Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz ta’ Telecare — stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jistennew li jingħataw is-servizz tat-Telecare sal-lum, 17 ta’ Marzu 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.

Housing – Postijiet tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw postijiet tal-gvern għal skopijiet ta’ housing mill-1 ta’ Marzu 2013 sal-lum u jgħid fejn huma dawn il-postijiet, lokalità b’lokalità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-1 ta’ Marzu 2013 sal-20 ta’ Marzu 2015, l-Awtorita’ tad-Djar allokat 254 post li qegħdin murija fit-tabella t’hawn taħt: Lokalita' fejn gew allokati Total Birkirkara 9 Birżebbuġa 12 Buġibba 2 Burmarrad 1 Cospicua 16 Fgura 6 Floriana 7 Għaxaq 3 Gżira 1 Ħamrun 4 Kalkara 2 Kerċem Għawdex 1 Kirkop 1 Marsa 4 Marsalforn Għawdex 5 Mellieħa 3 Msida 7 Mtarfa 1 Paola 5 Pembroke 1 Pieta' 1 Qawra 6 Qormi 18 Qrendi 4 Rabat 5 Rabat Għawdex 3 San Gwann 3 Sannat Għawdex 1 Senglea 3 Siġġiewi 8 Sliema 1 St Julians 2 St Paul's Bay 32 Sta Lucia 8 Sta Venera 1 Ta' Xbiex 1 Tarxien 17 Valletta 11 Vittoriosa 8 Wied il-Għajn 3 Xagħra Għawdex 3 Żabbar 6 Żebbug 7 Żejtun 4 Żurrieq 7 254

Housing – tiswijiet strutturali fil-block tal-housing estate – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed ingħataw separatament, u li applikat għal xi tiswijiet strutturali fil-block tal-housing estate fejn toqgħod u li l-ħsara ġiet ikkonfermata mill-perit mibgħut mill-housing, tinqeda f’ħin raġonevoli?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, dwar il-każ imsemmi, kienet saret spezzjoni minn uffiċjali tekniċi tal-Awtorita’ tad-Djar u tlestiet ukoll stima tax-xogħlijiet neċessarji li jikkonsistu f’tiswijiet żgħar ġewwa l-appartament imsemmi kif ukoll xogħol ta’ manutenzjoni tal-bejt. Dan ix-xogħol huwa programmat li jsir matal ix-xhur tas-sajf li ġej.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14269 u jgħid kemm għandu impjegati bħala persons of trust fil-Ministeru u fid-dekasteru tiegħu? Min huma u x’pożizzjoni għandhom? Kemm huma s-salarju annwali, il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera) u l-ispiża fuq safar tagħhom, u għalhekk jgħid x’inhi n-nefqa globali f’sena għal kull wieħed minn dawn il-persuni impjegati bħala person of trust?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14937.

Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva — persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14270 u jgħid kemm għandu impjegati bħala persons of trust fis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva? Min huma u x’pożizzjoni għandhom? Kemm huma s-salarju annwali, il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera) u l-ispiża fuq safar tagħhom, u għalhekk jgħid x’inhi n-nefqa globali f’sena għal kull wieħed minn dawn il-persuni impjegati bħala person of trust?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuni li huma fis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita’ u Anzjanita Attiva huma kollha Persons of Trust li l-kuntratt ta’ impjieg tagħhom huma kollha bbażati fuq id-dokument Engagement of Staff for Ministers Secretariat.

Residenza Dar il-Madonna tal-Mellieħa – affarijiet personali tar-residenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni li l-anzjani residenti fir-Residenza Dar il-Madonna tal-Mellieħa jitteħdulhom il-mobiles u l-affarijiet oħra personali qabel jidħlu fil-kamra tal-ikel fl-istess residenza?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’hemm l-ebda direzzjoni biex jittieħdu mobiles jew affarijiet personali mir-residenti qabel ma jidħlu fil-kamra tal-ikel, iżda hemm proċedura li ilha titħaddem mill-2009 li permezz tagħha r-residenti jiġu mitluba biex ma jniżżlux basktijiet magħhom waqt ħin l-ikel.

