Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaż-Żabbar – proġett tal-belvedere

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħol li sar u għadu qed isir tal-proġett tal-belvedere ġewwa Ħaż-Żabbar? Jista jagħti rendikont ta’ kemm ser jiġi jiswa dan il-proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ tisbiħ tal-belvedere ta’ Ħaż-Żabbar jikkonsisti f’dan li ġej : 1. Tibdil u tisswija tal-ħajt eżistenti 2. Tqegħid ta’ subfloor tal-konkos 3. Tqegħid ta’ ducts ġodda għas-servizzi 4. Pavimentar ġdid bil-porfido 5. Installazzjoni ta’ arbli ġodda tad-dawl 6. Installazzjoni ta’ railing galvanizzat 7. Tħawwil ta’ sigar (oleander) u shrubs kif ukoll sistema ta’ irrigazzjoni ġdida. L-istima ta’ dan il-proġett tammonta għal madwar €500,000. Dan il-proġett mistenni jkun lest sa l-aħħar ta’ Ottubru 2015.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Għajnuna lill-djar tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ għajnuna ngħatat, jekk ingħatat, mill-Ministeru tiegħu lil xi Djar tal-Anzjani minn Marzu 2013 ‘l hawn? ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Għajnuna lill-għaqdiet mhux governattivi u/jew volontarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu, tax xi tip ta’ għajnuna lill-għaqdiet mhux governattivi u/jew volontarji minn Marzu 2013 ‘l hawn?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment tax-Xogħlijiet – xogħlijiet f’żoni turistiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux xi xogħlijiet mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet f’żoni turistiċi matul din l-aħħar sena? Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti rendikont ta’ dawn ix-xogħlijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet – għajnuna lill-għaqdiet sportivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk, ingħatatx xi għajnuna lill-għaqdiet sportivi permezz tal-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet minn Marzu 2013? Jekk fl-affermattiv, fiex kienet tikkonsisti din l-għajnuna u min ibbenifika minnha ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment tax-xogħlijiet – xogħlijiet fuq znieter ta’ knejjes

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħlijiet li saru permezz tal-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet fuq znieter ta’ knejjes minn Marzu 2013 ’l hawn?? Fiex kienet tikkonsisti din il-ħidma u liema parroċċi bbenefikaw?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlestew ix-xogħlijiet fuq dawn iz-znieter: - Parroċċa ta’ Fatima, Guardamanġia - Parroċċa ta’ San Ġejtanu, il-Ħamrun - Parroċċa ta’ San Ġużepp, il-Kalkara Sadanittant bħalissa għaddej ix-xogħol fuq dawn iz-znieter: - Knisja ta’ Santa Liberata, il-Kalkara - Parroċċa tal-Vitorja, l-Isla - Parroċċa ta’ Santa Marija, il-Gudja - Parroċċa ta’ San Girgor, Tas-Sliema F’ħafna każijiet ix-xogħol kien jikkonsisti f’tranġar jew bdil tal-pavimentar taz-zuntier, tal-ħitan, tar-railings tal-ħadid u tad-dawl.

