b'donazzjoni lill-individwi li m'humiex uffiċjali jew impjegati mal-ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid: (a) lil minn ingħataw; (b) x'marka huma l-karozzi u meta nxtraw; (ċ) kemm swew fi flus Maltin; u (d) xi kriterji ntużaw biex dawn l-individwi ngħataw din il-karozza?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mhiex prassi ta' dan il-Gvern li jagħti karozzi bħala donazzjonijiet la lill-uffiċjali tiegħu u l-anqas lil dawk li mhumiex.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex mhux jingħata l-Pembritine mill-bereġ tal-gvern lil min hu ntitolat għalih u għandu bżonnu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-ampicillin ma għadhux jingħata mill-ispiżeriji tal-gvern għax ġie sostitwit b`antibiotiku aktar effettiv (amoxycillin).
L-antibiotiċi jingħataw fuq preskrizzjoni tat-tabib biss u ma jinħarġux bħala `repeat-prescription`.
Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni ta' kemm baqgħalu biex jimtela' l-post ta' chairman fid-dipartiment tad-dermatoloġija li fil-fatt ilu vakanti għal aktar minn sentejn? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni, li minkejja li sar l-interview seba' xhur ilu, din il-kariga għadha vojta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li dan huwa każ tal-kummissjoni dwaris-servizz Pubbliku nitlob l-Onor. Membru li jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar u x'qiegħed isir min-naħa tad-dipartiment għar-rigward tal-każ ta' infiltrazzjoni ta' ilma għal ġol-fond Madonina, 46 Triq Napuljun, Żurrieq, każ li ilu pendenti mill-1997 (WD 263/97) Drainage Section)?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ġejt infurmat li l-każ ta` infiltrazzjoni ta` ilma għal gol-fond `Madonnina` 46 Triq Napuljun, Zurrieq, kien ġie rreferut l-ewwel darba lil uffiċċju tad-Dipartiment tas-Saħħa taż-Żurrieq fit-28-01-97. Kampjun ta` l-ilma indikat kien ittieħed fil-21-02-97 wara li sar appuntament ma l-istess persuna li għamlet l-ilment. Il-kampjun irriżulta kontaminat, u b`hekk saru diversi testijiet kemm bil-pressa kif ukoll bil-kulur. Wara sar ukoll test bis-CCTV ġo l-istess drenaġġ pubbliku. Dan irrizulta li d-drenaġġ publiku ta` Triq San Pietru Pawl Pullicino kien difettuż. Ix-Xogħol fuq l-istess drenaġġ sar u l-infiltrazzjoni waqfet madwar Lulju 1997.
Ilment simili kien ġie wara rreferut lill Uffiċċju tad-Dipartiment tas-Saħħa Zurrieq fl-15-03-99, kampjun ittieħed fit-23-03-99, li irriżulta kkontaminat. Saru testijiet, bil-pressa kif ukoll bil-kulur, imma rriżulta negattiv. L-infiltrazzjoni waqfet f`Lulju ta 1999.
Ilment ieħor kien ġie wara rreferut lil uffiċċju tad-Dipartiment tas-Saħħa f`Hal Luqa f`Novembru 1999. Mill-Kampjuni li ttieħdu f`26-11-99 u wara f`8-02-2000 min uffiċċjal ta` dan id-Dipartiment irriżulta li l-kampjun huwa probabbli `Ilma tal-Vit`. Il-water Services Corporation kif ukoll il-Kunsill Lokali Zurrieq ġew infurmati b`dan bill-miktub, waqt li il-persuna li għamlet l-ilment ġiet infurmata verbalment.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-berġa tax-Xgħajra ma tiftaħx regolarment?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-Berġa tax-Xgħajra tiftaħ regolarment skond il-ġranet u il-ħinijiet skedati, li huma:
It-Tnejn mill-11.15a.m. sa 12.15p.m.
Il-Hamis mill-11.15a.m. sa 12.15p.m.
Jista' l-Ministru jgħid kemm u liema karozzi tal-ministeru tiegħek intużaw minn kandidat għall-kunsill lokali tan-Naxxar i jaħdem fil-ministeru tiegħek?