Residenza Dar il-Madonna tal-Mellieħa — ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni li fir-Residenza Dar il-Madonna tal-Mellieħa l-anzjani li l-kundizzjoni ta’ saħħa tagħhom ma tippermettix li joħorġu mill-kamra tagħhom sabiex imorru jieklu mal-kumplament tal-anzjani fis-sala tal-ikel, ma jistgħux jingħataw l-ikel mill-qraba tagħhom fil-kamra tagħhom stess, xi ħaġa li kienet ilha ssir sa mill-ftuħ ta’ din ir-residenza, preċi¿ament mill-1 ta’ Marzu 2008?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ jinkoraġġixxi bis-sħiħ sabiex ir-residenti jibqgħu indipendenti u għaldaqstant jipparteċipaw fl-attivitajjiet tagħhom personali ta’ kuljum. Dawk ir-residenti li jeħtieġu l-għajnuna biex jieklu, il-care-workers huma mħarġa biex jieħdu ħsieb jagħmlu dan. Ċertu residenti għandhom problema ta’ x’jistgħu jieklu, tant li ċertu ikel jipperikola saħħithom u ħajjithom. Għaldaqstant, l-istaff ukoll iħossu responsabli li jara li r-residenti qed jiġu mitmugħa dak li hu rrakkomandat lilhom. Dan hu għall-ġid tar-residenti u biex tiġi assigurata prattika sigura. Dak li kien ħażin u ta’ periklu għal uħud mir-residenti ma nħossx li għandu jibqa’ jiġi pprattikat.

Residenza Dar il-Madonna tal-Mellieħa – ħinijiet tad-dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni u għal liema raġuni li jinbidel il-ħin tad-dħul għall-qraba li jmorru j¿uru l-għeżież anzjani tagħhom fir-Residenza Dar il-Madonna tal-Mellieħa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-deċiżjoni li jinbidel il-ħin tad-dħul għall-qraba li jmorru jżuru l-anzjani fir-Residenza Dar il-Madonna tal-Mellieħa ttieħdet mid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ f’konsultazzjoni mal-management ta’ din ir-Residenza wara li l-istaff kien qiegħed jirċievi diversi lmenti dwar il-preżenza ta’ qraba waqt il-ħin tal-ikel. Il-ħin treġġa lura għal dak oriġinali wara li l-ħinijiet il-ġodda kienu qed joħolqu inkonvenjent għal numru ta’ qraba.

Djar tal-Anzjani – ħinijiet tad-dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk id-djar tal-anzjani li bejn April 2013 u Marzu 2015 inbidlilhom il-ħin tad-dħul għal min imur iżur l-anzjani fl-istess residenzi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn April 2013 sa Marzu 2015, kienet biss id-Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa li bidlet il-ħinijiet tad-dħul għal min imur iżur l-anzjani. Din id-deċiżjoni iżda kienet ġiet riveduta fis-17 ta’ Marzu 2015 u l-ħinijiet tad-dħul reġgħu ghal li kienu qabel.

Djar tal-Anzjani – rapporti ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kiemm kienu r-rapporti tas-serq mid-djar tal-anzjani fuq anzjani residenti fl-istess djar bejn April 2013 u Marzu 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bejn April 2013 u Marzu 2015 ġew rrapporti 85 każ ta’ serq mid-djar tal-anzjani (inkluż San Vincenz de Paul) fuq anzjani residenti fl-istess djar.

Djar tal-Anzjani – rapporti ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jelenka, dar b’dar tal-anzjani, fejn u kemm saru rapporti ta’ serq minn fuq anzjani residenti fl-istess djar bejn April 2013 u Marzu 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numri ta’ rapporti ta’ serq minn fuq anzjani residenti fl-istess djar bejn April 2013 u Marzu 2015 kien kif indikat hawn taħt: Dar tal-Anzjani Numru ta’ rapporti Msida 6 Mellieħa 41 Zammit Clapp 2 Bormla 9 Żejtun 11 Mtarfa 1 Floriana 1 Mosta 1 SVPR 13

