Legislature:
Category:
Reset
Active:

Identity Malta – permess ta’ residenza liċ-ċittadini Libjani revokati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il permess ta’ residenza lil ċittadini Libjani ġie revokat minn Identity Malta matul l-2015 u fl-2016 s’issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Bejn il-bidu tal-2015 sa issa kien hemm 243 persuna ta’ nazzjonalità Libjana li kellhom il-permess ta’ residenza tagħhom irrevokat. Dan jiġri minħabba li r-raġuni għalfejn oriġinarjament ikun inħareġ il-permess ma tkunx għadha meqjusa valida.

Programm IIP – għotjiet li ħadu għaqdiet mhux governattivi

Question

B’referenza għal dak li deher fil-mezzi tax-xandir li għaqdiet mhux governattivi ħadu għotjiet mill-programm IIP, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-għaqdiet li gawdew minn għotja? Fuq liema proġetti ngħataw il-fondi dawn l-għaqdiet? Kemm ingħataw fondi għal kull proġett? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa li saret biex għaqdiet japplikaw għal dawn il-fondi? X’kienu l-kriterji tal-għażla? Min kien fuq il-bord tal-għażla?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi l-Programm ta’ Cittadinanza b’Investiment ma jagħti l-ebda donazzjoni lil għaqdiet volontarji u għaldaqstant ma hemm bżonn ta’ ebda board u ma saret l-ebda sejħa. Kull familja li tapplika għall-programm hija s'intendi fil-libertà kollha tagħha sabiex tagħżel l-għaqda mhux governattiva li trid jew iridu huma jekk ikunu jixtiequ li jagħtu xi donazzjoni. Għaldaqstant id-donazzjonijiet li dehru fil-mezzi tax-xandir u d-donazzjonijiet li qed jirreferi għalihom l-Interpellant huma bon volonta tal-familji li qed japplikaw għall-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment u li nafu bihom.

Persuni li kienu mħarrka biex jitilgħu jixhdu fil-Qorti

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28118, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kif allura jiġi assigurat li persuni li suppost jitilgħu jixhdu u jibqgħu ma jinstabux, minkejja li mhux darba jew tnejn ikunu fl-istess bini tal-Qrati? X'passi hu stipulat li jittieħdu meta persuna tibqa' ma' tinstabx biex titwassal il-Qorti?

Response (BONNICI, OWEN)

Fil-ġurisdizzjoni ċivli persuna titħarrek biex titla’ tixhed permezz ta’ mandat ta’ taħrika ta’ xhud li jiġi notifikat lilha permezz tal-posta reġistrata (pink card). Fin-nuqqas ta’ notifika b’dan il-mezz, il-parti fil-kawza li jkollha bżonn lil tali xhud tħallas notifika oħra biex jiġi notifikat minn uffiċċjal eżekuttiv tal-Qorti. Dan l-uffiċċjal huwa obbligat li jagħmel żewġ tentattivi ta’ notifika f’ħinijiet differenti bl-aħħar wieħed isir wara l-ħinijiet ġudizzjarji. Jekk minkejja dan it-tieni tentattiv, ix-xhud jibqa’ ma jiġix notifikat tista’, fuq talba ta’ min ikun qed iħarrek lix-xhud, u b’ordni tal-Qorti, issir proċedura ta’ notifika bl-affissjoni u pubblikazzjoni fit-termini tal-artiklu 187(3) tal-Kap. 12 tal-Liġijiet ta’ Malta. Jekk fl-istadju li t-taħrika ta’ xhud tkun f’idejn l-uffiċċjal eżekuttiv, dan jinzerta lix-xhud prospettiv fil-bini tal-Qorti jew x’imkien ieħor, tali xhud jiġi notifikat fejn ikun instab. Jekk xhud jinzerta fil-bini tal-Qorti, dan jista’ anke fuq talba bil-fomm ta’ waħda mill-partijiet, jiġi msejjaħ minnufih biex jixhed u dan mingħajr il-ħtieġa tal-mandat ta’ taħrika ta’ xhud. Fil-Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali hija r-responsabiltà tal-pulizija li tħarrek u tinnotifika x-xhieda. Kemm fiċ-Ċivil kif ukoll fil-Kriminal, jekk xhud imħarrek regolarment ma jidhirx biex jixhed, jinħareġ kontrih mandat ta’ skorta jew ta’ arrest u dan oltre li jiġi ikkundannat għal disprezz tal-Qorti. Infakkar lill-Onor Interpellant li jien ghadni nistenna risposta dwar jekk l-Oppozizzjoni taqbilx li jekk akkuzat fil-kamp kriminali jaghzel li ma jitlax ghas-seduta minkejja li gie notifikat, il-Qorti jkollha dritt li tghaddi ghas-sentenza fl-assenza tieghu.

