B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14864, jista' il-Ministru jgħid x'inhi t-tender number ta' dan il-proġett u meta ħareġ?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
B’referenza għat-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant fil-mistoqsija parlamentari 14864, it- tender number ta’ dan il-proġett huwa no.57 u din ġiet ippublikata fl-1ta’ Novembru 2005.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata Triq l-10 ta' Settembru 1797 magħrufa bħala taċ-Ċawsli u li tagħti bejn Ħaż-Żabbar u l-Fgura u bejn il-mina ta' Hompesch u r-roundabout u li hija biċċa triq qasira li kull meta tagħmel ix-xirta tispiċċa mgħarrqa? Jistgħu jittieħdu passi peress li minħabba f'dan l-inkonvenjent tista' issir ħsara strutturali fid-djar li jagħtu għal din l-istess triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata f'seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li bus shelter fi Triq l-Għakrux ġewwa Ħaż-Żabbar tneħħa u dan b’detriment għar-residenti u għal dawk li jagħmlu użu minnu, b’inkonvenjent ċar, speċjalment fi ġranet ta’ maltemp? Jikkonferma li dan tneħħa sabiex ikun akkomodat xi ħadd?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ dwar it-Trasport ma neħħiet l-ebda Bus Shelter jew Bus Stop minn Triq l-Għakrux, Ħaż-Żabbar.
Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li mhux qed ikun provdut trasport dirett għall-universita` u għall-MCAST minn Wied il-Għajn bħalma qed isir f’postijiet oħra?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-istudenti li joqgħodu Wied il-Għajn jistgħu jaqbdu ir-rotot 17, 19 jew 20 li bihom jieqfu fil-venda ta’ Ħaż-Żabbar u minn hemm jaqbdu ir-Rotta 300 li hija rotta diretta lejn l-Universita u l-Junior College. Dawn l-istudenti ħallsu biss in-noll ta’ rotta diretta, li huwa 30ċ, għalkemm jagħmlu interchange fil-venda ta’ Ħaż-Żabbar. In-numru ta' studenti li qegħdin jaqbdu r-rotta 300 minn Wied il-Għajn għadu baxx. Xi ġranet ilu kien osservat li 6 studenti biss minn Wied il-Għajn użaw din ir-rotta f'ġurnata waħda. L-Awtorita' qegħda tagħmel survey sabiex tara fuq liema rotot jew destinazzjonijiet hu ġġustifikat li żżid il-frekwenza.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ l-iskeda bil-ħinijiet tat-tluq tar-rotta 300, kif ukoll l-ħinijiet tar-rotot li jitilqù minn Wied il-Għajn sabiex wieħed ikun jistà jagħmel interchange.
Rigward is-servizz lejn l-MCAST ta’ Kordin, l-istudenti ta’ Wied il-Għajn jistgħu jużaw ir-rotot normali, jiġifieri Rotta 17, 19 u 20.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 14908 u 14968 u jgħid: b'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14687, jista' jgħid jekk qabel ma reġgħu nbnew l-istrutturi f'Imdina Road, Ħaż-Żebbuġ, ġiex verifikat mill-MEPA jekk il-bini oriġinali kienx kopert bil-permess ta' l-iżvilupp jew kienx wieħed illegali? Qabel ma sar il-bini l-ġdid, saru applikazzjonijiet għall-permess għall-istess bini tal-MEPA?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li waqt ix-xogħlijiet li sar fi Mdina Road kien sar twessigħ tat-triq, liema twessigħ affettwa numru ta’ kmamar żgħar li kien hemm iħarsu għal fuq l-istess triq. Minħabba illi l-proprjetarji tal-istess strutturi kienu ser jintlaqtu ħażin mit-twessigħ in kwistjoni, l-Awtorita' dwar it-Trasport affetwat kostruzzjoni replika tal-partijiet tal-kmamar zgħar li kienu ser jitwaqqgħu, u dan biex tali strutturi żgħar li kienu diġa eżistenti fit-triq ikunu jistgħu jintużaw mill-proprjetarji sakemm issir it-tieni fażi tat-triq. Kien hemm każijiet fejn l-Awtorita' għamlet applikazzjonijiet għall-permess tat-twaqqigħ u l-bini ta’ uħud mill-kmamar li nbnew fi Mdina Road.