Pensjoni tal-Invalidità – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, għadha ma rċeviet l-ebda risposta rigward ir-reviżjoni tal-Pensjoni tal-Invalidità tagħha meta jirriżulta li l-evidenza meħtieġa ġiet provduta lid-Dipartiment fil-15 ta’ Jannar 2015? Jista’ jgħid x’qed iwassal għal dan id-dewmien u meta l-persuna konċernata se tkun qed tirċievi r-risposta?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Filwaqt li nfakkar lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajtha għal Mistqosija Parlamentari numru 15143, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kontra dak li qed jingħad fil-mistoqsija ta’ issa, kien id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li fl-14 ta’ Jannar 2015 bagħat ittra lill-persuna msemmija biex tipprovdi l-evidenza medika, liema evidienza medika waslet lura fid-Dipartiment mill-benefiċjarja fit-2 ta’ Marzu 2015. Il-każ issa qiegħed għand it-tobba għall-evalwazzjoni.

Struttura perikoluża — każ ta' persuna

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 12493, peress li skont it-tweġiba, l-Awtorità tad-Djar kellha tibgħat ittra bl-avukat biex tinforma lill-inkwilin kkonċernat biex jinbdew ix-xogħlijiet u peress li s'issa għadu ma nbeda l-ebda xogħol ta' ranġar bil-konsegwenza li qed iwassllu għal struttura perikoluża ħabba nżul t'ilma, jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif ingħad fir-risposta għall-Mistoqsijiet Parlamentari 12493 u 13713, l-inkwilina kkonċernata ġiet mogħtija struzzjonijiet, anke permezz ta’ ittra bl-avukat, sabiex tagħmel it-tiswijiet meħtieġa biex twaqqaf il-leakage ta’ ilma li qed jikkawża ħsara lill-inkwilin ta’ taħtha. Għandha ssir spezzjoni oħra din il-ġimgħa sabiex jiġi vverifikat jekk din l-istess inkwilina ħaditx il-passi meħtieġa biex issewwi l-ħsara.

Ftehim bejn Gvern Malti u Gvern Slovakk – adozzjoni ta’ tfal

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar bejn dan il-Gvern u l-Gvern tas-Solvakkja dwar l-adozzjoni tat-tfal?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ftehim li sar bejn dan il-Gvern u l-Gvern tas-Slovakkja qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Koppji Maltin – tfal adottati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew adottati tfal mill-Islovakkja mis-sena 2013 sal-lum? Jista’ jgħid x’inhu l-perjodu ta’ żmien li koppji Maltin eliġġibli sabiex jaddottaw iridu jistennew sabiex jirnexxielhom jadottaw tfal mill-Islovakkja?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Memorandum of Understanding ġie ffinaliżżat fit-8 ta’ Awwissu 2014, u għaldaqstant minn din id-data sallum it-23 ta’ Marzu 2015, ma ġew addottati l-ebda tfal mill-Islovakkja. Rigward it-tieni domanda, m’hemm l-ebda perjodu ta’ żmien li koppji Maltin iridu jistennew sabiex jaddottaw. Intant il-Konvenzjoni tal-Ajja titlob li ma jkunx hemm dewmien li mhux neċessarju. Sabiex issir addozzjoni irid ikum hemm tfal li huma liberi li jiġu addottati. Jekk ma jkun hemm l-ebda tfal li l-awtoritajiet fl-Islovakkja jiddeterminaw li għandhom ikunu addottati minn persuni f’Malta allura tali Maltin jkollhom jistennew sakemm jinstabu tali tfal.