Trasport Pubbliku – kummenti mill-Oppożizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-punti prinċipali fejn l-Oppożizzjoni ma kenitx korretta f’dak li qalet fejn jirrigwarda t-trasport pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Oppożizzjoni għamlet kampanja negattiva li l-uniku għan tagħha, kien u għadu, li tiżra’ d-dubji fost il-poplu. Infakkar fl-istorja maħluqa mill-Oppożizzjoni dwar ir-raġuni li wasslet lill-Arriva biex twaqqaf l-operat tagħha ġewwa pajjiżna. Infakkar li l-kumpanija Arriva kienet talbet €45 miljun f’sussidju biex topera rotot proposti mill-Gvern preżenti, liema rotot ser jiġu maħduma mill-operatur il-ġdid b’sussidju ta’ €29 miljun. Konna wasalna f’punt fejn l-Arriva Malta Ltd. riedet li tillikwida l-kumpanija. Ġiet imwaqqfa kumpanija tranżitorja, il-Malta Public Transport Services Ltd. sakemm jintagħżel l-operatur il-ġdid. B’hekk salvajna l-impjiegi tal-ħaddiema u bqajna noffru servizz ta’ trasport pubbliku aħjar minn dak li sibna. Saret kritika distruttiva għall-aħħar min-naħa tal-Oppożizzjoni, minkejja li kull statistika miġbura kienet turi mod ieħor. Akkużaw lill-MPTS li kienet waqqfet ċertu Night Routes, meta fil-fatt dawn kienu twaqqfu żmien qabel, meta t-trasport kien għadu f’ idejn l-Arriva. L-istess ġara meta l-Arriva, f’lejliet l-ewwel tas-sena, fl-aħħar jiem tal-operat tagħha f’ pajjiżna, talbet €5 għal kull vjaġġ . Li ma qalitx l-Oppożizzjoni hu li l-ftehim iffirmat mill-istess Oppożizzjoni, dak iż-żmien fil-Gvern, kien jippermetti li jsir dan. Infakkar ukoll fl-istorja mibnija mill-Oppożizzjoni fir-rigward tal-kumpanija Skoċċiża McGill’s li qalu rtirat l-interess tagħha minħabba l-intoppi li sabet min-naħa tal-Gvern. Meta l-kumpanija McGill’s kienet bagħtet rappreżentanti tagħha ġewwa pajjiżna biex jagħmlu laqgħat max-xufiera, il-Partit Nazzjonalista kien ipprova jagħti l-impressjoni li l-Gvern żamm din il-laqgħa mistura. Dan meta il-Ministeru tiegħi lanqas biss kien jaf b’din il-laqgħa aħseb u ara kemm stajna konna involuti f’din l-istess laqgħa. L-istess Partit Nazzjonalista kien qal li b’ McGill’s f’ Malta, kien ser ikollna Arriva oħra, u dan minħabba l-fatt li d-direttur maniġerjali ta’ din il-kumpanija qabel kien jaħdem mal-Arriva. L-istess ġara fil-konfront tal-kumpanija National Express. Il-Partit Nazzjonalista anke f’ dan il-każ, permezz tal-kelliema tiegħu, qal li kien diffiċli li taħdem mal-Gvern u li l-istess Gvern kien qed juża politika ta’ ħabi. Kontradizzjoni fl-għola livell, meta tqis li l-kumpanija li illum qed tmexxi t-trasport pubbliku f’ pajjiżna hija kumpanija sussidjarja ta’ l-istess National Express . L-Oppożizzjoni ma kienitx korretta ukoll fil-kummenti tagħha fuq żjara ta’ verifikazzjoni li saret ġewwa Spanja fuq l-operat tal-kumpanija Autobuses de Leon. Infakkar li klawsola fl- Expression of Interest kienet tippermetti li jsir dan. U dan sar peress li d-differenza fit-talba għas-sussidju mill-kumpanija Arriva, dik Spanjola u dik Maltija kienet waħda sostanzjali. Filwaqt li l-iSpanjoli talbu sussidju ta’ 29 miljun ewro, it-talba tal-Arriva kienet ta’ 45 miljun ewro u tal-Maltin kienet ta’ 40 miljun ewro. Ridna nivverifikaw li din id-differenza fit-talba ma jkolliex impatt negattiv fis-servizz offrut. L-Oppożizzjoni mill-ewwel ħarġet bl-attakki tagħha fuq din il-kumpanija Spanjola biex ibeżżgħu lill-poplu, fosthom li din hija kumpanija provinċjali u tħaddem ftit nies. Beżżgħu li ser ikun hemm tkeċċija ta’ ħaddiema mill-istess Spanjoli, kif ukoll li l-impjiegi tal-Maltin kien ser jiġi meħuda mill-ħaddiema Spanjoli, meta l-fatti qed juru mod ieħor. Mhux talli ma tkeċċewx ħaddiema, iżda saru sejħiet biex jiġu ingaġġati aktar ħaddiema ma’ dawk li diġa’ kien hemm. Infakkar meta l-kuntratt bejn l- Autobuses de Leon u l-UBS ma ġiex imġedded minħabba nuqqas ta’ qbil bejn iż-żewġ naħat. Il-kumpanija Spanjola għamlet arranġamenti oħra biex is-servizz setgħa jkompli mingħajr ebda inkonvenjent għall-passiġieri. Hawnhekk l-Oppożizzjoni permezz tal- media tagħha tat l-impressjoni li ntużaw mini-buses minflok coaches , meta dawn l-istess mini-buses kienu ilhom jintużaw fuq diversi rotot. L-Oppożizzjoni approfittat ruħha ukoll minn persuni b’ diżabilita’ u pruvat tużahom bħala ballun politiku. Qajjmet l- issue tal-persuni b’ diżabilita’ li jużaw scooters . Li ma qalux hu li l-Arriva kienet ħolqot policy li ċertu scooters ma jitħallewx jitilgħu fuq il-karozzi tal-linja u din ir-restrizzjoni kienet parti mill-kundizzjoni tal-ġarr ta’ persuni. U Gvern preċedenti la qatt tkellem fuq din l- issue , aħseb u ara kemm oġġezzjona għaliha !! Ta’ min ifakkar meta l- media tal-Partit fl-Oppożizzjoni ħarġet bi storja ftit xhur ilu li karozza ħadet in-nar, meta stqarrija tal-Malta Public Transport ċaħdet din l-aħbar. Fil-fatt dan ma kien ħruq xejn iżda fwar li ħareġ mill-magna ikkawżat minn ilma tal- air-conditioner li nixxa lejn il-magna. Madankollu, il-ħidma tal-Gvern kompliet għaddejja minkejja dawn l-intoppi kollha. Fassalna rotot ġodda wara konsultazzjoni miftuħa mal-pubbliku u mal-kunsilli lokali kollha. Nesiġu li l-operatur tat-trasport pubbliku preżenti jimxi mal-ftehim biex ikollna servizz li jkun aċċettat mill-poplu Malti u Għawdxi kollu minkejja d-diffikultajiet li sibna.

