Jista' l-Ministru jara li tingħata kunsiderazzjoni xierqa mill-ETC lill-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament bħala security guard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant mhux qed tirreġistra bħala security guard imma bħala handyman u watchman. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi biex wieħed jaħdem ta' security irid ikun fil-pussess ta' warrant maħruġ mill-Kummissarju tal-Pulizija, u din il-persuna m'għandhiex dan il-warrant.
B'danakollu l-Employment Advisor tal-persuna ser tibgħat għaliha biex tiddiskuti magħha xi diffikultajiet li jista' jkollha.
Jista' l-Ministru jara jekk hux ġust li mara anzjana tneħħilha l-benefiċju soċjali tal-mard?
Jista' l-Ministru jagħti spjegazjoni bil-miktub lil din l-anzjana li l-partikolaritajiet jinsabu separatament min din il-mistoqsija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jitmexxa każ ta' housing, sussidju fuq lift għall-persuna b'diżabilita indikata separatament minħabba l-bżonn ta' din il-persuna sabiex titnaqqsilha t-tbatija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant applikat ma' l-Awtorita' tad-Djar għall-istallar ta' lift fil-31 ta' Ottubru 2001. L-Awtorita' mistennija tirreferi l-każ lill-Occupational Therapist fi ftit jiem oħra biex issir home visit.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li tilfu l-impieg tagħhom minn April 2001 sal-lum?
Jista' l-Ministru jgħid minn liema settur kienu ġejjijn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba, minn April 2001 sa Lulju 2001.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm koperattivi li ma sejħux il-laqgħa ġenerali annwali tagħhom fil-ħin stipulat matul is-sena 2000 u tul s-sena 2001?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li matul is-sena 2000, ħames koperattivi m'għamlux il-laqgħa ġenerali tagħhom fil-ħin stipulat, filwaqt fis-sena 2001 tmien koperattivi għadhom ma sejħux il-laqgħa ġenerali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji ta' kemm applikaw għal vakanza ta' post co-ordinator support services (residential) mal-foundation for social welfare services - supported living division? Min kienu dawk li ġew short-listed? Min ġie magħżul u allura impjegat? X'kienu r-rekwiżiti għal din il-kariga?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li għaxar persuni applikaw għall-post ta' Co-ordinator Support Services (Residential) mas-Supported Living Division fil-Foundation for Social Welfare Services. Ġew shortlisted erba' persuni. Ma nqisx li għandi nagħti l-ismijiet ta' min kien shortlisted għax b'hekk inkun nikxef persuni li setgħu applikaw mingħajr ma riedu jinfurmaw persuni oħra.
Ir-rekwiżiti għal din il-kariga kienu:
il-persuna tkun idealment ħadmet f'servizz residenzjali għal persuni b'diżabilita' għal tliet snin;
livell eċċellenti ta' komunikazzjoni f'kull livell;
abilitajiet maniġerjali, żvilupp u assessment ta' staff f'dan il-qasam;
kwalifiki professjonali relatati ma' dan it-tip ta' servizz kienu ta' vantaġġ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' nċidenti fuq il-post tax-xogħol li seħħew bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena?
Fliema gradi rriżultaw dawn l-inċidenti/korrimenti fuq il-post tax-xogħol?
Kemm minn dawn il-każijiet għadhom suġġett ta' pagamenti ta' benefiċji soċjali minħabba l-persuni kkonċernati għadhom ma rritornawx għax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B'referenza għall-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-istatistika mitluba xahar b'xahar.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, jiena nfurmat li peress li każijiet ta' korrimenti jidħlu regolarment u persuna tista' tirritorna għax-xogħol f'kull jum tal-ġimgħa, din it-tip ta' statistika ma tinżammx xahar b'xahar. L-istatistika li tinġabar fl-aħħar tas-sena tkun tindika kemm ittieħdu ġranet benefiċċju (benefit days) u kemm intilfu ġranet ta' xogħol (incapacity days) matul sena partikulari.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid filwaqt li ninsab infurmat li c-children allowance f'isem il-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament qed tiġi investigata minħabba xi underdeclaration ta' xi interessi bankarji, jistax jagħti indikazzjoni dwar jekk dawn l-investigazzjonijiet ġewx konklużi billi l-familja ilha li ġiet mgħarrfa mill-25.09.01 li l-każ tagħha kien għall-investigazzjoni u li kien mistenni jiġi konkluż fil-ġejjieni qarib?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ tal-familja li għamel referenza għaliha qed jiġi nvestigat u mistenni jkun konkluż fil-futur qarib. Il-familja kkonċernata ġiet infurmata b'ittra dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid mid-diversi sussidji li joffri via l-Awtorita' tad-Djar, kemm il-flat, dar jew appartament ġew irranġati matul din is-sena?
X' kienu s-sussidju li ġew mgħoddija lil dawn il-familji?
