Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar – trasport tat-tfal tal-iskola

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi bidla fir-rotta tal-ġbir tat-tfal tal-iskola ta' San Pawl il-Baħar, din is-sena skolastika? Jekk iva, x'kien it-tibdil li seħħ, u kif qed jiġi assigurat li l-ġenituri jkunu infurmati dwar dan it-tibdil? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi rappreżentazzjonijiet mill-ġenituri dwar dan it-tibdil?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li bħala riżultat dirett ta’ tfal ġodda fl-iSkola kif ukoll ta’ tfal li jkunu spiċċaw mill-istess Skola Primarja, ir-rotot jiġu emendati biex jaqdu l-bżonnijiet tal-istudenti matul is-sena skolastika msemmija. L-ippjanar u tibdil fir-rotot isir biex minn naħa jinżamm livell għoli ta’ servizz kif ukoll livell għoli ta’ effiċjenza u valur. Preżentament, fl-iSkola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar qegħdin iservu tlettax-il (13) vettura; kien hemm żieda ta’ erba’ (4) coaches fuq is-sena l-oħra u l-ebda pick-up point uffiċjali li kien jintuża s-sena l-oħra ma tneħħa. Mill-banda l-oħra, l-iskola talbet żewġ pick-up points ġodda fiż-żona ta’ Buġibba/Qawra (immarkati fir-reġistru tat-trasport bħala Playing Field u Miracle Foods) u dawn ġew inklużi. L-iskola tilqa’ talbiet għall-użu tat-trasport u permezz ta’ komunikazzjoni bejn l-iskola u l-ġenituri jkun hemm tagħrif ta’ liema pick up points ser jintużaw mill-istudenti. L-iskola mbagħad tgħaddi din l-informazzjoni lill-uffiċċju tat-trasport għall-iskejjel fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, fejn dan tal-aħħar ifassal ir-rotot u jinforma lis-service providers bir-rotot u d-dettalji relatati. Filwaqt li kien hemm korrispondenza fuq is-servizz tat-trasport, ma jirriżultax li kien hemm rappreżentazzjonijiet li waslu fl-uffiċċju tat-trasport għall-iskejjel li huma riżultat dirett taż-żieda fis-servizz ta’ pick-up points għal din is-sena.

Kunsill Malti għall-Isport – Kap Eżekuttiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qed jokkupa llum il-kariga ta' Kap Eżekuttiv fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport? Jekk sal-lum din il-kariga għadha mhix okkupata jista' jgħid min qed jassumi r-responsabilitajiet li ġġib magħha tali kariga?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-preżent il-kariga ta` Kap Eżekuttiv hija vakanti. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni poġġa lil Mark Cutajar, li huwa konsulent tiegħu, sabiex għal żmien sakemm jinħatar Kap Eżekuttiv ġdid jassisti liċ-Chairman u Bord tad-Diretturi fir-responsabbiltajiet ta` tmexxija tal-Kunsill Malti għall-Isport. Din id-deċiżjoni kienet approvata unanimament mill-Bord tad-Diretturi.

