Jista' l-Ministru jikkonsidra jekk it-traffiku madwar ir-roundabout ta' Fleur-de-Lys/Santa Venera jistax jiġi regolat bit-traffic lights għaliex qed ikun hemm konġestjoni kbira filgħodu u filgħaxija?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tat-Toroq biex jiġi kkunsidrat x` l-aħjar li jsir.
Jista' l-Ministru jara jekk tistax issir Triq Notabile, Birkirkara, bit-tarmac (new road) għaliex kemm ilhom li ngħalqu l-mini taħt l-akkwadott fl-istess triq, din isservi ta' żblokk importanti fiz-zona?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Kunsill Lokali u d-Dipartiment tat-Toroq biex ix-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ikun jista jitwettaq.
Jista' l-Ministru jgħid liema xogħlijiet għad fadal isiru mill-Gvern Ċentrali rigward servizzi pubbliċi għal abitazzjonijiet privati, fiz-zoni ta' Sriedak u ta' Xkora, fil-Mosta biex it-toroq fl-inħawi msemmija jkunu jistgħu jinbnew b'mod diċenti għar-residenti li diġa' ilhom jabitaw hemm għal diversi snin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jieħu passi biex tittieħed l-art li hemm bżonn biex it-toroq jinfetħu, fil-waqt illi għamel preparamenti biex joħorġu s-sejħiet għall-offerti għal asfaltar tat-toroq f'Ta' Xkora.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq A. Cuschieri, Birkirkara, li tagħti għal fuq Psaila Street, hijiex sejra issir bħala parti mill-proġett, peress li din it-triq kienet ingħatat tarmac fiċ-ċentru biss, waqt li l-ġnub tagħha baqgħu qatt ma saru bit-tarmac?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li din it-triq hija waħda asfaltata, resurfacing fiha irid isir mill-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-Kunsilli Lokali tal-11 u 12 id-distrett Elettorali li għandhom kontijiet pendenti mad-Dipartiment tat-Toroq fuq xogħlijiet li d-Dipartiment wettaq f'dawn il-lokalitajiet rispettivament?
Għal kemm żmien/snin ilhom pendenti dawn il-kontijiet lokal, lokal u kemm huma l-ammont f'ċifra ta' flus li kull lokal separatament jrid iħallas skond dawn il-kontijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara jekk qabel tingħata t-tarmac it-triq tal-Manikata jitwessgħux xi partijiet tat-triq fejn ma jgħaddux żewġ karozzi bir-riżultat li qed ikun hemm konġezzjoni tat-traffiku speċjalment fil-Ħdud meta din it-triq tintuża minn ħafna Maltin?
Jista' jara li dan l-intervent issir f'waqtu ħalli ma jkunx hemm spalpaljar ta' flus u t-triq issir aċċessibli għal żewġ karozzi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol li qiegħed isir jinkludi wkoll xogħol ta` tindif mal-ġenb tat-triq u tiswija tal-ħitan li hemm milquta mill-karozzi.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji, inkluż tulijiet u ismijiet tat-toroq lokali ġodda li saru jew ġew resurfaced f'dawn l-aħħar tnax il-xahar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' toroq li sar xogħol fihom dawn l-aħħar tnax-il xahar mid-Dipartiment tat-Toroq u jkopru tletin il-lokalita' għat-tul komprensiv ta' 27.195 km.
Din il-lista tinkludi separatament l-ismijiet ta' toroq u t-tulijiet tagħhom li għadhom kif ingħataw kuntratti biex isir xogħol fihom u li ser jibda fit-2001. Dawn ser isiru f'dsatax-il lokalita' u t-tul ser ikun ta' 27.665 km.
Jien infurmat li din il-lista ma tinkludix informazzjoni dwar it-tulijiet ta' toroq li sar xogħol fihom mill-Kunsilli Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kuntratturi ġodda li ġew ingaġġati fuq ix-xogħol ta' Imdina Road, Ħal-Qormi?
Kif ġew magħżula dawn il-kuntratturi u x'inhu l-valur tax-xogħol li ġew mitluba jwettqu?
Fiex jikkonsisti dan ix-xogħol u meta hu previst li jitlesta?
Jista' jikkonferma jekk ir-rati għal dan ix-xogħol humiex l-istess bħal dawk tal-main contractor?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-kuntratturi li qegħdin jaħdmu fuq xogħol fi Mdina Road , Qormi huma Polidano Brothers Ltd. u Asfaltar Ltd. Dawn ġew imqabbda mill-kuntrattur prinċipali Rite Mix Ltd. bl-approvazzjoni tad-Dipartiment tat-Toroq, iżda d-Dipartiment tat-Toroq ma kellu x'jaqsam xejn fl-għażla tal-kuntratturi u lanqas fl-assenjazzjoni ta' xogħol mill-main contractor għal dawn is-sub contractors. Għalhekk il-kuntratt għadu jsejjaħ lir-Rite Mix Ltd., u r-rati tal-kuntratt baqgħu ma nbidlux.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol fuq Imdina Road, Ħal Qormi u x'inhu x-xogħol li fadal isir?
