Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13477 u jgħid jekk hux minnu li sa nhar is-Sibt 11 ta' Ġunju, 2005 għadd ta' ħaddiema ta' l-Interprint kellhom jaħdmu overtime, u dan minħabba ħafna ordnijiet ta' xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għal mistoqsija Nru. 13094.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13478 u jikkonferma li fost il-klijenti antiki ta' l-Interprint hemm pubblikaturi/enti Ewropej, bħal World Health Organisation, International Labour Office, UN Environmental Programme, International Trade Centre u Oxford unit press, u allura żgur li dawn poġġewna fuq il-mappa ta' l-Ewropa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'hijiex prassi tal-Gvern li jagħti informazzjoni ta' natura kummerċjali fil-Parlament.
Inċidentalment, ħafna mill-organżżazzjonijiet li jsemmi l-Onor. Interpellant m'humiex organiżżazzjonijiet Ewropej, iżda globali.
Madankollu żgur li wieħed ma jistax jasal għall-konklużjoni li l-Interprint poġġiet lill-Malta fuq il-mappa ta' l-Ewropa. Malta tpoġġiet fuq il-mappa ta' l-Ewropa għax postha dejjem kien hemm u għaliex il-poplu Malti kkonferma dan bil-vot tiegħu darbtejn wara xulxin , f'Marzu u April ta' l-2003.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex wara li xi xhur ilu kien sar rapport minn familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, mal-WSC dwar kont għoli u wara li rriżulta li kien hemm leakage fid-dar u l-familja ġiet informata li l-kont se jkun rivedut, din baqgħet ma rċeviet xejn dwar id-deċiżjoni tal-bord, anzi irċeviet kont ieħor ta' stima fuq kontijiet li ntbagħtu diġa'?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-konsum ta' l-ilma indikat fil-kont għall-perjodu 31 ta' Diċembru 2004 sa' 26 ta' Frar 2005 ġie konfermat u kien korrett.
Wara li saret verifika min naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma, instab li kien hemm leakage minn flushing fis-sistema tal-konsumatur. Għalkemm il-konsumatur huwa responsabbli mis-sistema interna tal-plumbing tiegħu l-każ intbgħat quddiem l-Advisory Board sabiex jiġi ikkunsidrat tnaqqis mill-kont biex il-konsumatur ma' jkollux tbatija żejda.
Dan il-Board ikkunsidra l-każ u skond il-proċeduri stabilliti se jsir tnaqqis mill-kont ta' Lm67.08.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13441 u jgħid għaliex il-gvern ma investiex fl-Interprint sabiex issir aktar kompetittiva, jekk verament il-gvern kellu f'moħħu li din tinbiegħ?
Response (GATT, AUSTIN)
Mhix policy tal-Gvern li jikkompeti mas-settur privat f'oqsma li huma totalment liberalizzati u miftuħa għal-kompetizzjoni. Kien għalhekk li ma sar l-ebda investiment.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13436 u jgħid x'inhi r-raġuni li l-ħaddiema ta' l-Interprint ma ġewx offruti jobs alternattivi, bħalma sar ma' azjendi parastatali oħra?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Interprint għandha Ftehim Kollettiv mal-GWU u il-Gvern qed jimxi skond dan il-Ftehim. M'hemm l-ebda provediment għal-xogħol alternattiv f'dan il-Ftehim Kollettiv.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13437 u jgħid jekk hux minnu li wara li fl-2004 spiċċaw 15-il ħaddiem mill-Interprint, il-gvern ma tax pjan ta' restructuring bħalma sar mal-PBS u l-Malta drydocks? Għaliex ma sarx?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tmiem ta' l-impjieg tal-15-il ħaddiem fl-2004 kien parti integrali mill-pjan ta' ristrutturar tal-Interprint biex tinġieb f'pożizzjoni li tkun tista tinbiegħ lill-siddien privati. Madankollu ħadd ma' wera interess li jixtri l-ishma f'din il-kumpanija, li minnu nnifsu juri li l-ebda pjan ta' ristrutturar ma' seta' jwassal għal sitwazzjoni ta' proffitabilta.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13438 u jgħid jekk jagħmilx sens li wieħed mid-diriġenti ewlenin ta' l-Interprint ikun ukoll konsulent ma' kompetitur dirett ma' l-istess Interprint?