Ftehim bejn Gvern Malti u Gvern Slovakk – adozzjoni ta’ tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-Gvern huwiex qed jaffaċċja problemi ta’ implimentazzjoni tal-ftehim milħuq bejn dan il-Gvern u l-Gvern tal-Islovakkja dwar l-adozzjoni ta’ tfal? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhuma dawn il-problemi u x’qed jagħmel il-Gvern sabiex isolvi dawn il-problemi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi rigward adozzjonijiet mill-Islovakkja, l-Awtorita’ Ċentrali f’Malta mhix taffaċċja problemi. Sa issa qatt ma ntbagħtet xi applikazzjoni lill-Islovakkja fejn a priori din ġiet rrifjutata u sadanittant hemm applikazzjoni li waslet fi stadju avvanzat sabiex jiġi adottat l-ewwel minuri Slovakk minn ġenituri f’Malta. Irid jiġi nnotat li huwa kontra l-ispirtu tal-Konvenzjoni tal-Ajja dwar l-Addozzjonijiet Internazzjonali li Stat jagħmel xi forma ta’ pressjoni fuq Stat ieħor sabiex jitħaffef il-proċess ta’ addozzjoni, partikolarment sabiex jinqabżu ċerti proċeduri jew sabiex it-tfal li huma fil-bżonn jintbagħtu lejn pajjiż partikolari.

Età ta’ tfal għall-adozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx limitu fl-età tat-tfal li jistgħu jiġu adottati minn koppji Maltin mill-Islovakkja? Jista’ jgħid kemm iridu jkollhom żmien it-tfal li jistgħu jiġu adottati u jekk hemmx restrizzjonjiet għaliex hemm dawn ir-restrizzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont il-Memorandum of Understanding (MOU) li ġie ffirmat bejn iż-żewġ pajjiżi, m’hemmx restrizzjoni fuq l-eta’ tat-tfal li jistgħu jiġu addottati. Inżid ninforma lill-Onorevoli Interpellent illi restrizzjonijiet speċifiċi m’hemmx fil- Memorandum Of Uunderstanding li ġie ffirmat imma kull addozzjoni ssir fuq bażi individwali u l-awtoritajiet fl-Islovakkja għandhom diskrezzjoni kbira f’dan ir-rigward.

Children’s Policy

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12939 u jgħid f’liema stadju waslet iċ-Children’s Policy?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi barra d-dokumenti msejħa “ A voice for your voice” u “A voice of the Child in Care”, fl-aħħar xhur għażilna li naħdmu fuq il-politika dwar il-positive parenting. Dan minħabba l-aspetti prattiċi u utilitarji tagħha imma fl-istess ħin qed naraw ukoll kif din il-politika u dik dwar it-tfal in ġenerali jistgħu jkunu integrati. Dan ix-xogħol għandu jkun lest fix-xhur li ġejjin. Sadanittant qed tigi ppreparata Children’s Policy halli titressaq ghall-konsultazzjoni pubblika”

Single parents – allowance tat-tfal

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12937 u jgħid kemm hemm single parents li għandhom iktar minn wild wieħed u li qed jirċievu l-allowance tat-tfal? Jista' jagħti breakdown skont in-numru ta' ulied taħt is-16-il sena li għandhom dawn is-single parents?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont ta’ single parents li qed jitħallsu allowance tat-tfal huwa ta’ 10,547. It-tabella aktar ’l isfel tindika breakdown skont in-numru ta’ wlied li għandhom dawn is- single parents . Peress li hemm żewg tipi ta’ allowance tat-tfal, it-tabella turi dawk li jieħdu children’s allowance (CA) li tinħadem wara li jsir it-test tal-mezzi u dawk li jieħdu children’s allowance flat rate (CAFR) fejn ma jsirx it-test tal-mezzi. Civil Status Number of children in household TOTALS 1 2 3 4 5 6 7 8 9 10+ H/Hold Children SINGLE CA HOUSEHOLDS 5887 2110 518 116 25 5 2 0 1 0 8664 12303 SINGLE CAFR HOUSEHOLDS 1383 421 69 10 0 0 0 0 0 0 1883 2472 Total 7270 2531 587 126 25 5 2 0 1 0 10547 14775

Single parents – allowance tat-tfal

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12936 u jgħid kemm hemm single parents li qed jirċievu l-allowance tat-tfal u jiddependu fuq benefiċċji soċjali oħra bħala dħul tagħhom? Kemm minn dawn is-single parents huma single mothers u kemm hemm single fathers?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ single parents li qed jirċievu l-allowance tat-tfal u jirċievu l-għajnuna soċjali jew għajnuna għall-qagħad jammonta għal 3455. Minn dawn 3401 huma nisa filwaqt li 54 huma rġiel.