Institute for Climate Change and Sustainable Development – Studju dwar it-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li minn studju li kien sar fl-2012 mill-Institute for Climate Change and Sustainable Development tal-Università ta’ Malta bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, ġie kkonfermat li bl-operat tat-trasport pubbliku tal-kumpanija Arriva, il-poplu kien tilef il-fiduċja fit-trasport pubbliku bil-konsegwenza li kien hemm żieda fil-karozzi privati fit-toroq kif ukoll żieda drastika f’inċidenti tat-traffiku?

Response (MIZZI, JOE)

L-istudju li qed jagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant janalizza s-sitwazzjoni tat-traffiku fl-2012, li kienet it-tieni sena mir-riforma tat-trasport pubbliku. Din kienet riforma li minkejja l-aspettattivi li nħolqu dwarha minn Gvern preċedenti, ma ħallietx ir-riżultati mixtieqa u l-pubbliku qata’ qalbu juża s-servizz. Dan bil-konsegwenza li l-patronaġġ naqas drastikament u reġa’ kien hemm żieda fl-użu tal-karozzi privati. Dan bla dubju, wassal għal żieda wkoll fit-traffiku f’pajjiżna. Minħabba f’hekk kif ukoll minħabba problemi finanzjarji kbar, il-kumpanija li kienet tmexxi t-traspost pubbliku, kellha titlaq u s-sena li għaddiet, is-servizz tmexxa mill-Gvern sakemm instab operatur ieħor. Statistika uffiċjali turi li matul dan il-perjodu, kien hemm irkupru fil-bejgħ ta’ biljetti kif ukoll żieda fil-patrunaġġ u dan grazzi għall-ħidma ta’ dan il-Gvern, li minkejja li ma nefaqx ewro f’konsulenzi, wettaq ċertu bidliet fir-rotot biex is-servizz reġa’ beda jlaħħaq mad-domanda. Din is-sena, hekk kif is-servizz beda jitħaddem mill-kumpanija l-ġdida, il-patronaġġ reġa’ beda jirpilja. Ta’ min jgħid ukoll li n-numru ta’ passiġġieri s-sena li għaddiet, meta s-servizz kien immexxi mill-Gvern u Transport Malta kien l-għola f’ 25 sena.