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13439 u jgħid jekk hux minnu li d-deċiżjoni li jiġi terminat l-impjieg ta' 15-il ħaddiem fl-Interprint ittieħdet sena qabel? Jista' jgħid jekk kienx hemm ħsieb politiku sabiex din id-deċiżjoni tiġi attivata sena tard, u dan sabiex jilħqu jgħaddu kemm ir-referendum kif ukoll l-elezzjoni ġenerali? Jista' jgħid jekk hux minnu li din id-deċiżjoni swiet lill-Interprint Lm95,000?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-deċiżjoni li jintemm l-impjieg tal-15-il ħaddiem ittieħdet mill-kabinett fl-2004.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13440 u jgħid x'kienet iċ-ċifra ta' esportazzjoni ta' l-Interprint , sena b'sena mill-1995 sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13426 u jgħid x'inhi r-raġuni li meta jkun hemm internal vacancy fil-Malta Enterprise mhux l-applikazzjonijiet kollha li jintefgħu internament jiġu milqugħa? Fuq liema kriterji jintlaqgħu u jintgħażlu l-applikazzjonijiet, peress li jien informat li f'eżerċizzji bħal dawn ikun hemm min għandu l-kwalifiki neċessarji imma l-applikazzjoni tiegħu ma tiġix aċċettata mingħajr ebda spjegazzjoni jew raġuni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-impjegati kollha ta' l-Malta Enterprise jingħataw l-opportunita li japplikaw għall-internal vacancy u ma' tiġi rifjutata l-ebda applikazjoni. Il-proċess huwa trasparenti w kull impjegat għandu d-dritt li jagħmel mistoqsijiet lil HR fuq il-proċess.
Wara li toħrog is-sejha interna permezz ta' email u fuq n-notice boards, l-applikazjoniet jiġu magħzula skond il-ħtieġa tal-post vakanti. Il-kanditati jiġu nfurmati jekk jiġux magħzula għall-intervista jew le.
Triq San Ġużepp f'Ħaż-Żabbar — Irwejjah ta' Drenaġġ
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13472 u jgħid jekk hux possibbli li d-diviżjoni tad-drenaġġ tieħu bis-serjeta' u tinvestiga r-raġuni għar-riħa ta' drenaġġ li qed ikun hemm ta' spiss fi Triq San Ġużepp, Ħaż-Żabbar?
Billi din ir-riħa ġejja miċ-ċumnija (mibnija bil-ġebel) li hemm f'din it-triq fuq in-naħa ta' Ħaż-Żabbar, possibbli li l-inġiniera inkarigati jippruvaw jsibu soluzzjoni għax din ir-riħa qed tkun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti li joqogħdu fil-viċinanzi?
Jistgħu l-uffiċjali inkarigati jkellmu huma stess lir-residenti ħalli jispjegawlhom eżatt minn fejn ġejja r-riħa? (jekk irid il-Ministru, nista' nindikalhom jien stess min huma r-residenti li qed jilmentaw).
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma qed tara tistax tinstab soluzzjoni għal dan l-inkonvenjent.
B'riferenza għall-proposta tal-korporazzjoni Enemalta sabiex tibni distribution centre f'Pembroke biswit il-Pembroke athleta sports club, jista' il-Ministru jieħu nota ta' l-oġġezzjoni tal-kunsill lokali ta' dan il-lokal li huwa kontra dan l-iżvilupp minħabba diversi fatturi fosthom li s-sit indikat skond in-north harbour plan mhuwiex suppost li jsir żvilupp fih kif ukoll minħabba l-fatt li dan l-iżvilupp se jaffettwa ħażin lill-Pembroke sports club minħabba li se tittieħed parti kbira mill-parking area eżistenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi s-sit indikat ma kienx is-sit li għażlet l-Enemalta. Dan tal-aħħar kien ġie rifjutat mill-MEPA li kienet hi stess li ndikatu lill-Enemalta u daħħlitu fin-North Harbour Local Plan.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk hemmx il-ħsieb li l-ħaddiema industrijali tal-WSC titwaħlilhom is-sistema tad-datatrack tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħalissa qed isiru l-provi neċessarji ta' l-apparat tat-'tracking' għall-użu minn ħaddiema industrijali li jagħmlu xogħol ta' leak detectors.
Dan l-apparat sejjer jipprovdi sistema awtomatika biex il-ħsarat jiġu rekordjati fis-sistema tal-Geographical Information System GIS mingħajr intervent uman.
Fl-istess ħin dan l-apparat ser jipprovdi sistema ta' alarm, peress li l-leak detectors ikunu qed jaħdmu fit-toroq fis-siegħat bikrin tal-lejl, ikunu jistgħu isejħu għall-għajnuna f'każ ta' bżonn jew emerġenza.