Negozji privati – aċċess għas-sistema tal-ID Card

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx negozji privati li għandhom aċċess għas-sistema tal-ID Card, b'tali mod li meta l-klijent jintalab in-numru tal-ID card tiegħu mingħajr ma jintalab id-dettalji, imbagħad jinħarġu l-irċevuti fuq l-isem u l-indirizz mingħajr ma fil-fatt ikunu intalbu li jagħti l-istess dettalji? Jekk iva, kif jista’ jiġi assigurat li tali sistema ma tiġix abbużata minn dawk li għandhom aċċess?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta hija fin-negattiv, l-ebda entita’ privata m’għandha aċċess għad-database tal-karti tal-identita’.

Kunsilli lokali li għandhom is-sistema tal-pannelli fotovoltajiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kunsill lokali għandu sistema ta' pannelli fotovoltajiċi? Kemm fiha pannelli kull sistema? Meta ġiet installata? Kemm hija l-feed-in tariff għal kull sistema?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura mingħand il-Kunsilli Lokali.

LESA – kuntratti — Gwardjani Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28477 u jgħid b’liema kuntratti qed taħdem il-Local Enforcement System Agency (LESA) biex tkun tista’ tqabbad il-Gwardjani Lokali? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn il-kuntratti? Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie ffirmat kull kuntratt, minn min, meta jiskadi u kemm jiswa’ kull kuntratt?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tagħrif għadu qed jinġabar u risposta tingħata f’seduta oħra.

Problema fuq nuqqas ta’ wardens

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-problema marbuta man-nuqqas ta' wardens li jkunu available biex jikkontrollaw it-traffiku fuq siti ta' kostruzzjoni, tant li min qed jitlob tali servizz qed jintalab jistenna anke sa ġimgħatejn biex ikun jista' jingħata s-servizz, u dan b'diffikultajiet kbar għal min ikun irid juża tali servizz? Billi dan in-nuqqas qed iwassal għall-abbużi minn persuni li ma jibqgħux jistennew tali servizz, jista' jara li din is-sitwazzjoni tiġi ndirizzata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf l-Interpellant Onorevoli Ċensu Galea, illi l-Gwardjani Lokali illi huma assenjati biex jikkontrollaw it-traffiku fuq siti ta’ kostruzzjoni ma humiex parti mis-servizz kontrattwali miftiehem bejn l-Operatur Privat ( Guard and Warden) u LESA. Dan is-servizz bi ħlas jingħata mill- kuntrattur privat direttament liċ-cittadin.

Ħaż-Żebbuġ – Triq Wied is-Sewda – xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jara li tittieħed azzjoni sabiex Triq Wied is-Sewda ġewwa Ħaż-Żebbuġ tiġi rranġata peress li tinsab fi stat perikoluż u ta' inkonvenjent għal kull min jagħmel użu minnha?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż Żebbuġ li Triq Wied is-Sewda hija nkluża fost toroq rurali oħrajn li ser japplika biex isiru b’fondi mill-Unjoni Ewropea.

PBS – raportaġ ta’ każi tal-Qorti

Question

Peress li l-Ministru kkonferma li l-PBS m'għandux ġurnalist preżenti kull jum il-Qorti, jista’ l-Ministru jgħid kif il-PBS jagħmel biex jirraporta fid-dettal każi tal-Qorti meta ma' jkollux ġurnalist preżenti fl-awla? Jista' l-Ministru jgħid minn fejn il-PBS jikseb l-aħbarijiet mill-Qorti?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi għar-risposta tal-mistoqsija 28335 li tispjega li l-PBS juża diversi mezzi u rizorsi biex jirraporta l-qorti. Kif diġà ntqal jagħmel dan kultant bil-preżenza tal-ġurnalisti tiegħu fil-qorti stess, permezz ta’ portal sentenzi on line kif ukoll b’informazzjoni li tasal lill-istazzjon minn diversi sorsi li jista jkunu mill-avukatura, mill-pulizija, mill-partijiet u mill-qorti stess. Naħseb li l-Onoerevoli interpellant mhux qed jistenna li l-PBS jikxef is-sorsi tal-informazzjoni tiegħu. Kif jaf l-Onorevoli interpellant din hija informazzjoni privileġġjata għax l-ebda ġurnalista m’huma mistenni jikxef is-sors tal-informazzjoni tiegħu.

Direct Orders awtorizzati

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27616, jista’ l-Ministru jispjega lil min ingħata d-direct order ta' €624,000 għal due diligence lill-kuntrattur li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab informat mis-Segretarjat Parlamentari li r-rapport li qed jagħmel riferenza għalih hu rapport intern. Dan ir-rapport ġie evalwat u mhux neċessarjament ser jiġu implimentati mi¿uri kif ġie suġġerit mill-MEU. Għaldaqstant mhux meqjus f’loku li tali rapport intern jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti Dwar id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, qed isir ristrutturar li għandu jwassal biex id-dipartiment ikun jista’ jindirizza kemm il-funzjonijiet primarji ta’ monitoraġġ u appoġġ, kif ukoll il-funzjonijiet anċillari bħalma huma t-tifsil u l-implimentazzjoni ta’ proġetti, kif ukoll li jkun aġġornat u parteċipa fl-isfera kemm tal-UE u dawk internazzjonali fil-qasam tal-Gvern Lokali. Aktar minn hekk, dwar il-piżijiet amministrattivi li qed ixekklu lill-kunsilli lokali, twaqqaf Working Group li hu kompost minn rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji E¿ekuttivi, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u d-Dipartiment għall-Gvern Lokali, liema Working Group hu presedut mid-Direttur Ġenerali fi ħdan il-ministeru, li għandu l-għan li jagħmel rakkomandazzjonijiet għal Governanza Tajba fuq livell ta’ awtoritajiet lokali (Kumitati Reġjonali, Kunsilli Lokali u Kumitati Amministrattivi). (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 8083 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 455 nhar it-Tnejn, 28 ta' Novembru 2016)

Reġistru tal-Artijiet – applikazzjonijiet għall-trasferimenti/titli ta' proprjetà u għall-charges/ipoteki/privileġġi

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28109, jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet għall-trasferimenti ta' proprjetà u għall-charges/ipoteki/privileġġi fir-Reġistru tal-Artijiet li kienu għadhom pendenti sal-aħħar ta' Settembru 2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi li n-numru t’applikazzjonijiet għall-trasferimenti ta' proprjetà u għall-charges/ipoteki/privileġġi li kienu għadhom pendenti jammontaw għal disat’ elef tmien mija u erbgħa u erbgħin. (9844). Ir-raguni għaliex hemm dawn l-applikazzjonijiet pendenti huma diversi u jinkludu: · Żieda sostanzjali fix-xogħol minħabba attività ikbar fis-settur tal-propjetà · Numru sinjifikanti minn dawn il- files qed jistennew azzjoni mill-applikanti u/jew terzi persuni (eż periti, nutara, werrieta) . Din l-amministrazzjoni wirtet sitwazzjoni tal-biki b’sistemi ta’ IT skaduti u backlog ħafna ikbar milli hemm illum Qed naħdmu favur ri-organizazzjoni fid-Dipartiment bil-għan li l-backlog ikompli jonqos u jsaħħaħ l-operat ta’ dan id-dipartiment