X'perċentaġġ ta' xogħol tlesta s'issa u x'inhu l-ammont ta' ħlas li sar lil diversi kuntratturi, kull kuntrattur separatament?
Meta hu maħsub li se jitlesta x-xogħol kollu fuq din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol li qed isir bħalissa fi Mdina Road, Ħal Qormi jikkonsisti f'tqegħid ta' pajpijiet għad-dranaġġ ta' l-ilma tax-xita u f'xogħol ġenerali għall-bini mill-ġdid tat-triq sabiex fl-aħħar it-triq ikkollha bażi u wiċċ ġdid ta' asfalt.
Il-pagamenti li saru s'issa lill-kuntrattur kienu hekk:-
a) kuntratt għar-rikostruzzjoni tal-bażi tat-triq li kien jiswa Lm590,000,
tħallsu Lm418,386
b) kuntratt ta' l-asfalt li jammonta Lm323,000, tħallsu Lm26,418.
Ix-xogħol mistenni jitlesta matul l-ewwel xhur tas-sena 2001.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol fuq Psaila Street?
X'perċentaġġ ta' xogħol tlesta s'issa u x'inhu l-ammont ta' ħlas li sar lill-kuntrattur sal-lum?
Meta hu maħsub li se jitlesta' x-xogħol kollu fuq din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol f'Psaila Street hu maqsum fi tmien fażijiet u li minnhom s'issa prattikament tlestiet l-ewwel fażi. Il-proġett kollu hu mistenni li jitlesta sa l-aħħar ta' Novembru 2001.
Sa llum il-kuntrattur tħallas Lm36,587.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol fuq Ħal Far Road?
X'perċentaġġ ta' xogħol tlesta s'issa u x'inhu l-ħlas li sar lill-kuntratturi separatament?
Meta hu maħsub li se jitlesta x-xogħol kollu fuq din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fil-preżent it-triq mal-ġenb tar-runway bejn il-Gudja u Ħal Far tlesta l-lqugħ, l-bini mill-ġdid tal-pedament, l-base course tagħha u ingħatat wiċċ ġdid f'żewġ terzi mit-tul tagħha.
Il-ħlas lil tliet kuntratturi li qed jagħmlu x-xogħol sar hekk:-
General Road Servicing Ltd Lm 125,261
Schembri Barbros Ltd Lm187,966
Penza Construction Ltd Lm184,151
Ix-xogħol kollu hu maħsub li jitlesta' sa s-sajf li ġej.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-proċess ta' l-ispeed cameras?
Jista' jgħid jekk dawn bdewx jaħdmu u kemm ġew jiswew lill-gvern?
Kemm ingħataw ċitazzjonijiet s'issa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat, għaliex l-uniku nvolviment tal-Ministeru għat-Trasport jolqot ir-regoli li jridu jinħarġu skond l-Awtorita` tat-Trasport.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx pjanijiet għal formazzjoni ta' toroq u l-kostruzzjoni tagħhom fl-inħawi ta' Triq il-Ħannewija, Tal-Wilġ, San Pawl tat-Tarġa, Naxxar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn spezzjoni li saret fil-lokalita' mid-Dipartiment tat-Toroq, jidher li għad hemm ħafna żvilupp xi jsir kif ukoll xogħol ieħor ta' formazzjoni ta' toroq f'dawn it-toroq qabel ma dawn jistgħu jkunu asfaltati.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli jittieħdu passi biex biċċa ħajt tas-sejjieħ li hemm int u dieħel fi Triq in-Nissieġ, Żabbar minn Triq San Ġużepp jiġi irranġat għaliex dan il-ħajt li hu boundary wall tat-triq, qed jaqa' u se jispiċċa jweġġa' lil xi ħadd?
Billi din hi l-unika parti fejn il-ħajt m'huwiex tal-kantun għaliex il-bqija jkompli bil-ġebel tal-kantun, possibbli jiġi rranġat qabel jaqa' fuq xi ħadd?
Possibbli jiġi nnotat li l-kunsill lokali qed isostni li din hi responsabbilta' tal-Gvern?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ħajt imsemmi huwa essenzjalment ħajt ta' għalqa li għadu ma sarx żvilupp fiha hekk kif wieħed ikun dieħel fit-Triq in-Nissieġ.