Kumpless Sportiv tal-Kottonera – Għeluq tal-Emergency Exit

Question

B'referenza għall-artiklu b'ritratt li deher fil-ġurnal The Malta Independent fil-5 ta' Ottubru 2014, jista' l-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni u għal liema raġuni ngħalaq bil-ktajjen l-Emergency Exit li jinsab fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li d-deċiżjoni li jingħalqu l-bibien bil-katnazz kienet ittieħdet qabel Marzu 2013 għal raġunijiet mhux magħrufa. F’Marzu 2013 ġie deċiż li dawn il-ktajjen jitneħħew u jiġu mpoġġija biss meta ma jkunx hemm attivitajiet sportivi fil-kumpless. Tajjeb li l-Onor. Interpellant ikun infurmat li fil-kumpless hemm bibien oħrajn li ritratti tagħhom qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra li b’mod kontinwu jkunu miftuħa għas-sigurta’ tal-ħaddiema. Dawn il-bibien huma direttament konnessi mal-main hall u mal-Bocce Dromo.
Leg 12 PQ #11275 Sitting 189 2014-10-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Għawdex – Skola tal-Arti f’Għajnsielem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn qed isiru issa l-korsijiet kollha li kienu jsiru fl-Iskola tal-Arti li sa ftit xhur ilu kienet f’Għajnsielem?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-korsijiet tal-arti li kienu jsiru f’Għajnsielem issa qed isiru fiċ-Ċentru għall-Arti Viżwali u Performattiva li nfetaħ fix-Xewkija. Il-korsijiet tal-crafts qed isiru fil-workshops tal-MCAST f’Għajnsielem, fiċ-Ċentru għat-Tagħlim tal-Adulti li hemm fil-bini tas-Sixth Form tar-Rabat Għawdex, fil-kunsilli lokali, kif ukoll f’erba’ skejjel primarji: Ta’ Sannat, in-Nadur, ir-Rabat u x-Xagħra.
Leg 12 PQ #11276 Sitting 189 2014-10-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Nadur Għawdex – skola tad-drama

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ser isir mill-iskola tad-drama li sa ftit ilu kienet fin-Nadur? X’sar mill-korsijiet li kienu jsiru f’din l-iskola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-korsijiet li kienu jsiru fl-iskola tad-Drama fin-Nadur issa qed isiru fiċ-Ċentru l-ġdid tal-Arti Viżwali u Performattiva li nfetaħ fix-Xewkija.
Leg 12 PQ #11277 Sitting 189 2014-10-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Għawdex – Skola tal-Arti — apparat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-apparat li kien hemm fl-Iskola tal-Arti li sa ftit ilu kienet f’Għajnsielem u li kien ko-finanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea? Kien hemm apparat li ma jistax jiġi trasferit lejn skola oħra u għalhekk ser jispiċċa l-użu tiegħu? Jekk iva, kemm kien il-valur ta’ dan l-apparat? Ser ikun hemm obbligu li tingħata rifuzjoni tal-ko-finanzjamanet li kien sar għalih?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-apparat kollu mixtri mill-fondi tal-Unjoni Ewropea jinsab fil-workshops tal-MCAST biex ikompli jintuża kemm mill-istudenti tal-MCAST matul il-jum kif ukoll mill-istudenti adulti għal korsijiet organizzati mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u Dawk li jħallu l-iskola kmieni.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid għal kemm kienet tammonta l-ispiża tal-ħatriet fuq dawn il-bordijiet fis-sena 2012 u fis-2013 u kemm hu stmat li se tkun l-ispiża fis-sena kurrenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Direttorat tal-Edukazzjoni – taħriġ tal-edukaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk twaqqafx jew jekk hemmx il-ħsieb li jitwaqqaf ċentru/istitut fi ħdan id-Direttorat tal-Edukazzjoni li jkun responsabbli mit-taħriġ tal-edukaturi? Jekk dan iċ-ċentru twaqqaf diġà, min hu responsabbli mit-tmexxija tiegħu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm pjanijiet li jitwaqqaf istitut fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għat-taħriġ tal-edukaturi, iżda dan għadu fi stadju bikri. Dan l-istitut huwa maħsub li jaħdem id f’id mal-Fakulta’ ta’ l-Edukazzjoni, mal-MCAST, mal-ITS, mal-MUT u imsieħba soċjali oħra. Għaldaqstant aktar dettalji jkunu jistgħu jingħataw fil-futur.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — konsulenti

Question

B’referenza għall-mistqosija parlamentari 10933, jista’ l-Ministru jgħid jekk minn Settembru 2013 sa Ottubru 2014, il-Ministeru tiegħu għamilx jew hux jagħmel użu minn konsulenti? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawn il-konsulenti, informazzjoni dwar is-servizz offrut minnhom u anki s-salarju u perkaċċi li ngħataw jew qed jingħataw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.