Institute for Climate Change and Sustainable Development — Studju dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li minn studju li sar fl-2012 mill-Institute for Climate Change and Sustainable Development tal-Università ta’ Malta bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea sar magħruf li s-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna fi żmien Gvern preċedenti kienet ħafna aktar imwiegħra milli kienet tingħata l-impressjoni? Jikkonferma l-Ministru li waħda mill-persuni li għamlu dan l-istudju llum tmexxi wieħed mid-disa’ fora maħtura mill-Partit Nazzjonalista?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudju kkonferma li f’Malta, il-medja ta’ sekondi f’delays għal kull kilometru kien ta’ 16.93 sekonda meta l-medja fl-Unjoni Ewropeja kienet ta’ 5.74. Din iċ-ċifra turi li s-sitwazzjoni fl-2012 kienet waħda allarmanti. Ir-riżultati wrew li kien hemm deterjorazzjoni fis-sitwazzjoni tal-konġestjoni tat-traffiku f’Malta. Iż-żieda fin-numru ta’ vetturi ħalliet impatt fuq l-ambjent ta’ Malta u fuq is-saħħa pubblika, l-ekonomija u l-‘overall business climate’. L-istudju ippropona miżuri immirati biex jitnaqqas it-traffiku, fosthom li tiżdied l-effiċjenza fit-trasport pubbliku u dan meta fl-istess perjodu s-servizz offrut mill- Arriva ma kienx wieħed sodisfaċenti. L-istudju, li fost oħrajn sar minn persuna li illum tagħmel parti minn wieħed mill-fora tal-Partit Nazzjonalista, ppropona wkoll li l-ħinijiet tal-iskejjel u tax-xogħol għandhom jiġu mifruxin fuq ħin itwal. Ironikament, il-Partit Nazzjonalista, dak iż-żmien il-Partit fil-Gvern, ma wera ebda oġġezzjoni għal din il-proposta. Dan jikkontrasta bil-kbir mal-kritika kbira li preżentament qed issir mill-istess Partit għal suġġeriment simili li sar biex jitressaq għall-opinjoni pubblika li sar ftit jiem ilu f’dan l-istess rigward.

Studju mill-Institute for Climate Change and Sustainable Development

Question

Fl-2012 kien sar studju mill-Institute for Climate Change and Sustainable Development tal-Università ta’ Malta bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. B’riżultat ta’ dan ir-rapport, jista’ l-Ministru jgħid x’għamel u x’qed jagħmel il-Gvern preżenti u x’passi ħa, kemm short-term, medium-term u long-term?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel u l-aktar ħaġa importanti hija li dan il-Gvern qatt ma ċaħad li l-problema tat-traffiku teżisti. It-traffiku kien u għadu problema. Il-kawżi prinċipali sfortunatament huma n-numru eċċessiv ta’ vetturi, in-nuqqas ta’ ‘capacity investment’ li sar matul is-snin, ix-xogħlijiet infrastruttural li jridu jsiru bil-fors u n-nuqqas ta’ dixxiplina fost is-sewwieqa. Sa mill-ewwel ġranet dan il-Gvern beda jaħdem biex itaffi l-problema, fosthom l-ewwel waħda kruċjali li sab ma’ wiċċu, li ried iġib it-trasport publiku lura fuq saqajh, wara li l-poplu kien tilef il-fiduċja kollha fih. Il-prijorita hija li jiżgura li l-poplu jkun moqdi bi trasport pubbliku effiċjenti. L-istudju mill-Institute for Climate Change and Sustainable Development tal-Universita ta’ Malta, qal li qabel ma jkun hawn trasport pubbliku