Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Belt — Shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li dawk li kienu shelters fil-Belt, li issa huma kmamar, humiex suġġetti għall-ħlas ta’ kera? Fil-każ li iva, kemm hi l-kera u għalkemm żmien?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru konċernat.

Aġenzija Identità Malta – avviż legali fil-Gazzetta tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-avviż li suppost kellu jidher fil-Gazzetta tal-Gvern minn l-Aġenzija Identità Malta skont kif provdut fl-artiklu 4(1)(e) tal-Avviż Legali 47 tal-2014 dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza li jipprovdi hekk: “tintrabat li tinvesti, fost oħrajn, f’dawk l-istocks, bonds, debentures, special purpose vehicles jew li tagħmel investimenti oħra kif Identità Malta tipprovdi minn żmien għal żmien b’avviż fil-Gazzetta”?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni se tkun ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern fil-futur qrib.

Avviż Legali 47 tal-2014

Question

B’referenza għall-obbligu fl-artiklu 7(6) tal-Avviż Legali 47 tal-2014 li applikant ewlieni għandu jintrabat li jagħmel investimenti f’Malta sal-ammont ta’ €150,000, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stocks, bonds, debentures, special purpose vehicles jew mezzi oħra ta’ investiment saru s’issa l-investimenti, minn dawk li applikaw jew ingħataw iċ-ċittadinanza Maltija in virtu tal-istess Avviż Legali?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjonijiet li daħlu s’issa għadhom qed jiġu proċessati. Għaldaqstant l-applikanti għadhom ma waslux fil-fażi fejn jagħmlu dan it-tip t’investiment.

Avviż Legali 47 tal-2014 – membri tal-Bord ta’ Gvernaturi tal-Fond ta’ Żvilupp Nazzjonali u Soċjali

Question

B’referenza għall-artiklu 13(4) tal-Avviż Legali 47 tal-2014 tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord ta’ Gvernaturi tal-Fond ta’ Żvilupp Nazzjonali u Soċjali u jpoġġi l-ismijiet fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għal-mistoqsija parlamentari 9873 li saret lil Prim Ministru.

Aġenzija Identità Malta – Applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni daħlet/saret għand Aġenzija Identità Malta biex tinkiseb iċ-ċittadinanza skont l-Avviż Legali 47 tal-2014 sad-data li tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta applikazzjonijiet għal residenza bi preparazzjoni għaċ-ċittadinanza hu ta’ 144, li minnhom tnax huma applikazzjonijiet kompleti. Minn dawn l-Aġenzija Identità Malta iddeċidiet li tibda tipproċessa 6 skont l-Avviż Legali 47.

Xiri ta’ Ċittadinanza – pajjiżi tal-applikanti ewlenin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn liema pajjiżi huma l-applikanti ewlenin li s’issa applikaw għax-xiri taċ-ċittadinanza skont l-Avviż Legali 47 tal-2014?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Irrid niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li ċ-ċittadinanza Maltija mhux għal bejgħ. F’każ li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-investituri fil-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, ninfurmah li fi żmien opportun, ir-regolatur se jkun qiegħed jgħaddi rapport dwar l-operat ta’ Identity Malta kif mitlub mil-liġi.

Għawdex – qbid ta’ sigaretti tal-kuntrabandu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-kważi żewġ miljun sigarett tal-kuntrabandu li nstabu fi truck ġewwa l-Qala, Għawdex fl-14 ta' April 2013, jew xi jiem viċin dik id-data?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 2903.

AFM – persuni li rriżenjaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u liema huma l-uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta li rriżenjaw mill-AFM fl-2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? X’kien ir-rank li kienu jokkupaw?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal darba oħra reġa ġie nfurmat ħażin. Ma kien hemm ebda uffiċjali li offrew rriżenja tagħhom mill-Forzi Armati ta ' Malta.

AFM – Logutent Kurunell

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Logutenent Kurunell għandha l-Forzi Armati ta’ Malta fil-jum li fih qed issir din l-interpellanza? Kemm kien hemm fl-1 ta’ Jannar 2013?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Forzi Armati ta’ Malta għandha sbatax Logutenent Kurunell, l-istess ammont li kellha fl-1 ta’ Jannar 2013.

AFM – Kurunell

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Kurunell għandha l-Forzi Armati ta’ Malta fil-jum li fih qed issir din l-interpellanza? Kemm kien hemm fl-1 ta’ Jannar 2013?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Forzi Armati ta’ Malta għandha disa Kurunelli filwaqt li fl-1 ta’ Jannar 2013, Il-Forzi Armati ta’ Malta kellha ħames Kurunelli.