San Pawl il-Baħar — skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' tfal li jattendu l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, bħalissa? Kif inhuma mqassma dawn it-tfal skont il-klassijiet li hemm fl-istess skola? Kemm minn dawn it-tfal li jattendu l-iskola primarja jużaw it-trasport li hu pprovdut mill-Gvern? Kif qed jiġi assigurat li t-tfal li għandhom dritt li jinġarru lejn l-iskola u lura permezz tat-trasport, qed ikunu infurmati b'dan id-dritt li għandhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ tfal fl-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar, Kulleġġ Maria Reġina, kif ukoll dettalji ta’ kif inhuma mqassma, huwa kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Preżentement, in-numru ta’ tfal li huma rregistrati biex jużaw it-trasport ipprovdut mill-Gvern huwa ta’ 405 student. Kull talba għat-trasport tigi proċessata mill-iskola u wara li tiġi kkonfermata l-eliġibilita’ għat-trasport, isir eżerċizzju bejn l-iskola u s-sezzjoni tat-trasport tal-iskejjel biex jingħaqdu rotot li huma konvenjenti u effiċjenti. Dawn ir-rotot jinħadmu abbażi tal-kuntratt iffirmat bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-kumpaniji varji ta’ trasport.

Caritas u Sedqa – kontribut fl-iskejjel statali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar x'forma ta' kontribut se jkunu qed jagħtu l-entitajiet Caritas u Sedqa fl-iskejjel statali matul din is-sena skolastika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fi ktejjeb ta’ linji gwida dwar il-Prevenzjoni tal-Abbuż ta’ Sustanzi u l-Intervent fl-Iskejjel tal-Istat, maħruġ mid-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi u id-Direttorat tal-Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni, fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, wieħed isib il-ħidma li l-organizzazzjoni Sedqa u Caritas se jkunu qiegħdin jagħmlu fl-iskejjel tal-Istat. Il-ħidma ta’ dawn iż-żewġ għaqdiet se tiffoka fuq il-prevenzjoni:- · Sedqa se tmexxi l-programm BABES fit-tielet sena tal-Primarja kif ukoll seminars għall-istudenti kollha mit-tielet sas-sitt sena tal-Primarja, · Caritas wkoll se tkun qiegħda tmexxi seminars għall-istess studenti, · Mal-istudenti fil- Learning Zones se jsir programm ta’ prevenzjoni flimkien bejn is-Sedqa u l- Caritas, · Se jsir ukoll weekend seminars għaż-żgħażagħ organizzat mis-Sedqa, il-Caritas u mill-Agenzija Żgħażagħ flimkien. Dawn kollha se jsiru b’kollaborazzjoni mal-uffiċjali edukattivi u l-għalliema tal-PSCD fid-Direttorat tal-Immaniġjar tal-Kurrikulu (DQSE). Għal dawn l-aħħar snin, Sedqa (Youth in Focus) kif ukoll Caritas ħadmu id f’id ma’ l-Anti-Substance Abuse Service f’ħidma sabiex jassistu żgħażagħ li jkunu diġa bdew jesperimentaw minn xi sustanza perikoluża. Meta student/a ikunu referuti għand l-Anti-Substance Abuse Service, azzjoni tittieħed b’mod immedjat. Jekk jirriżulta wara diversi laqgħat mal-istudent/a kif ukoll mal-ġenituri/guardian tagħhom, li l-istudent/a għandhom bżonn aktar għajnuna speċjalizzata f’dan il-qasam, isir kuntatt ma’ l-Aġenziji li huma speċjalizzati f’dan ir-rigward. Dan kollu jsir bil-kunsens tal-ġenituri/guardian tat-tifel/tifla li tkun ġiet referuta kif hemm stipulat fil-Policy Tackling Substance Abuse. Sadanittant, l-istudent jibqa’ jiġi segwit u jingħata s-sapport kollu meħtieġ mill-membri tal-Anti-Substance Abuse Service kif ukoll mill-professjonisti li jaħdmu fi ħdan is-Servizzi Edukattivi Psikosoċjali.. Din il-proċedura ser tibqa’ tiġi segwita matul din is-sena skolastika.

KMS – ħaddiema part-time

Question

Jista' l-Ministru jagħti garanzija lill-ħaddiema part-time li bħalissa qed jaħdmu fil-KMS li l-kuntratt tagħhom se jiġi mġedded meta dan jiskadi fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema part-time mal-KMS ser ikollhom il-kuntratt imġedded skont il-ħtieġa u n-neċessita’ tal-KMS.

Naxxar – skejjel – użu tal-bitħa waqt il-ħin tal-break

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li żewġ skejjel fin-Naxxar qed jagħmlu użu mill-istess bitħa tal-iskola sekondarja fl-istess lokalità waqt il-ħin tal-break? X'miżuri ttieħdu sabiex l-istudenti li jkunu għaddejjin bil-ħin tal-break tagħhom ma jfixklux lil dawk l-istudenti li jkunu għaddejjin bil-lezzjonijiet fil-klassijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li ż-żewġ skejjel għandhom ħinijiet tal-brejk differenti. Waqt il-brejk, it-tfal tal-Kulleġġ San Nikola jagħmlu użu mill-grawnd tat-turf li jmiss eżatt ma' Blokk C u mill-ispazju li jinsab quddiem l-iskola (Blokk C u Blokk B). Il-grawnd ma jmissx direttament ma' Blokk A, li jagħmel parti mill-Kulleġġ Maria Regina. Min-naħa l-oħra, it-tfal tal-Kulleġġ Maria Regina jagħmlu użu mill-ispazju ta' madwar Blokk A u mill-ispazju li jinsab quddiem il-blokks tal-Kulleġġ San Nikola, imma li hu viċin ta' Blokk A. B'dan il-mod, il-ħsejjes qegħdin ikunu kkontrollati bl-aħjar mod possibbli.

Ħaddiema li spiċċaw redundant

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema li l-impjieg tagħhom ġie tterminat għax spiċċaw redundant minn Marzu 2013 sa Awwissu ta' din is-sena? Kemm minn dawn il-ħaddiema, li l-impjieg tagħhom ġie tterminat, twaqqfu mix-xogħol għax l-entità li kienu jaħdmu fiha għalqet? Kemm minnhom sabu xogħol ieħor f'xi entità oħra? Jista' jagħti dan it-tagħrif għal Malta u Għawdex separatament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ ħaddiema li l-impjieg tagħhom ġie tterminat għax spiċċaw redundant minn Marzu 2013 sa Awwissu 2014 kien ta’ 5,773 persuna f’Malta u 450 persuna f’Għawdex, total ta’ 6,223 persuna. Minn dawn il-ħaddiema, in-numru ta’ persuni li twaqqfu mix-xogħol għax l-entità li kienu jaħdmu fiha għalqet kien ta’ 1,212-il persuna f’Malta u 134 f’Għawdex. Minn dawn il-ħaddiema 601 persuna sabu xogħol f’entita’ oħra f’Malta, filwaqt li 77 persuna sabu xogħol f’Għawdex.

Skejjel – popolazzjoni tal-istudenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-popolazzjoni tal-istudenti fil-livell primarju u sekondarju fl-iskejjel tal-istat, tal-Knisja u dawk indipendenti matul din is-sena skolastika 2014-2015 ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-popolazzjoni tal-istudenti fil-livell primarju u sekondarju fl-iskejjel tal-iStat, tal-Knisja u dawk indipendenti għas-sena skolastika 2014-2015 hi kif ġej: Skejjel Primarja Sekondarja Statali 13,673 11,449 tal-Knisja 7,548 7,547 Indipendenti 3,214 2,261