X' kienet l-ispiża kollha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 29148, l-Awtorita' tad-Djar tgħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta' Jannar 2001 sallum 430 applikant ibbenefikaw taħt diversi skemi ta' l-Awtorita' biex irranġaw ir-residenzi tagħhom. Ix-xogholijiet involuti f'dawn is-sussidji kienu is-segwenti:
tiswijiet ta' strutturi perikolużi;
il-bdil ta' stallazzjonijiet qodma ta' l-ilma u ta' l-elettriku;
xogħolijiet ta' titjib fil-kamra tal-banju jekk din tkun taħt livell aċċettabbli jew fejn ma hemmx kamra tal-banju fil-post, għall-installazzjoni tal-kamra tal-banju;
twaħħil ta' madum ta' l-art biex il-post jiġi rendut abitabbli;
tiswijiet ta' sistema qadima tad-drenaġġ jew sostituzzjoni tagħha;
it-tiswija tal-bibien ta' barra, ta' l-aperturi u ta' gallarijiet, skond il-każ, li jkunu taħt livell aċċettabbli;
proviżjoni ta'
water proofing
għas-soqfa tad-dar;
irranġar u xogħolijiet kontra l-umdita' bħala soluzzjoni permanenti sabiex jiġu eliminati problemi ta' umdita' f'ħitan fejn dawn jikkaġunaw inkonvenjenzi lill-okkupanti;
bini ta' kamra/kmamar addizzjonali u/jew tibdiliet strutturali b'mod li r-residenza tkun aktar adekwata għall-bżonnijiet ta' l-applikant u l-familja tiegħu.
L-ispiża kollha kienet tlaħħaq madwar Lm403,842.50.
Jista' l-Ministru jirrimedja t-talba pendenti tal-koppja anzjani mill-Baħrija (li d-dettalji dwarhom qed tintbagħat separatament) sabiex jidħlu fl-Mtarfa Home?
Jekk fl-affermattiv meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li jaħdem bil-minibus u li jgħid li fis-servizz li qed jipprovdi għall-għomja lejn u minn St Venera minkejja li żdiditlu ir-rotta, l-awtoritajiet naqqsulu r-rati kurrenti ta' Lm 6.62 kull jum għall dik ta' żmien is-sena 1993 ta' Lm 4.22?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-ilment dwar il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġie nvestigat. Minn din l-investigazzjoni rriżulta li, relatat mat-tul tar-rotta li qed tagħmel, l-ħlas ta' Lm4.22c għal kull vjaġġ hu korrett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-talba għandu l-Ministeru u d-Dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tiegħu biex jimla' postijiet vakanti fl-istess Ministeru/Dipartiment?
Liema huma dawk il-gradi li l-Ministeru/Diviżjoni qed jitlob biex jimla'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jirrimedja għat-talba pendenti ta' l-anzjana (li d-dettalji tagħha qed jintbgħatu separatament) sabiex tidħol f' Mtarfa Home?
Jekk fl-affermattiv meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija applikat biex tidħol fid-Dar ta' l-Anzjani tal-Imtarfa f'Marzu li għadda u fl-istess xahar sarilha l-assessment soċjali. L-assessment mediku sar f'Awissu li għadda. Il-każ tagħha qed jiġi kkunsidrat.
Jista' l-Ministru jara li jiġi investigat il-każ ta' xebba li l-partikularijiet tagħha jinsabu anessi separatament min din il-mistoqsija li qiegħda tieħu pensjoni tal-bord u kienet ħallset numru ta' bolol u allura għandha pensjoni żgħira? Tista' ssirilha reviżjoni tal-pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi 'l-persuna minnu ndikata qed titħallas korrett u kif suppost skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali 1987 (Kap 318). Inżid ngħid li l-istess persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar dan.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħtini lista taż-żiedet fit-tariffi kemm permezz ta avviżi legali kif wkoll mhux permezz ta' dawn, li l-Gvern introduċa minn Novembru 2000 sal-lum, inklużi xi korporazzjonijiet jew awtoritajiet/instituzzjonijiet li jistgħu jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? F'dawn il-każi tistax tindika kif kienu it-tariffi qabel dik id-data u kif saru illum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Novembru 2000 sallum, ma kien hemm l-ebda żiediet fit-tariffi, kemm permezz ta' Avviżi Legali u kemm mhux, mid-Dipartimenti jew entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu allowance varji mill-Ministeru/Dipartimenti lil impjegati matul din is-sena?
Jista' wkoll jgħid grad grad min ibbenifika minn dawn l-allowance u kemm ħadu kull grad?
X' tip t' allowance ħadu l-imsemmija impjegati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba. Niġbed l-attenzjoni li din il-lista ma tinkludiex allowances oħra li jitħallsu lill-ħaddiema tal-S.V.P.R. skond il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li fl-estimi tal-Budget li ġej jinkludi flus meħtieġa sabiex isir l-embellishment ta' Santa Margherita l-Mosta, peress li l-Kunsill tal-Mosta ma għamilx ix-xogħlijiet hekk mistennija mir-residenti kollha matul dawn l-aħħar 7 snin u issa aktar u aktar ma jistax jgħamilhom minħabba li għandu djun kbar fuq xogħlijiet li saru diġa fil-lokal tal-Mosta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol ma jaqax taħt ir-responsabilita' ta' dan il-Ministeru.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li fl-estimi tal-Budget li ġej jinkludi flus meħtieġa sabiex isir l-embellishment ta' Zokrija l-Mosta, peress li l-Kunsill tal-Mosta ma għamilx ix-xogħlijiet hekk mistennija mir-residenti kollha matul dawn l-aħħar 7 snin u issa aktar u aktar ma jistax jgħamilhom minħabba li għandu djun kbar fuq xogħlijiet li saru diġa fil-lokal tal-Mosta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol ma jaqax taħt ir-responsabilita' ta' dan il-Ministeru.