AFM – Brigadier – Staff Training College

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema staff training college kienu attendew u ggradwaw il-Brigadieri kollha wieħed wieħed, li kellha l-Forzi Armati ta’ Malta, fil-jum li fih ħadu l-kariga ta’ Kap Kmandant tal-AFM, u dan mill-jum li fih Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea fl-2004 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-jum li fih Malta saret membru tal-Unjoni Ewropeja fl-2004 sa’ llum, il-Forzi Armati ta’ Malta kellha tlett Brigadieri. Dawn kienu l-Brigadier Carmel Vassallo, il-Brigadier Martin G Xuereb u l-Brigadier Jeffrey Curmi. Filwaqt li fil-jum li fih ħadu l-kariga bħala Kap Kmandant l-ewwel tnejn kienu ggradwaw mir-Royal College of Defence Studies gewwa Londra, il-Brigadier Curmi, minkejja li għamel diversi applikazzjonijiet biex isegwi l-istess kors, dawn l-applikazzjonijiet taħt aministrazzjoni preċedenti, dejjem kienu miċħuda. Minkejja dan il-Brigadier Curmi segwa b’suċess numru kbir ta’ korsijiet inkluż fir-Royal Military Academy f’Sandhurst fejn ingħata l-ogħla unur li hu l-Cane of Honour.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bejn l-2004 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid għal kull każ, x’kien ix-xoghol, jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order jew tender u kemm kienet l-ispiża għal kull każ?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Forzi Armati — transfers ta’ fizzjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il transfer ta' fizzjali fil-Forzi Armati ta’ Malta ġie ordnat fl-aħħar jiem ta' Novembru 2013?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li fl-aħħar jiem ta’ Novembru 2013 ma kien hemm l-ebda transfer ta’ fizzjali fil-Forzi Armati ta’ Malta.

Forzi Armati – transfers ta’ fizzjali

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-general order li ħareġ fil-Forzi Armati ta’ Malta fl-aħħar jiem ta' Novembru 2013 biex jingħataw transfer numru ta' fizzjali?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6586.

Terminal leave – każ ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema hi d-data finali ta' servizz wara terminal leave eċċ. tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament rtira mill-Forza Regolari tal-Forzi Armati ta’ Malta b’effett mill-15 ta’ Novembru 2013 wara li serva iktar minn sitta u għoxrin sena servizz. Dan ġie offrut kariga fis-Servizz Pubbliku li ma aċċettax u rriżenja mis-Servizz Pubbliku b’efett mill-20 ta’ Frar 2014.

Vettura mimlija sigaretti tal-kuntrabandu

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2903, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar il-każ ta’ kuntrabandu ta’ sigaretti imsemmi hemm humiex konklużi?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà elenkajt f’risposti oħra, l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-każ imsemmi għadha mhux konkluża.

Vettura mimlija sigaretti tal-kuntrabandu — rilaxx

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija rrilaxatx jew le l-vettura (truck) li fil-jiem viċin l-14 ta’ April 2013 instabet f’Għawdex mimlija sigaretti tal-kuntrabandu u li għaliha saret referenza fil-mistoqsija parlamentari 2903? Jekk ġie rilaxxat, jista’ jagħti d-data tar-rilaxx?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà rrispondejt mistoqsija parlamentari 6762, l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-każ imsemmi għadha mhux konkluża. Rigward il-vettura relatata mal-każ, il-vettura ghadha fil-kustodju tal pulizija

sigaretti tal-kuntrabandu – inkjesta maġisterjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għala ma ssejħitx inkjesta maġisterjali fuq is-sejba konsiderevoli ta' sigaretti tal-kuntrabandu fl-14 ta' April 2013, jew xi jiem viċin din id-data, ġewwa l-Qala, Għawdex?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà rrispondejt mistoqsijiet oħrajn l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-każ imsemmi għadha mhux konkluża. Dwar il-każ riferut ninsab infurmat illi ma saritx inkjesta maġisterjali, dan għaliex inkjesta issir meta reat ikun iġorr piena ta’ aktar min tlett snin priġunerija skond il-provedimenti tal Artiklu 546 tal Kap 9. F'dan il-każ il-piena karċerarja hija ta' massimu ta' sentejn.

Korp tal-Pulizija — Pulizija ta’ riżerva - ingaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dati meta ġew ingaġġati pulizija ta’ riżerva fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar 25 sena?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi li tipprovdi dwar l-ingaġġ ta' Kuntistabbli ta' Riserva fis sena 2002, ġew ingaġġati mija u tnax (112) il-persuna. Dawn ġew ingaġġagati hekk: · Fix-xahar ta’ Novembru 2005 kienu ġew ingaġġati disa’ (9) Kuntistabbli ta’ Riserva fuq bażi ta’ ftit ġranet minħabba xoghol konness mal-laqgha tac-CHOGM fl-istess sena. · Fis sena 2011 kien ingaġġat Kuntistabbli tar-Riżerva wieħed (1). · Fis-sena 2013 ġie ngaġġat Kuntistabbli tar-Riżerva wieħed (1), u · Fis-sena 2014 ġew ingaggati mija u wieħed (101) Kuntistabbli tar-Riżerva.

Korp tal-Pulizija — Pulizija ta’ riżerva - ingaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jkunu ingaġġati pulizija ta’ riżerva?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm approvazzjoni, kemm mill-Public Administration Human Resources Office (PAHRO) u mill-Ministeru tal-Finanzi għal mija u ħamsin (150) kuntistabbli ta’ riserva.