Identity Malta – Searches Unit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: (1) jekk hux konxju li f’dawn l-aħħar xhur fis- Searches Unit ta’ Identity Malta, f’Triq l-Arċisqof, il-Belt Valletta n-numru ta’ żbalji li qegħdin isiru qed jiżdiedu b’mod allarmanti; (2) jekk hux qiegħda tinżamm statistika ta’ tali żbalji u jekk fl-affermattiv ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ tali statistika; (3) jekk hux minnu li meta nutar jilmenta minn żbalji fir-riċerki li jkun ingħata mis- Searches Unit ta’ Identity Malta, hu qed jintalab sabiex jagħmel ħlas addizzjonali sabiex ikun jista’ jingħata r-riċerka korretta, fis-sens li jintalab iħallas għad-differenza fin-numru ta’ noti li Identity Malta tkun naqset milli tinkludi fir-riċerka u li n-Nutar konċernat ikun ġibed l-attenzjoni dwarhom; (4) jekk jaqbilx li din is-sitwazzjoni hi ferm serja u intollerabbli minħabba li tali żbalji waslu għal sitwazzjoni fejn illum il-ġurnata f’Malta persuna li tkun ser takkwista proprjetà immobbli qiegħda tkun esposta b’mod irraġunevoli għal riskju ta’ żbalji u saħansitra frodi kemm fir-rigward tat-titolu tal-proprjetà kif ukoll għal djun gravanti tal-istess proprjetà; u (5) jgħid x’miżuri qegħdin jittieħdu sabiex jonqos in-numru ta’ żbalji fir-riċerki mwettqa minn Identity Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi bħal fil-każ tar-reġistru pubbliku u reġistru ta l-artijiet u bnadi oħra, Identity Malta sabet sistemi tal-informatika f’sitwazzjoni tal-biki. Fil-każ ta Searches Unit, software li jmur lura 25 sena tħalla jopera u jiġi mantenut minn terza persuna li ftit snin ilu ħakmitha marda terminali. Qatt ma sar xejn sakemm Identity Malta fl-2014 bdiet taħdem fuq soluzzjoni alternattiva illi qed tiġi żviluppata gradwalment u li kieku ma sarx hekk il-problemi kienu jkunu ħafna ikbar għax is-sistema li writna krollat ftit xhur wara din it-terza persuna ħalliet din id-dinja. llum nafu u dan ħareġ ċar waqt is-symposium organizzat ftit ta jiem ilu mill- Kunsill Nutarili, illi ħafna mill-informazzjoni imdaħħla matul iż-żmien ma ġietx ivverifikata b’mod korrett. Għaldaqstant, dawn l-żbalji qed jiżdiedu minħabba ammont kbir ta xogħol u żieda ta’ kummerċ speċjalment fil-qasam tal-bini. Identity Malta qed taħdem fil-qrib mal-Kunsill Nutarili sabiex jitnaqqsu l-inkorettezzi u s-sistema l-ġdida tiġi żviluppata skond ħafna mill-esiġenzi tagħhom. Eżerċizzju li sejr jibda dalwaqt huwa r-reviżjoni ta l-indiċi kollha sabiex insewwu l-żbalji li saru qabel.

Identity Malta – ksur tal-Kostituzzjoni fil-konfront tal-Kummissjoni Elettorali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa biex Identity Malta ma tibqax tikser il-Kostituzzjoni fil-konfront tal-Kummissjoni Elettorali tant li l-istess Kummissjoni waslet għal pass inawdit li tibda proċeduri ġudizzjarji kontra Identity Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Nifhem illi l-Onor. Membru qiegħed jirreferi għall-kwistjoni li nqalgħet dwar l-interpretazzjoni tas-sub-artikolu (6) tal-artikolu 21 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali u b’mod partikolari dwar jekk persuni li jkunu jqisu illi ma humiex se jkunu jistgħu jivvutaw fl-elezzjonijiet ġenerali jaqgħux ukoll taħt dak is-sub-artikolu. Il-Ministru jinforma lill-Onorevoli Membru illi huwa qed joffri l-assistenza tiegħu għas-sejbien ta’ soluzzjoni.

Identity Malta – ksur tal-Kostituzzjoni fil-konfront tal-Kummissjoni Elettorali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ordnax passi, huma ta' liema natura huma, inkluż passi dixxiplinarji iżda mhux biss, kontra l-Kap ta' Identity Malta li qed jisfida lill-Kummissjoni Elettorali u jikser il-Kostituzzjoni meta Identity Malta ma tgħaddix l-informazzjoni kollha skont il-liġi taċ-ċittadini Maltin kollha ġodda, b'mod partikolari ta' dawk li xtraw iċ-ċittadinanza bl-IIP?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Membru għar-risposta għall-interpellanza 28556 li qiegħda tingħata kontestwalment .