Ħitan bħal dawn iridu jinżammu fi stat tajjeb mill-gabillot li jkun jaħdem l-għalqa u fil-fatt huma l-Kunsilli Lokali li llum huma responsabbli biex jiġbdu l-attenzjoni tal-gabillotti għal biex jesegwixxu t-tiswijiet neċessarji.
Il-ħajt mhux wieħed għoli ħafna u ma jidhirx li qiegħed f'sitwazzjoni daqstant ħażina.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda mat-Transport Authority minn Settembru 1998 sal-lum?
Minn liema lokalita' ġejjin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn Settembru 1998 sa llum l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku mpjegat disa' persuni ġodda li l-lokalitajiet li ġejjin minnhom huma:-
Qormi - 1
Mosta - 1
Sta. Venera - 1
Msida - 1
Fgura - 1
Mellieħa - 1
Nadur (Għawdex) - 1
B'Kara - 1
Marsascala - 1
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' sigħat ta' overtime li saru mill-ħaddiema/uffiċjali tad-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru tiegħu bejn Jannar u Novembru ta' din is-sena?
F'liema dipartimenti sar dan l-overtime u kemm minnu tħallas lill-ħaddiema/uffiċjali u kemm minnu jrid jitħallas?
X'kienu ir-raġunijiet, jekk huwa il-każ, li l-overtime ma tħallasx kollu?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema programm/i ta' l-Unjoni Ewropea xi dipartiment jew entita' oħra li tinsab fid-dekasteru tiegħek qed tipparteċipa?
Liema huma dawn il-programmi u x'utilita' għandhom u kemm qed jieħdu sehem persuni?
Kemm hu l-ħlas ta' Malta u dak ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li d-Direttorat tal-Portijiet hu nvolut f'żewġ inizjattivi li jiffurmaw parti mill-'Euro Mediterranean Partnership'. Dawn huma:
1. Media Project 7 - Hgħdorgraphgħ for the Mediterranean
2. Multi-Annual Rolling Work Programme for Maritime Transprot in the Mediterranean
L-għan ta' Project 7' hu l-miljoramnet tas-Sezzjoni ta' l-Idografija fi ħdan l-Awtorita' Marittima. Bħalissa, persuna waħda qed tieħu sehem f'dan il-proġett.
L-għan tal-'Multi-Annual Rolling Work Programme' hu li jippermetti lill-Awtoritajiet tal-pajjiżi parteċipanti biex jippjanaw 'policies' għall-futur għal portijiet marittimi, liema 'policies' ikunu bbażati fuq statistika dettaljata u eżatta, kif ukoll biex jifformulaw metodoloġija ta' l-istatistika komuni. Bħalissa, żewġ persuni qed jieħdu sehem f'dan il-programm.
Il-ħlas relatat ma' 'Projeċt 7' sar kollu mill-unjoni Ewropea u jlaħħaq madwar Lm40,000, filwaqt li ħlas kollu għall-'Multi-Annual Rolling Work Programme' ukoll sar mill-unjoni Ewropea u s'issa, laħħaq madwar Lm7,000.
B'riferenza għal dak li qal il-Ministru fir-rigward tax-xogħol ta' kordinament tas-servizzi li qiegħed isir mid-Dipartiment tat-Toroq, min huma l-uffiċjali nkarigati minn dan ix-xogħol?
Kemm u liema toroq ġew kordinati minn meta beda jsir dan ix-xogħol sal-lum?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol ta' kordinament tas-servizzi mid-Dipartiment tat-Toroq qiegħed isir minn dawn l-uffiċjali:-
Mr Henry Sultana - Chief Architect and Civil Engineer
Ms Audrey Demicoli - Architect and Civil Engineer
Mr Chris Grech - Architect and Civil Engineer
Mr Mark John Scicluna - Trainee Junior Architect and Civil Engeneer
Ms Lara Baldacchino - Trainee Junior Architect and Civil Engineer
Mr John Demicoli - Trainee Junior Architect and Civil Engineer
Mr Robert Zerafa - Trainee Junior Architect and Civil Engineer
Mr Charles Ebejer - Senior Technical Officer
Mr Loreto Spiteri - Senior Technical Officer
Mr Anthony Brincat - Technical Officer
Mr Emanuel Zammit - Foreman
Dan ix-xogħol jgħamluh fuq kull proġett li jkunu responsabbli minnu huma, barra milli jattendu wkoll cordination meetings li jkun qiegħed jagħmel kull Kunsill fil-lokalita' tiegħu skond kif jiġi assenjat lilhom.
In-nies li ilhom l-aktar mad-Dipartiment ilhom jagħmlu dan ix-xogħol minn meta twaqqaf il-Cordination Unit fil-Ministeru tax-Xogħolijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni, filwaqt li n-nies l-oħra bdew jagħmluh minn meta bdew fil-Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni.