Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir id-drenaġġ u t-tarmac fi Triq San Bartolomeo, Għargħur?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li din l-estensjoni qiegħda nkluża f'tender numru 1496/83/4 u x-xogħol maħsub li jsir aktar tard din is-sena.
Rigward it-tieni parti nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni li jsir ir-refurbishing tal-latrina pubblika li hemm ħdejn Ġnien il-Paċi, ġewwa l-Għargħur?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta' refurbishing tal-latrina pubblika li hemm ħdejn il-Ġnien il-Paċi ġewwa l-Għargħur, diġa' nbeda u qed isir bħala parti mix-xogħol li qed isir fit-tisbiegħ tal-Ġnien stess.
Jista'l -Ministru jgħid lil din il-Kamra, x'inhuma l-proġetti ta' kostruzzjoni mill-Gvern għas-sena 1999, u jista' jagħti wkoll indikazzjoni dwar il-prijoritajiet skond kif jaħseb il-gvern li għandhom isiru?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Proġetti ta' kostruzzjoni għas-sena 1999 huma dawk li jidhru fl-estimi ġenerali u la darba jidhru hemm hekk huma ta' prijorita' minnhom infushom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn żgħażagħ f'bordijiet governattivi li għandhom inqas minn 30 sena? Minn dawn kemm hemm nisa u kemm irġiel? Kemm hemm minnhom li qed jieħdu xi forma ta' onorarju? Il-Ministru għandu ħsieb li jkompli bil-politika tal-Gvern Laburista preċedenti li jinnomina kemm jista' jkun żgħażagħ f'bordijiet governattivi? Jista' l-Ministru jwieġeb dawn il-mistoqsijiet ukoll in kwantu għal nisa fil-bordijiet tal-gvern/korpi parastatali mingħajr l-enfasi ta' l-eta'?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Fiż-żewġ bordijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru għall-Ambjent m'hemmx membri la nisa u lanqas irġiel li l-eta' tagħhom hija ta' anqas minn tletin sena. Fl-istess żewġ bordijiet m'hemmx membri nisa.
Jista'l-Ministru jieħu ħsieb li jittieħdu passi minnufih sabiex il-materjal li tħalla fuq il-moll tax-Xatt tal-Birgu meta hemmhekk twaqqa' bini s-sena l-oħra, jitneħħa biex ma tikbirx il-ħsara lil paviment kif ġara qabel?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Saru l-arranġamenti neċessarji biex il-materjal li tħalla fuq il-moll tax-Xatt tal-Birgu jitneħħa mill-aktar fis possibli.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru l-istudji li semma' il-Ministru fit-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2850 dwar il-passi li għandhom jittieħdu biex titneħħa l-intiena ħierġa mill-pompa tad-drenaġġ li hemm ħdejn l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ qiegħed jinkorpora l-istudju biex tissolva l-problema ta' intejjen li ħerġien mill-pompa tad-drenaġġ f'Tax-Xama ma' tender ieħor biex titkabbar din l-istess pompa. Jekk dan jissokta, il-problemi li jirrigwardaw din il-pompa ikun jistgħu jiġu indirizzati kollettivament.
Billi l-bridge ta' bejn l-Imtarfa u l-Imdina fejn hemm l-istazzjon tal-ferrovija l-antika jeħtieġ li ssirlu manutenzjoni strutturali qabel jiġġarraf kompletament u jikkawża xi nċidenti fatali, jista' l-Ministru jinvestiga u jirrimedja bi programm ta' xogħlijiet meħtieġa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-Taqsima tax-Xogħlijiet għamlet spezzjoni fuq il-bridge imsemmi li nstab li huwa fi stat strutturali tajjeb iżda jinħtieġ li jsirulu xogħlijiet ta' manutenzjoni li jinkludu:
1. Kisi tat-triq
2. Qtugħ ta' siġar li l-għeruq tagħhom jikkawżaw ħsara
fl-istruttura
3. Tikħil tal-fili kollha
4. Rikostruzzjoni tal-'concrete security railing' eżistenti.
Minħabba li l-fondi meħtieġa għal xogħol ta' dan it-tip iridu jiġu pprovduti mid-Dipartiment tat-Toroq, it-Taqsima tax-Xogħlijiet ħadet ħsieb tinforma bir-riżultat ta' l-ispezzjoni msemmija lill-istess Dipartiment.
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni kollha li qegħdin jaqdu d-dmirijiet tagħhom fis-segretarjat privat tiegħu u tas-segretarji parlamentari, fejn dan japplika? Għal kull persuna, jista' l-Ministru jindika d-dipartimenti jew azjendi parastatali li ġejjin minnhom, il-grad tagħhom u d-dmirijiet li qegħdin jaqdu bħalissa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-proċess biex jiġu ffirmati l-kuntratti/ftehim tal-persuni li għandhom jaqdu dmirijiet fil-Ministeru tiegħi għadu mhux konkluż.
Hawn taħt qed nagħti l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant dwar dawk il-persuni li diġa' ffirmaw il-kuntratt/ftehim. Aktar dettalji fuq ir-responsabbiltajiet assoċjati mal-pożizzjonijiet ta' dawn l-individwi jinsabu fid-dokument 'Engagement of Staff for Private Secretariats' li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fit-2 ta' Novembru 1998.
Risposta sħiħa għal din il-mistoqsija u għal mistoqsijiet oħra simili tingħata f'xi seduta oħra.
POSITION NAME REMARKS
----------------------------------------- -----------------
Personal Assistant Perit Kevin Gatt Public Officer
Private Secretary Joseph Farrugia Public Officer
Ass. Private Secretary Michael Aquilina On contract
Policy Co-Ordinator Ray Cachia Zammit On contract
Office Co-Ordinator Godfrey Fenech Public Officer
Secretariat Officer Charles Zammit Public Officer
Secretariat Officer Kurt Guillaumier Public Officer
Secretariat Officer Ch. Attard Biancardi Parastatal
Secretariat Officer Joseph Cachia Public Officer
Secretariat Officer Charmaine St John Public Officer
Secretariat Member Josephine Abela Parastatal
Secretariat Member Dorraine Ruffini Public Officer
Secretariat Member Darleen Spiteri Public Officer
Driver/Security Officer Joseph Dalmas On contract
Driver/Security Officer Julian Sammut On contract
Charperson Jesmond Vassallo Public Officer
Jaf il-Ministru li madwar l-bini ta'l-anzjani ġo Bormla hemm ħafna terrapien?
Jaf il-Ministru li dan qed ikun ta'ostakolu sia għas-saħħa u sia minħabba l-iskomdu?
Jista' l-Ministru jgħid meta dan se jitnaddaf speċjalment in-naħa ta' l-iskola?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li sa l-aħħar ta' dan ix-xahar dan it-terrapien se jitnaddaf u l-parti tan-naħa ta' l-iskola se tingħata wiċċ konkrit.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma dawk il-kunsilli lokali li talbu lid-dipartiment u/jew il-ministeru sabiex jiġu rranġati u/jew rijabilitati l-widien li jinsabu fil-konfini tal-lokal tagħhom?
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-konsiderazzjonijiet tal-Ministeru għal dawn it-talbiet u ċioe' meta se jiġu sodisfatti t-talbiet ta' dawn il-kunsilli lokali?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Kunsilli Lokali li magħhom kien diskuss xogħol fuq widien, kienu ta' Ħaż-Żebbuġ u ta' Ħal-Qormi.
Wied Baqqiegħa u Wied Qirda, kif ukoll fejn it-Troll, Ħaż-Żebbuġ sar ammont konsiderevoli ta' xogħol. Ix-xogħol ikompli kif it-temp jippermetti.
Wied is-Sewda u Tal-Ħlas, bejn Żebbuġ Road, Attard u Tal-Blat, Qormi, ġie mnaddaf kollu, barra li saru wkoll tiswijiet ta' lqugħ ta' l-ilma. Ix-xogħol għadu sejjer u aktar 'il quddiem għad irid jinbena pont fejn il-pumping station ta' l-ilma Tal-Ħlas. Qiegħed isir ukoll xogħol fejn is-sit magħruf bħala l-"Erba' Qaddisin", Ħal-Qormi li wkoll huwa parti mix-xogħlijiet tal-Widien.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 1815 dwar id-Dar tal-Kejka f'Ħal Tarxien, jista' l-Ministru jagħti breakdown taċ-ċifra ta' Lm54,224 biex ġiet restawrata? Jista' l-Ministru jwieġeb ukoll l-aħħar żewġ mistoqsijiet tal-misotqsija parlamentari numru 1815 ċioe' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm watchman u x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għal din id-dar storika issa li tlestiet ir-restawrazzjoni? Din se tiġi mgħoddija lill-kunsilli lokali? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Skond l-informazzjoni li għandi l-ispiża ta' Lm54,224 biex ġiet restawrata d-dar tal-Kejka, hija maqsuma kif spjegat hawn taħt:
Lm50,110 Labour
Lm 3,224 Materjal
Lm 500 Drenaġġ
Lm 390 Professional Fees (Konsulent Privat)
------------
Lm54,224
------------
Rigward l-aħħar parti, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm milli jinbeda x-xogħol ta' drenaġġ fi Triq il-Konti Manduca, Naxxar, meta t-triq kollha hija mibnija u abitata?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi hemm kawża bejn xi residenti f'din it-triq li tirrigwarda propjeta' privata li rridu ngħaddu minnha biex inqabbdu l-main. Peress li din il-kawża qiegħda SUB-JUDICE, id-Dipartiment qed jistenna li tinqata' qabel ma x-xogħol jitkompla, għax fil-fatt kien inbeda u kellu jieqaf ħesrem minħabba din il-kwestjoni.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru laqgħat bejn l-uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Ambjent u s-Sezzjoni ta' l-Urban and Rural Landscaping tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura matul il-perijodu tal-5 ta' Settembru u Diċembru?