Skejjel – studenti li staqsew fuq ġranet sick

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta’ studenti li staqsew lill-għalliema tagħhom/kapijiet tal-iskola "kemm baqgħalhom ġranet sick" (hekk kif ikkwotat mill-Onor. Prim Ministru dan l-aħħar f'diskors tiegħu) u minn liema skejjel ġejjin dawn l-istudenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul is-snin kienet daħlet id-drawwa li studenti ma jattendux l-iskola għal tlett ijiem matul ix-xahar mingħajr ġustifikazzjoni. Wara stħarriġ tal-istatistika irriżulta li kien hemm studenti li din l-użanza kienet qed tirrepeti ruħa kull xahar bil-konsegwenza li meta wieħed jgħodd it-total din tista’ titla’ għal 27 ġurnata ta’ assentejiżmu matul is-sena skolastika. Għalhekk, permezz tal-policy u l-miżuri mnedija riċentement, il-ġenituri jridu jagħtu ġustifikazzjoni permezz ta’ nota għal kull ġurnata li l-istudent ma jmurx l-iskola. Fejn il-Kap tal-iSkola jara li l-istudent xorta qed ifalli tlett ijiem kull xahar għal tlieta jew erba’ xhur ser tinġibed l-attenzjoni tal-ġenitur li se jintalab jipprovdi ċertifikat mediku meta l-istudent ikun allegatament marid anke għal ġurnata waħda.

Pakkett finanzjarju tal-konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pakkett finanzjarju (inkluż perkaċċi) li l-konsulenti tiegħu għandhom wieħed wieħed b'isimhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10933.
Leg 12 PQ #11267 Sitting 188 2014-10-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Rabat Għawdex – Skola Sekondarja Subien — Parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jesa' karozzi l-parkeġġ li hemm taħt l-iskola sekondarja tas-subien fir-Rabat Għawdex u kif qed jintuża dan il-parkeġġ sal-lum? Jista' jintuża mill-pubbliku jew huwa aċċessibbli biss għall-ħaddiema tal-iskejjel? Kif inhu maħsub li jintuża dan il-parkeġġ fil-futur?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-parkeġġ li jospita l-kumpless tal-iskejjel Sekondarji u l-Higher Secondary jesa’ madwar 200 karozza. Matul il-ġimgħa jintuża mill-ħaddiema tal-iskejjel Sekondarji u Higher Secondary kif ukoll mill-ħaddiema tal-uffiċju tal-Edukazzjoni. Meta l-iskejjel ikunu bil-btajjel u anke f’dawk il-week-ends li f’Għawdex jittellgħu attivitajiet li jattiraw ammont ta’ traffiku, il-Kulleġġ ta’ Għawdex bi ftehim mal-Ministeru għal Għawdex, kemm dan il-parkeġġ kif ukoll it-triq/ground ta’ bejn l-iskejjel sekondarji li twassal għall-ftuħ u l-ħruġ ta’ dan il-parkeġġ ikunu miftuħa u aċċessibli għall-pubbliku.

Impjegati mal-Gvern — Persuni li skontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11172 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm individwi li skontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ġew impjegati mal-Gvern dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, fl-aħħar ħames snin tlett persuni ġew impjegati mal-Gvern u entita’ pubblika wara li skontaw sentenza fil-Faċilitaʾ Korrettiva taʾ Kordin. Dan ma jffissirx li preżentement għadhom jaħdmu. Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ma jkollhiex informazzjoni fuq kull persuna li skontat sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Korporazzjoni jkollha biss informazzjoni fuq dawk li skontaw sentenza u ġew jirreġistraw għax-xogħol magħha. Hemm ukoll persuni li għalkemm ikunu skontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u jkunu ġew jirreġistraw għax-xogħol, dawn ma jkunux iridu jinformaw lill-Employment Advisors tal-Korporazzjoni fuq il-passat tagħhom.

Statementing Moderating Panel – applikazzjonijiet/każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ applikazzjonijiet/każijiet li nstemgħu quddiem l-iStatementing Moderating Panel bejn Jannar 2014 u Settembru 2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru 2014 instemgħu quddiem l-iStatementing Moderating Panel 551 każijiet ġodda.