effiċjenti, il-problema tat-traffiku ma tistax tonqos. Anke L-Oppożizzjoni ammettiet fir-rapport tat-telfa li meta kienet fil-Gvern tilfet il-kontroll tas-sitwazzjoni fit-trasport pubbliku. Kienet din is-sitwazzjoni li sab ma’ wiċċu dan il-Gvern. Dan il-Gvern ottimist li bin-numru ta’ vetturi ġodda li waslu biex ikopru r-rotot li ntalbu mill-poplu u bis-sistema l-ġdida li biha jinxtraw il-biljetti, intiża biex jintilef inqas ħin, se jwasslu biex fil-ġimgħat li ġejjin, it-trasport pubbliku jkun irpilja. Ġie mwaqqaf it-Traffic management committee kompost minn entitajiet differenti tal-Gvern fosthom Transport Malta, Pulizija, GRTU u fejn ikun hemm bżonn, ninvolvu lill-Kunsilli Lokali. Dan l-kumitat jiltaqa’ regolarment fejn janalizza miżuri li jkollom jittieħdu, partikolarment dawk short u medium term. Ġew upgraded il-junctions ta’ Ħ’Attard u Birżebbuġa Ġew implimentati numru ta’ Priority Lanes, fosthom: · Triq Aldo Moro, il-Marsa · Msida Pjazza, Msida · Triq ix-Xatt, Pieta’ · Triq ix-Xatt, Gżira · Triq ix-Xatt, Sliema Se jiġi implimentat disinn ġdid għal junctions fosthom: · Bieb is-Sultan, Birgu, · Triq Burmarrad c/w Triq Wardija, Burmarrad · Triq il-Missjoni Taljana c/w Triq Santu Rokku · Triq Mattew Sultana c/w Triq Sienja Kalkara · Triq Napuljun Caruana Dingli c/wDawret Ħal Għaxaq · Triq Ħal Farruġ c/w Triq Ħal Luqa, Luqa · Triq Mdina c/w Triq l-Iljun, Qormi · Triq Blajjiet c/w Triq Żonqor, Marsaskala · Telgħa tas-Saqqajja, Rabat · Alignment ta’ Triq il-Kappillan Mifsud c/w Triq Reġjonali, Santa Venera · Sar id-disinn mill-ġdid ta’ Triq Sant Andrija c/w Triq Villa Rosa, San Ġiljan Xogħlijiet fit-toroq qed jiġu ssorveljati aħjar biex jiġi żgurat li l-arranġamenti temporanji tat-traffiku fuq is-sit ikunu skont l-iskemi approvati u biex Transport Malta tkun tista’ tidentifika n-nuqqasijiet li jkun hemm u tiżgura mal-kuntrattur li dan jindirizzahom immedjatament. Kemm jista’ jkun, ħafna mix-xogħlijiet qed isiru bil-lejl biex inqas vetturi jiġu affetwati kif ukoll qed tingħata informazzjoni minn qabel fuq toroq li jkun ser isir ix-xogħol fuqhom u dettalji fuq devjazzjonijiet. Barra minn hekk, il-Gvern qed jaħdem fuq mezzi alternattivi għall-vetturi privati, fosthom trasport bil-baħar. Bil-għan li aktar nies jitħajru jirkbu r-rota għax-xogħol u b’hekk, ikunu qed jonqsu n-numru ta’ vetturi fit-toroq, allura inqas traffiku, fix-xhur li ġejjin, l-MTU u l-GHRC se joħorġu sejħa għall-offerti biex jitwaħħlu 6 bicycle racks ġodda f’postijiet differenti fil-Belt Valletta. Bit-tlestija ta’ Triq Diċembru 13, li Gvern preċedenti ħalla nofs xogħol bħal proġetti oħrajn li kienu f’riskju kbir li jintilfu l-fondi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll bit-tlestija ta’ Triq il-Kosta fil-ġimgħat li ġejjin, diġa’ se jibda jidher it-titjib fit-traffiku. Barra minn hekk, is-sena d-dieħla mistenni jibda x-xogħol fuq il-Junction tal-Kappara li meta jitlesta, se tara t-tnaqqis fil-konġestjoni ta’ traffiku, kif ukoll aktar ‘l-quddiem, il-proġett tal-Addolorata Junction li mistenni jtaffi mhux ftit il-problema tat-traffiku fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta.