Il-Qorti – servizzi tal-Wi-Fi fil-bini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn fl-aħħar ġimgħat is-servizz tal-Wi-Fi fil-bini tal-Qorti, mhux qed ikun kontinwu?

Response (BONNICI, OWEN)

F’dawn l-aħħar ġimgħat inbidel il-kuntrattur li jipprovdi s-servizz tal-WIFI. F’dan il-perjodu l-kuntrattur il-ġdid kellu l-obbligu li jżid aktar access points u jagħmel it-testing neċessarju fuq is-sistema kollha. Kien għal din ir-raguni li f’xi waqtiet kien hemm interruzzjonijiet fis-sistema. Is-sistema issa qed tiffunzjona u qed isir moniteraġġ fuqha kuljum kemm mill-kuntattur kif ukoll internament mill-Qorti sabiex ikun assigurat li jingħata servizz tajjeb. Il-kuntrattur hu marbut b’service level agreement li f’każ ta ħsarat hu obbligat li jsewwi fi żmien massimu ta’ 4 sigħat.

Junior Eurovision Song Contect — finanzjament speċjali lill-PBS

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm finanzjament speċjali lill-PBS għall-organizzazzjoni tal-Junior Eurovision Song Contest li se jkun organizzat fil-21 ta' Novembru 2016 flimkien mal-European Broadcasting Union?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onorevoli nterpellant li peress li l-proġett tal-Junior Eurovision Song Contest mhux kummerċjalment vijabbli u peress lo huwa mportanti li pajjiżna joħroġ bi prodott ta’ kwalità, il-Gvern ghen finanzjarjament lill-PBS sabiex dan il-proġett jitwettaq.

Is-Siġġiewi – Sqaq tan-Nadur — aċċessibilità

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28186, jista' l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet meħtieġa fuq Sqaq tan-Nadur fis-Siġġiewi li pjanta tiegħu qed tingħata separatament sabiex jitwessa' u jkun aktar aċċessibbli għan-nies li għandhom l-għelieqi f'dan l-isqaq?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onor. Interpellant japprezza li l-proċess biex isir t-twessiegħ mitlub jinvolvi esproprjazzjoni ta’ art mill-privat u l-ħlas ta’ kumpens. Dan mhux kompitu tal-Kunsill Lokali.

Wied il-Għajn — pjazza quddiem il-Knisja - tisbieħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser isir it-tisbiħ tal-pjazza quddiem il-Knisja ta' Wied il-Għajn? Jista' jgħid fejn ser issir il-pixxina l-ġdida billi l-pixxina eżistenti se tittieħed mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li għadu kemm iddiskuta fis-seduta tat-18 ta’ Novembru l-pjanta proposta mill-Foundation for Tourism Zone Development rigward it-tisbiħ tal-pjazza ta’ quddiem il-Knisja ta’ Wied il-Għajn. Għal aktar dettalji, inkluż dwar il-pixxina, nirreferi lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministeru konċernat.

Qrati — Bini ta’ awli ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta’ bini ta’ awli ġodda fil-Qrati bħalissa huwiex isir minn ħaddiema tal-Gvern jew le? Jekk le, jistax jgħid x’proċedura ntużat biex ikun ikkummissjonat tali xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Ix-xogħol ta’ bini ta’ Awli ġodda fil-Qrati mhux se jsir minn ħaddiema tal-Gvern imma se jsir minn kuntratturi. Dawn jintgħażlu permezz ta’ sejħiet għall offerti li jkunu pubblikati fuq l-electronic Public Procurement System (ePPS).

Direct Orders awtorizzati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27616 u jelenka d-direct orders kollha li huwa awtorizza fl-2015 u fl-2016 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Jista’ għal kull direct order jagħti l-ammont involut, lil min ingħata u għal liema skop? Jista’ jgħid ukoll għalfejn kellha tingħata direct order minflok sejħa pubblika għal kull wieħed?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lil Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 27616.