Legislature:
Category:
Reset
Active:

ċentru tal-akwakultura – esperimenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema speċi ta' ħut qed isiru esperimenti fuqhom fiċ-ċentru tal-akwakultura fit-Torri ta' San Luċjan, jew xi mkien ieħor? Kemm ilhom sejrin dawn l-esperimenti għal kull speċi ta' ħut partikolari? X'riżultati nkisbu sa issa minn dawn l-esperimenti li kienu għaddejjin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fiċ-Ċentru tal-Akwakultura fit-Torri ta’ San Luċjan isiru esperimenti fuq t-tfaqqis tal-aċċjol, tat-tonn, tal-gurbell, tas-sargi, tar-rizzi, taċ-ċeren u speċji ta’ shark. L-esperimenti nbdew mill-2005 u jvarjaw minn speċi għal oħra. Ir-riżultati huma li qegħdin nipproduċu bajd u friegħ biex ikollna sistemi integrati tal-akwakultura.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — servizz ta’ customer care

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hu jew id-dekasteru tiegħu hux qed jagħmlu kuntatt ma’ kunsilli lokali biex joffru servizzi ta’ customer care mill-uffiċċji tal-kunsilli lokali? Jekk iva, jista’ jindika ma’ liema kunsilli lokali sar dan il-kuntatt? Jekk fl-affermattiv jista’ jindika liema kienu dawk il-kunsilli lokali li rrispondew fil-pożittiv għal din it-talba? Liema rrispondew fin-negattiv u liema għadhom ma rrispondewx? Fil-lokalitajiet li rrispondew fil-pożittiv meta beda dan is-servizz? F’liema ħinijiet u f’liema ġranet qed ikun offrut dan is-servizz?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda kuntatt ma’ kunsilli lokali biex jiġu offruti servizzi ta’ customer care.

Serer

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' bdiewa li huma reġistrati li għandhom serer madwar Malta u Għawdex? Kemm hi l-art li tintuża għall-iskop ta' tkabbir ta' prodotti agrikoli fis-serer?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li skont l-aħħar ċensiment tal-biedja li sar fl-2010, l-informazzjoni mitluba hi: - Numru ta’ bdiewa reġistrati li għandhom serer madwar Malta u Għawdex – 256. - L-art li tintuża għall-iskop ta' tkabbir ta' prodotti agrikoli fis-serer – 79.8 etteru.

Għelieqi għat-tkabbir tad-dwieli

Question

Jista' l-Minsitru jagħti tagħrif dwar kemm hi l-art agrikola li hi reġistrata bħala li qed tintuża għat-tkabbir tad-dwieli? F'liema nħawi tinsab din l-art, u jekk hemm l-informazzjoni, f'liema lokalitajiet, lokalità lokalità, hemm dawn l-għelieqi reġistrati għal dan l-iskop?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi l-art li qed tintuża għatt-tkattir tad-dwieli hi ta 683.8 etteru. Ma tinżammx rekord tal-lokalitajiet, lokal lokal, li fihom jitkattru dawn id-dwieli.

Sptar tal-Annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb tal-Gvern għall-isptar tal-annimali San Franġisk f'Ta' Qali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-ħsieb tal-Gvern hu li ċ-Ċentru San Franġisk f'Ta' Qali jitmexxa permezz ta’ iktar involviment ta’ Organizzazjonijiet Mhux Governattivi (NGO’s) u li tiżdied l-aċċessibilità għall-pubbliku f’dan iċ-Ċentru.

Wasteserv – kap eżekuttiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu l-kap eżekuttiv il-ġdid ta' Wasteserv? Xi kwalifiki għandu? B'liema mod intgħażel? Saret sejħa għall-applikazzjonijiet biex intgħażel? Fuq liema kriterju twaqqaf il-kap eżekuttiv li kien hemm qablu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-WasteServ huwa l-Inġinier Jonathan Scerri. Huwa gradwat fl-Inġinerija Elettrika u għandu Masters fuq Teknoloġija fl-Enerġija Rinovabbli (Masters of Science in Renewable Energy Technology). Għandu ‘l fuq minn 16- il sena esperjenza fejn tidħol tmexxija u tħaddim ta’ impjanti, fis-settur publiku u dak privat u snin ta’ esperjenza f’karigi maniġerjali fl-industrija tal-manifattura. Il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima iffaċċjat bir-riżenja tal-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ - riżenja li fil-fehma tal-Ministeru saret b’mod ġentlom – f’mument kritiku meta l-kumpanija għandha quddiemha sfidi kbar, biex tipprova tirbaħ lura l-kredibilita’ li tilfet tul is-snin, il-Bord tad-Diretturi tal-WasteServ unanimament ħass li b’urġenza u mingħajr ebda dewmien kellu jimla dan il-post battal. Il-Kap Eżekuttiv li inti qed tirreferi għalih, kif jista’ jikkonferma huwa stess mhux talli ma twaqqafx, iżda talli offra minn rajh ir-riżenja tiegħu f’mod kordjali u etiku, li ninsab infurmat li fid-dawl ta’ dan kollu liema riżenja ġiet milqugħa mill-Bord tad-Diretturi.

Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex din is-sena l-parteċipazzjoni Maltija fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima li qed issir f'Bonn ġiet limitata għal persuna waħda u għat-tieni ġimgħa biss meta lanqas hemm indikazzjoni f'liema parti tal-Konferenza se jiġu diskussi l-issues li jolqtu lil pajjiżna?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-parteċipazzjoni Maltija fil-konferenza msemmija ma ġietx limitata għal ġimgħa waħda biss tant illi din il-parteċipazzjoni se tkun kostanti fil-konferenza kollha.

qasam tas-sajd – skemi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema skemi ġodda ta' għajnuna, li ma kenux jeżistu sa issa, hu mistenni li jiġu introdotti fil-qasam tas-sajd matul din is-sena, jew is-sena d-dieħla?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li hemm imfassla numru ta’ skemi ġodda li fuqhom jingħata iżjed informazzjoni fi żmien opportun.

Akwakultura – skemi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema skemi ġodda hu maħsub li joħorġu matul din is-sena jew fi żmien mhux il-bogħod għal dak li jirrigwarda l-akwakultura f'pajjiżna? X'inċentivi ġodda hu mistenni li jingħataw f'dan il-qasam?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi ninsab infurmat li huwa proprju din is-sena li sejra tiġi ffinalizzata l-istrateġija tal-akwakultura għal-Malta. Mistenni wkol li jiġi ffinalizzat lok għall-“Marine hatchery” li ser jkun iffukat fuq riċerka u produzzjoni għall-iżvilupp tal-industrija tal-akwakultura f’Malta. Ninsab infurmat li kollox għandu jkun lest biex fl-2014 jibdew jintużaw il-fondi tal-EMFF bħala inċentiv għall-iżvilupp tal-akwakultura.

White paper — demanju pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jippermettili li nsejjaħ l-attenzjoni ġentili tiegħu għal White Paper imnedija mill-Gvern preċedenti dwar id-demanju pubbliku (public domain) u nitolbu jgħid x’inhi l-opinjoni tiegħu dwarha u ċjoè jekk jaqbilx li l-ligi hemm proposta għandhiex issir jew le?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — impjegati detailed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm, u min huma, l-impjegati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jew xi dipartiment jew entità li taqa’ taħtu, li huma detailed, jew għandhom permess, sabiex jagħmlu xogħol ma' xi entità non-governattiva (NGOs), inkluż xogħol ma' trade unions? Fuq liema bażi qed isir dan ix-xogħol u x’inhuma t-termini ta’ żmien? X’inhi r-remunerazzjoni, jiġifieri l-paga, allowances, overtime u dħul ieħor, li kull wieħed minn dawn l-individwi qed jirċievi u min joħroġ tali salarju?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi hemm żewġ impjegati li qegħdin mislufa lill- entità non-governattiva (NGO’S). Dawn tinħarġilhom il-paga minn dan il-Ministeru. Dawn huma Environment Inspector, Skala 12 man-Nature Trust sal- 01/07/2013 u Clerk Skala 16 mal-Fondazzjoni Dar Arka - sat-18/10/2013.

Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — impjegati detailed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm, u min huma, l-impjegati li jaqgħu taħt id-dekasteru tas-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, jew xi dipartiment jew entità li taqa’ taħtu, li huma detailed, jew għandhom permess, sabiex jagħmlu xogħol ma' xi entità non-governattiva (NGOs), inkluż xogħol ma' trade unions? Fuq liema bażi qed isir dan ix-xogħol u x’inhuma t-termini ta’ żmien? X’inhi r-remunerazzjoni, jiġifieri l-paga, allowances, overtime u dħul ieħor, li kull wieħed minn dawn l-individwi qed jirċievi u min joħroġ tali salarju?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi m’hemm l-ebda impjegat jagħmel xogħol ma' xi entità non-governattiva (NGOs), inkluż xogħol ma' trade unions.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-2004 sal-lum? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-ebda xogħol ta’ konsulenza ma ngħata, lill-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament, mill-2004 sal-lum.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — ingaġġ ta' konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 344 u jgħid min huma l-konsulenti (inkluż persons of trust) li qegħdin jagħtu kontribut fid-dekasteru tiegħu? X’terms of reference għandhom għall-ħidma tagħhom fil-Ministeru? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti jew appointment letters fejn dawn diġà ġew iffirmati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi hemm 4 persuni u 4 kumpaniji li qed iservu kunsulenza fid-dekasteru tiegħi. Is-servizz jikkonsisti f’Review of tender processes and procedures, Human Resource Audit, Review of Operational Standards, servizz legali professjonali u kunsulenza f’oqsma relatati ma l-iżvilupp sostenibbli, ambjent u tibdil fil-klima. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija mill-Prim Ministru għall-mistoqsija nru 2334.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — inventarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mal-ħatra tiegħu kellux inventarju ta' x'suppost kien hemm fil-Ministeru? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid jekk ġiex konfermat li dak kollu mniżżel fl-inventarju instabx? Jekk kien hemm xi nuqqasijiet, jista' jgħid jekk ittieħditx xi azzjoni, u x'inhi din l-azzjoni?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mal-Ħatra ta’ Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima sar inventarju tal-lok Casa Leoni li jħaddan fih il-Ministeru u s-Segretarjat Parlamentari. Dan l-inventarju jinkludi għamara tal-uffiċini flimkien ma’ inkwatri u apparat ieħor mwaħħal fuq il-post, bħal air-conditioners, flood-lighting u fittings, settijiet tat-telefon u settijiet tat-televiżjoni u audio, tagħmir elettroniku u tal-kċina. Ngħarraf ukol lill-Onor. Interpellant illi nstabet ħsara rreparabbli fis-sistema tan- network u dik tat-telefonija fejn sar rapport minnufih.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — laqgħat ma' ambaxxaturi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1727, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk marx jiekol ma’ xi wieħed jew waħda minn dawn l-ambaxxaturi u jekk iva min akkumpanjah?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ma kelli l-ebda ikla mal-Ambaxxaturi msemmija fil-mistoqsija parlamentari 1727.

Land Reclamation f’Malta — proposta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn liema pjan jew programm nazzjonali toħroġ il-proposta ta' land reclamation f'Malta? Jekk proposta bħal din ma teżisti mkien, f'liema dokument għandha tiġi kkonsidrata?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.

Fondi Ewropej (2014-2020) — Proġetti

Question

Peress li l-fondi Ewropej għal perijodu 2014-2020 jistgħu jibdew jintefqu mis-sena d-dieħla, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-proġetti, relatati mal-ambjent u mat-tibdil fil-klima, li se jkunu qed jingħataw prijorità minn din l-amministrazzjoni?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi fir-rigward ta’ proġetti relatati mal-ambjent u mat-tibdil fil-klima il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima qiegħed jara li l-prijorità għandha tingħata lil proġetti li jindirizzaw l-immaniġġjar tal-iskart, t-tisħiħ tal- pajjiz sabiex jaddatta għat-tibdil fil-klima, r-riġenerazzjoni taz-żoni urbani, riabilitazzjoni ta’ siti degradati, tkabbir fuq l-għarfien tal-ambjent marin u l-implementazzjoni tal-istrateġija nazzjonali għall-ħarsien tal-biodiversità.

Żvilupp Sostenibbli – prijorità

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-prijorità tal-Gvern f’dak li għandu x’jaqsam ma’ żvilupp sostenibbli?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gvern fejn għandu x’jaqsam żvilupp sostenibbli se jżomm ma’ dak kollu elenkat fil-programm elettorali li għandu dan l-istess Gvern. Prijorita’ ewlenija hija li jiddaħħal il-kunċett ġdid ta’ governanza, fejn l-erba’ pilastri tal-ekonomija, l-ambjent, l-aspett soċjali u dak kulturali jkunu kunsidrati b’impenn fit-tfassil u t-twettiq tal-ħidma tal-Gvern. Għal dan il-għan il-Gvern sejjer ukoll jaħdem sabiex l-ispirtu tal-Att dwar l-iżvilupp sostenibbli jkun verament jinħass minn kullħadd u sadanittant jiġi sfruttat il-potenzjal tal-istrutturi li hemm fil-liġi sabiex niksbu r-riżultati mixtieqa.