Institute for Climate Change and Sustainable Development – rapport dwar l-emissjonijiet mit-trasport

Question

Fl-2012 kien sar studju mill-Institute for Climate Change and Sustainable Development tal-Università ta’ Malta bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, liema rapport jittratta l-impatt li l-emissjonijiet mit-trasport qed iħallu fuq l-ambjent. Jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel dan il-Gvern f’dan ir-rigward?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar snin, pajjiżna rreġistra żieda konsiderevoli fin-numru ta’ vetturi reġistrati għall-użu fit-toroq tagħna, b'konsegwenza ta' żieda fil-konġestjoni tat-traffiku. Sfortunatament kien hemm żmien fejn amministrazzjonijiet preċedenti kienu jiftaħru bin-numru ta’ vetturi li dejjem qed jiżdiedu u flok irrealizzaw x’se jkunu l-konsegwenzi, kienu jabbinaw dawn il-figuri ma’ kwalita aħjar li qed ikollu l-poplu Malti. Il-konġestjoni tat-traffiku twassal ukoll għal nuqqas fl-effiċjenza u b'hekk taffetwa b'mod negattiv il-produzzjoni tal-pajjiż. Ninsabu mpenjati li mhux biss nipprovdu u nipromwovu servizzi ta' trasport pubbliku li jkunu aktar effiċjenti u b'hekk ikunu aktar aċċettati u użati mill-pubbliku, iżda wkoll li nipromwovu servizzi u mezzi ta' trasport differenti u nnovattivi, li huma effiċjenti, sostennibli u li jħammġu anqas. Il-politika tagħna mhix waħda li neliminaw l-użu tal-karozza privata, iżda li nħajjru lill-publiku juża mezzi tat-trasport differenti skont il-ħtieġa, u partikolarment skont id-distanza. Nidejna skema ex gratia li provdiet ghall-għotja ta’ darba għall vetturi reġistrati u liċenzjati għall-użu personali bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2008, kif ukoll erġajna daħħalna skema għall-iskrappjar tal-vetturi qodma u li jħammġu. Permezz ta’ din l-iskema tajna għotja ta’ bejn 500 u 900 ewro għal kull vettura. Nedejna skema li tinċentiva x-xiri ta’ karozzi li jaħdmu bl-elettriku u kwadriċikletti li jaħdmu bl-elettriku u fl-istess waqt jitnaqqas in-numru ta’ vetturi bil-mutur qodma mit-toroq. Nedejna ukoll Car pooling biex inqas persuni jużaw il-vettura personali tagħhom u allura jkun hemm inqas vetturi u inqas emissjonijiet fit-toroq Inċentivajna l-użu tar-roti billi se jsiru bicycle racks li joffru alternattiva effiċjenti għal dawk li jaħdmu l-Belt Valletta. Il- Ferry services huma ukoll alteranttiva għal min jaħdem il-Belt Valletta u Tas-Sliema Huwa importanti li l-pubbliku wkoll jagħmel il-parti tiegħu. Ladarba n-nies iħarsu lejn mezzi u differenti ta’ trasport b'mod aktar pożittiv, ikunu qed jikkontribwixxu biex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq kif ukoll fl-istess waqt ikunu qed jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-arja.

Siġġiewi – Triq Profs Nerik Vassallo — tiswijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru t-tiswijiet li hemm bżonn fi Triq Profs Nerik Vassallo fis-Siġġiewi sabiex jitneħħew il-ħofor li qegħdin ikunu ta’ inkonvenjent u periklu għar-residenti ta’ din it-triq u tal-madwar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta. Madankollu, wieħed jara kif nistgħu nagħtu l-għajnuna tagħna.

Transport Malta – spezzjonijiet ta’ xogħol ta’ toroq li jkunu saru mill-kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta wetqitx spezzjonijiet fuq xogħol ta’ toroq (kemm jekk toroq ġodda kif ukoll ta’ manutenzjoni) li sar minn kunsilli lokali, sabiex jiġi ċċekjat l-kwalità tax-xogħol li jkun sar? Jekk iva, fejn saru dawn l-ispezzjonijiet, u x’kienu r-riżultati li nstabu? X’passi ħadet Transport Malta fejn ix-xogħol instab li mhux ta’ livell sodisfaċenti?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 17819. Minħabba n-numru estensiv ta’ xogħlijiet li saru, ikun difficli sabiex jingħadd in-numru ta’ spezzjonijiet viswali li saru kemm waqt it-twettieq tax-xogħlijiet, kif ukoll spezzjonijiet ta’ moniteraġġ viswali matul is-sentejn garanzija kif stipulat LS 499.57. Ninfurmak ukoll li mir-rekords ma hemmx riżultati ta’ xogħlijiet ta’ livell inaċċettabli jew mhux sodisfaċenti.

San Pawl il-Baħar — Triq San Publiju – parking spaces

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’deċiżjonijiet ħadet Transport Malta għal dak li jikkonċerna Reserved Parking fi Triq San Publiju, San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid meta dan ir-Reserved Parking ġie approvat l-ewwel darba u meta ġie approvat li jitneħħew xi reserved parking spaces mill-istess triq? Jista’ jgħid meta Transport Malta ħadet id-deċizjoni li parking space li kien tneħħa, jerġa’ jinżebagħ fuq il-post?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infumat li din il-kaxxa ta’ parkeġġ riżervat għall-persuni b’diżabbilta’ kienet ġiet oriġinarjament approvata fl-25 ta’ Lulju 2014 għal erba’ xhur tas-sajf. Sussegwentament, l-Awtorità tat-Trasport ġiet mgħarrfa li tali kaxxa tal-parkeġġ riżervat ġiet imneħħija. Din il-kaxxa kienet tneħħiet mingħajr l-approvazzjoni tal-Awtorita’. L-Awtorità kkonsultat mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar iżda ma kienu jafu xejn dwar it-tneħħija ta’ tali kaxxa u l-Kunsill talab li l-permess ta’ tali kaxxa tal-parkeġġ riżervat jiġi rivedut permezz ta’ email bid-data 15 ta’ April 2015. Il-Bord għall-Parkeġġ Riżervat Persuni b’Diżabbilta’ rriveda dan il-każ u l-każ reġa’ ġie approvat fis-26 ta’ Gunju 2015. Il-kaxxa tal-parkeġġ riżervat reġgħet inżebgħet.