Commonwealth Action Programme for the Digital Divide
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13496 u jgħid x'inhu l-kontribut li l-MITI beħsiebu jagħti għall-Commonwealth action programme for the digital divide?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b'referenza għal punti ta' Azzjoni li joħorgu mill-'Commonwealth Action Programme for the Digital Divide', il-MITI beħsiebu jikkontribwixxi billi jagħti;
1. Drittijiet fuq l-użu tal-kontenut tal-programm ta' taħrig myWeb fit-TeleCentres. Dan il-kontenut jista' jintuża biex jinxtered it-tagħlim bażiku fil-kompjuter, Internet u email fil-komunitajiet tal-pajjiżi tal-Commonwealth.
2. Kontenut ta' programmi ta' 'Train the Trainers' għall-Amministraturi ta' dawn in-'Knowledge Shops' u għall-għalliema li ser ikunu qed jgħallmu f'dawn iċ-Ċentri.
3. Drittijiet fuq l-użu tal-kontenut tal-programm ta' taħrig 'Basic ICT Awareness for Small and Micro Businesses' biex ngħinu nindirizzaw il-Punt ta' Azzjoni fuq l-iżvilupp ta' ħiliet (kemm taċ-ċittadini kif ukoll ta' l-intrapriżi) fil-qasam ta' l-ICT.
4. Drittijiet tal-proprjeta` intellettwali fuq is-sistemi ta' l-eGovernment u informazzjoni fuq il-mudelli lokali li kienu ta' suċċess fl-implimentazzjoni ta' l-eGovernment, biex jintużaw fl-'ICT Policy Resource Centres'.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13495 u jgħid x'inhu s-sehem u l-input ta' l-MITI fil-proġett 2010 - The EC review of the electronic communications framework?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru ħa sehem attiv fl-iżvilupp ta' l-i2010. Il-Ministeru ilu għal dawn l-aħħar tlett snin jieħu sehem attiv fil-proċess ta' l-eEurope, li fuqu ġie ippjanat l-i2010. Bħala parti minn din il-parteċipazzjoni il-Ministeru ta l-pożizzjoni tiegħu fuq liema prioritajiet għandhom jiġu imdaħħla fl-istrateġija l-ġdida ta' l-Unjoni Ewropeja fuq it-teknoloġija ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni - l-i2010. Fost dawn il-prioritajiet kien hemm il-bżonn li tibqa issir ħidma kontinwa biex titnaqqas il-firda diġitali, biex tibqa' tinxtered it-teknoloġija tal-'broadband', u biex jitniehdu inizzjativi li permezz tagħhom tiżdied il-kunfidenza fl-użu tat-teknoloġija. Dawn il-prioritajiet ġew kollha inklużi fl-i2010.
Il-Ministeru ta wkoll kontribut fid-diskussjoni dwar jekk l-i2010 għandux ikun pjan ta' azzjoni, (u għalhekk tinkludi dettall fuq liema proġetti għandhom jiġu varati mill-pajjiżi membri), jew strateġija li tipprovdi direzzjoni u oġġettivi ċari fejn l-Unjoni Ewropeja għandha taspira. Il-Ministeru esprima l-opinjoni li din għandha tkun strateġija b'oġġetivi ċari, filwaqt li l-proġetti li l-pajjiż għandu jagħmel ikunu deċizi mill-pajjiż innifsu. Din kienet ukoll l-opinjoni tal-maġġoranza ta' pajjiżi oħra.
Il-Ministeru ħa sehem attiv f'diversi studji li saru mill-Kummissjoni Ewropeja meta kien qed jithejja l-i2010. Din il-parteċipazzjoni kienet tinkludi il-mili ta' kwestjonarji fuq l-istrateġija u l-inizzjattivi tal-Gvern dwar it-teknoloġija ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Il-Ministeru ikkontribwixxa wkoll fil-kompilazzjoni tal-pożizzjoni ta' Malta fuq diversi komunikazzjonijiet maħruga mill-Kummissjoni Ewropeja qabel it-tfassil ta' l-i2010. Din il-pożizzjoni ġiet diskussa fil-laqgħat tal-Kunsill ta' l-Ewropa.
Bħalissa l-Ministeru, flimkien ma' l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika qed jieħu sehem fid-diskussjoni u l-kumpilazzjoni ta' l-indikaturi l-ġodda li se jibdew ikejlu l-progress tal-pajjiżi ma' l-oġġetivi ta' l-i2010.