F'xi każijiet partikolari l-Awtorita' dwar it-Trasport għamlet laqgħat mall-MEPA, u s-sidien u l-Periti tagħhom sabiex ikun stabbilit il-pożizzjoni tal-MEPA dwar ċaqlieq u użu tal-proprjetajiet effetwati.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15062 u jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol fuq l-Imtarfa bypass?
Kemm ġie jiswa x-xogħol s'issa?
Meta hu maħsub li se jitlesta dan ix-xogħol li ilu jkarkar sitt snin?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ewwel parti tal-bypass ta’ l-Imtarfa tlestiet aktar qabel matul din is-sena bl-asfaltar sal-pont.
It-tieni parti bdiet dan is-sajf u r-
retaining wall
qed jinbena bħal ma sar fl-ewwel fażi.
S’issa ix-xogħol kollu ġie jiswa’ madwar Lm772,000 li minnhom s’issa tħallsu Lm 643,000.
Triq li tgħaqqad il-bypass tal-Imtarfa mall-Protokoll Taljan ħdejn iċ-ċimiterju tal-Militar tal-Imtarfa qegħda tinbena mill-ġdid bħala parti mit-toroq iffinanzjati mill-Protokol Taljan u x-xogħol mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.
Fil-ġimgħat li ġejjin għandu jkun stabbilit kif ser titkompla l-aħħar parti li fadal sabiex ix-xogħlijiet fuq din il-bypass jitlestew kollha.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 14852, jista' il-Ministru jispjega x'irid ifisser bil-kliem "fuq bażi umanitarja", meta ħafna residenti qed iħossuhom minsija minħabba li jridu jimxu mhux ħażin biex jagħmlu użu mit-trasport pubbliku? Fejn qed jiġi propost li jsir il-bus shelter? Huwa possibbli li titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra l-pjanta proposta?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tfassal pjanti ġodda sabiex il-bus shelter tiġi mqegħda b'mod li jkun hemm titjib fis-sigurta u l-immaniġjar tat-traffiku. Ir-residenti mhux talli mhux minsija imma l-pjanijiet jieħdu in konsiderazzjoni l-aspetti kollha effetwati mix-xogħlijiet proposti.
Hekk kif il-pjanti ikunu lesti, dawn ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati veikoli jdaħħnu minn mindu beda dan is-servizz? X'passi ħa d-dipartiment? X'kien l-eżodu? Kemm kien hemm hoaxes?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Kollega li minn mindu beda dan is-servizz sas-26 t’Ottubru 2005, ġew irrapurtati 13,497 veikoli, permezz ta’ 29,186 SMS. Minn dawn il-veikoli, 742 ġew ittestjati, u 30% minn dawn il-vetturi fallew. Dawn ġew mogħtija ċitazzjoni u ser jerġgħu jiġu ttestjati sakemm jgħaddu minn dan it-test. 525 veikoli ser jiġu ttestjati fil-gimgħat li ġejjin. Ma kien hemm l-ebda hoaxes irrapurtati.
B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14476, jista’ il-Ministru jivverifika l-informazzjoni li ġiet mogħtija lilu, peress li lili jirriżultali li l-applikant m’għandux garaxx u għalhekk l-iskwalifika ma tibqax tapplika?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
B’riferenza għal mistoqsija ta’ l-Onorevoli Interpellant qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-Kunsill Lokali kkonċernat fejn jiddikjara li l-applikant għandu garaxx fil-viċinanzi tad-dar. Tali dikjarazzjoni tal-Kunsill Lokali ntużat mill-Bord għar-Reserved Parking tal-Persuni b’Diżabilita' meta ġie pproċessat il-każ fil-30 ta’ Awissu, 2005.