Qawra – servizz ta’ karozzi tal-linja

Question

Billi r-residenti tal-Qawra, u persuni oħra li jkollhom bżonn imorru għal xi servizz mill-Aċċess, jew mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li hemm fil-Qawra qed isibuha diffiċli minħabba nuqqas ta’ servizzi ta’ karozzi tal-linja, jista’ l-Ministru jassigura li llum qabel għada jinbidel u jiżdied dan is-servizz f’dawn l-inħawi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bl-introduzzjoni tan-network il-ġdid ser ikun hemm servizz tat-trasport pubbliku li jgħaddi minn Dawret il-Qawra fiż-żewġ direzzjonijiet. Għaldaqstant, min ikollu bżonn jagħmel użu miċ-ċentru tal-Aċċess jew tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ġewwa l-Qawra se jkun moqdi b’dan is-servizz. Dan it-tibdil huwa ppjanat illi jiġi ntrodott sal-aħħar ta’ din is-sena.

Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar – rotot tat-trasport pubbliku – tnaqqis ta’ rotot

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema rotot tat-trasport pubbliku tnaqqsu minn dawk li kien hemm qabel is-Sajf 2015 fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar b’rabta mal-programm ta’ rotot ġodda li tħabbru fl-aħħar ġimgħat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tibdil fis-servizz tat-trasport pubbliku għall-lokalitajiet tal-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar huwa ippjanat li jiġi ntrodott aktar tard din is-sena u għaldaqstant, fil-preżent għadu ma seħħ l-ebda tibdil.

Tallinja Card – persuni li għadhom ma rċevewx il-card

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-persuni li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament ilhom mis-17 ta’ Ġunju jistennew it-tallinja Card, minkejja li ċemplu diversi drabi fl-uffiċċju indikat minn din l-inizjattiva?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat mingħand l-operatur tat-trasport pubbliku li l-persuni li d-dettalji dwarhom ngħataw separatament irċivew it-tallinja card tagħhom. Infurmat ukoll illi l-operatur qiegħed jinvestiga ir-raġuni għalfejn kien hemm dan id-dewmien fil-ħruġ ta’ dawn il-cards.

Salini – applikazzjoni għal triq ta’ aċċess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ġiet sottomessa applikazzjoni minn Transport Malta quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar sabiex ikun jista’ jsir xogħol fuq triq biex isservi bħala aċċess għar-residenti tas-Salini b’rabta max-xogħol li għaddej fi Triq il-Kosta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-applikazzjoni għal din it-triq ġiet sottomessa skont il-proċeduri normali tal-ippjanar. Il-proċess għadu ghaddej.

Is-Salini – tlestija ta’ triq proposta -

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol fuq it-triq proposta fiż-żona tas-Salini sabiex ir-residenti tal-akkwati jibda jkollhom aċċess diċenti sabiex jaslu għar-residenza tagħhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess mill-MEPA għal xogħlijiet permanenti għadu ma ngħatax lil Transport Malta u għaldaqstant l-Awtorità ma tistax tippjana data meta x-xogħlijiet huma mistennija jibdew jew jispiċċaw. Sadattant, Transport Malta diġà assigurat lir-residenti ta’ din iż-żona li se tkun qed tagħmel arranġamenti neċessarji sabiex l-aċċess alternattiv li diġà ġie pprovdut, jibqa’ pprovdut sakemm jitlestew dawn ix-xogħlijiet.

Is-Salini – permess għal aċċess għat-triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-problemi li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qed tindika lill-Transport Malta b’rabta mal-ħruġ ta’ permess sabiex issir triq biex isservi ta’ aċċess għar-residenti fiż-żona tas-Salini?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ma tħossx li hu f’postu li tispjega il-pożizzjoni ta’ entitajiet oħra fil-konfront tal-pjanijiet tagħha. Għaldaqstant, huwa ssuġġerit li l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.