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx studju jew saritx riċerka mid-dipartiment tas-saħħa għaliex, speċjalment fl-aħħar tliet snin, żdiedu sew il-każi ta' meningite u/jew sephiemia (meningococcal)?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma jeżisti ebda studju speċifiku biex wieħed isir jaf għaliex kien hemm żieda fil-każ ta` mard bil-meningococcus f`Malta. Pero d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika jieħu ħsieb li jiġbor id-dettalji epidemjoloġiċi li jistgħu jitfgħu dawl ta` kif tista tiġi ikkontrollata.
Jista' l-Ministru jispjega r-raġuni wara t-tibdil fil-mod kif l-istudenti li kienu qegħdin isegwu l-kors tal-SEN jew SRN issa qegħdin jiġu obbligati u kostretti jidħlu għal diploma? Jista' l-Ministru jintervjeni u jsolvi l-problema kkreata mill-fatt illi dawn l-istudenti ntrabtu għall-perijodu ta' sentejn taħt penali u issa ġew kostretti jibqgħu marbuta għall-perijodu itwal taħt l-istess penali, bil-konsegwenza li dawn l-istess studenti qegħdin iħossu ruħhom ingannati u misled?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-ebda studenti li kienu isegwu l-kors ta` SEN jew SRN ma ġew obbligati u kostretti jidħlu għal Diploma.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu fis-sezzjoni tat-time keepers fl-Isptar San Luqa?
X'inhu l-grad ta' kull ħaddiem li preżentement jaħdmu f'din is-sezzjoni?
Liema roster qed jaħdmu? Kemm ilhom jaħdmu dan it-tip ta' roster? X'inhi r-raġuni li r-roster inbidel?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Wara li ħaddiem minn din is-sezzjoni ġie ttrasferit għal mal-Hospital Cleaning Services, bħalissa hemm erba` persuni jaħdmu fis-sezzjoni tat-`Time Keepers`. Il-grad tagħhom huma ta` Porter, Health Assistant, General Hand u Assistant Care Worker.
Ir-roster approvat għal din is-sezzjoni huwa dak ta` MDEO (Morning-Day-Evening-Off). Pero sakemm il-ħaddiema jibqgħu erba` huwa diffiċli li jiġi osservat dan ir-roster u għalhekk temporanjament qed jitħaddem ir-roster DODO (Day In - Day out).
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vakanzi għal tobba fis-servizz primarju tas-saħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru appruvat ta` tobba fis-servizz primarju tas-saħħa huwa 105. Fil-preżent hemm 73 tabib appuntati f'dan il-qasam u tnejn oħra jaħdmu fuq bażi ta` 'rotation' għal tlett xhur.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jaħseb li sejjer ikollu bżonn staff mediku extra d-dipartiment meta jiftaħ l-isptar il-ġdid? Xi gradi se jkollhom dawk żejda fuq li hemm illum?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-Diviżjoni tas-Saħħa qed tħejji Human Resources Plan għall-perjodu 2001-2004 li jinkludi l-ħtiġijiet ta` staff mediku għal meta jiftaħ l-Isptar il-Ġdid. Qabel ma` dan l-eżerċizzju jkun komplut ma nistax nagħti tweġiba.
B'riferenza għat-talba ta' ċimiterju għal komunita' Islamika f'Malta, jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi?
Liema huma dawk is-siti li qed jiġu kkonsidrati għal dan il-bżonn tal-komunita' Islamika f'pajjiżna?
Response (DEGUARA, LOUIS)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14650, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sit li bħalissa qed jiġi kkunsidrat għal bżonn tal-komunita` Islamika bħala Ċimiterju, huwa dak fi Triq Kordin, Paola (Raħal Ġdid). L-applikazzjoni ġiet ikkunsidrata mill-'General Services Board', fejn ġie deċiż li ma` hemm l-ebda oġġezzjoni għal din l-applikazzjoni fir-rigward ta` Saħħa Pubblika.