X'ġie diskuss u x'ġie pproġettat li jsir b'kordinament maż-żewġ awtoritajiet għall-benefiċċju ta' landscaping aħjar fil-gżejjer tagħna?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Filwaqt li għadhom ma sarux laqgħat kif qed isaqsi dwarhom l-Onor. Interpellant, nista' ninforma lill-Kamra li wara t-taħdidiet fil-ġurnata seminar ta' l-24 ta' Novembru 1998, kien suġġerit u sar qbil biex jiġi mwaqqaf kumitat ad hoc biex jiddiskuti l-ħarsien u l-użu tas-siġar Maltin, u sar l-ewwel pass biex jiġu mistiedna r-rappreżentanti tad-diversi dipartimenti u għaqdiet oħra. Jiena nispera li l-kordinament li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, u li jien naqbel miegħu, iseħħ fl-ewwel laqgħa ta' dan il-kumitat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jitħallas il-perit, li ismu qed jintbagħat separatament, tad-disinji għaċ-Ċentru ta' l-Arti fil-Belt?
Fuq liema kriterji ġie magħżul dan il-perit biex jagħmel dawn id-disinji?
Għaliex persuni oħra ma ngħatawx l-opportunita' biex jagħmlu proposti għal dawn id-disinji?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onoroveli Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 758, 1230, 1645, 2026 u 2362.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mid-29 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru 1988, fid-Dipartiment tad-Drenaġġ? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li ma saru l-ebda trasferimenti mid-29 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru 1998 fid-Dipartiment tad-Drenaġġ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mid-29 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru 1998, fid-Dipartiment ta' l-Indafa Pubblika? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi mid-29 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru 1998 ma ingħataw l-ebda trasferimenti mid-Dipartiment ta' l-Indafa Pubblika għal Dipartimenti oħrajn.
Jista' l-Ministru jinformani x'qiegħed isir f'tarf Triq Manuel Dimech (ħdejn ir-roundabout ta' l-erba' qaddisin) f'Ħal Qormi? Meta hemm il-ħsieb li jiġi finalizzat ix-xogħol? Ix-xogħol qiegħed isir mill-kuntrattur jew minn ħaddiema tal-Gvern?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fis-sit imsemmi mill-Onorevoli Interpellant qed isir xogħol ta':
* twessigħ tal-kanal ta' l-ilma
* twessigħ tal-ftuħ taħt il-bridge tat-triq
* elevazzjoni ta' l-istess bridge
Dan ix-xogħol mistenni jitlesta sa l-aħħar ta' Frar 1999.
Dan ix-xogħol qed isir minn ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet, Kalaxlokk Co. Ltd. u aktar tard kuntrattur fuq xogħol ta' 'surfacing' ta' toroq.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1734, jista'l-Ministru jgħid għalfejn il-bini eżistenti, ex-Deutschwelle, il-Gvern mhux qiegħed jikkonsidra sabiex dan jagħmel parti wkoll mill-park nazzjonali ta' Delimara? Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet għal dan il-park nazzjonali?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Dwar il-bini ta' l-ex-Deutshcwelle, saret talba biex dan jinbidel għal użu residenzjali. F'dan l-istadju, t-talba għandha tiġi kkunsidrata mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Sadanittant, fuq is-sit kollu tal-Park f'Delimara hemm Master Plan u qed nidentifikaw passaġġi biex jinħolqu mixjiet fil-kampanja li anke' jgħaqqdu mill-inħawi tal-Bajja ta' San Tumas sa dawk ta' Marsaxlokk.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex tiġi solvuta l-problema kbira ta' l-intiena ħierġa mill-pompa tad-drenaġġ li hemm ħdejn l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar?
Hemm xi ħjiel meta se jsir dan ix-xogħol tant meħtieġ biex titneħħa t-tbatija għal dawk li jitgħallmu, jgħallmu, jaħdmu u jmexxu din l-iskola?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-intiena li ħierġa mill-pumping station li hemm ħdejn l-iskola ta' San Pawl il-Baħar hija kkawżata mill-ħruġ ta' gassijiet li qegħdin jinġemgħu fis-sistema tad-drenaġġ ta' madwar Buġibba u San Pawl il-Baħar, u li finalment jispiċċaw fil-pumping station hawn fuq imsemmija.
Sabiex din l-intiena tiġi eliminata darba għal dejjem, dawn il-gassijiet iridu jiġu ttrattati jew meqruda, u dan jirrikjedi l-installar ta' sistema ta' purifikazzjoni. Sfortunatament id-Dipartiment la għandu l-mezzi u lanqas ir-riżorsi meħtieġa biex din is-sistema tiġi mplimentata.
Għaldaqstant iridu jsiru studji apposta fuq dan is-suġġett.