It-Traffic Management Unit huwa nfurmat li l-applikant appella id-deċiżjoni tal-Bord għar-Reserved Parking tal-Persuni b’Diżabilita' għand ir-Review Panel tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita'.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14715 u jgħid: Billi l-Ministru stqarr pubblikament li jonqos it-tieni fażi tax-xogħol in konnessjoni ma' Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ, f'dik il-parti li tibda minn fejn Bieb de Rohan u tispiċċa fejn l-istabiliment kummerċjali ta' SMW Cortis liema xogħol se jinvolvi t-twessiegħ ta' l-istess triq, jista' il-Ministru jispjega kif se titwettaq it-tieni fażi u cioe' it-twessiegħ tat-triq, jekk proprju bħalissa qiegħed jitħalla jsir il-bini mill-ġdid mal-linja eżistenti ta' l-istess triq? Dan se jfisser illi l-bini li tiela' se jkollu jerġa' jitwaqqa'?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tieni fażi tal-kostruzzjoni tal-parti ta’ Triq Mdina bejn il-junction tas-St. Dorothy’s u l-junction ta’ De Rohan tikkonsisti fi twessiegħ tat-triq, liema twessiegħ isir fil-mument propizju wara li tkun saret analiżi tal-flows tat-traffiku fi Triq Mdina u fit-toroq li jmissu magħha. Meta jkun il-mument li ssir it-tieni fażi, l-Awtorita' teżerċita il-proċeduri normali li jsiru kull meta twessiegħ ta’ triq tinvolvi proprjetajiet privati.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li joħroġ il-permess għall-użu ta' double-deckers mikxufin, l-istess double-deckers li l-ADT tat il-permess li jinġiebu hawn Malta?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Awtorita' dwar it-Trasport qegħda tħejji abboz għal sejħa sabiex jiġu provduti servizzi ta' rotot fissi b'aspett turisitiku li jkunu operati b'open top buses.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14955, jista' il-Ministru jgħid jekk l-interviews sarux lill-applikanti kollha u jgħid meta saru u minn min? Inoltre, peress li l-post għadu vakanti, jista' jgħid x'passi qed jittieħdu biex jimtela' l-post?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jinformana liema toroq se jagħmel il-gvern fil-lokalita' tal-Madliena? Meta huwa maħsub li se jibda x-xogħol? Kemm mistenni jdum għaddej ix-xogħol? Kemm se tkun l-ispiża tal-gvern għal dawn ix-xogħlijiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Awtorita' dwar it-Trasport għadha qegħda tiffinalizza l-lista ta' toroq li huma ppjanati li ser jinbnew jew ikunu asfaltati.
Jista' il-Ministru jinformana liema huma t-toroq li se jsiru fis-Swieqi? Hemm xi data għall-bidu tax-xogħlijiet? Kemm mistenni jdumu dawn ix-xogħlijiet? Kemm se tkun l-ispiża tal-gvern f'dawn it-toroq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Awtorita' dwar it-Trasport għadha qegħda tiffinalizza l-lista ta' toroq li huma ppjanati li ser jinbnew jew ikunu asfaltati.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol ta' toroq li isimhom qed jintbagħat separatament ġewwa Ħal Għaxaq? Meta se jibda x-xogħol f'dawn it-toroq u xi żviluppi hemm? Wieħed jifhem it-tbatija u l-inkonvenjent li jinsabu fih ir-residenti.
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport għandha ħames tenders għal xogħlijiet ta' bini ta' toroq residenzjali f'Ħal Għaxaq li bħalissa qegħdin ikunu aġġudikati.
L-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara program ta' xogħlijiet ta' bini ta' numru ta' toroq residenzjali. Ix-xogħlijiet fit-toroq imsemmija isiru skond il-prijoriatjiet li jirriżultaw mill-program tax-xogħlijiet ta' l-ADT.