Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #3358 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Kors ta' l-Awdituri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'beħsiebu jagħmel b'dawk l-uffiċjali li għaddew mill-kors ta' l-awdituri nterni f'Settembru li għadda u li s'issa ma nħatrux? F'każ li dawn se jiġu maħtura fi ftit żmien ieħor, jista' l-Ministru jgħid ukoll kif beħsiebu jutilizza lil dawn l-awdituri mal-gvern u jekk dawn humiex se jaqgħu dirett taħt il-Ministeru tiegħu? Jekk f'każ li l-għażla saret diġa', huwiex fil-kompitu jew le ta' xi kap ta' dipartiment jew direttur li jżomm xi uffiċjal mill-ħatra ta' awditur intern darba dan għadda mill-kors u ffirma kuntratt?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li preżentement, is-sistema ta` l-awdituri interni ma taqax taħt ir-responsibilita kompleta ta` dan il-Ministeru. Bħal ma hemm provdut fil-Manwal ta` l-Awdituri Interni dan il-Ministeru hu responsabbli, fost oħrajn, għat-taħriġ, organizzazzjoni u l-`monitoring` tas-sistema. Il-ħatriet u `transfers` fis-servizz Pubbliku jagħmel minnhom l-MPO fl-Uffiċju tal-Prim Ministru. It-talba biex dawk l-uffiċjali ġodda li spiċċaw it-taħriġ meħtieġ jiġu maħtura saret u qed tiġi pproċessata. Preżentement l-awdituri interni jagħmlu mas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru fejn ikunu maħtura u dan il-Ministeru jara li uffiċjali kkonċernati jkunu qed jaqdu d-dmirijiet tagħhom kif suppost.
Leg 9 PQ #3668 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

UE — Infiq ta' flus

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa maħsub illi nefaq il-Gvern s'issa biex jintlaħaq l-għan tal-Gvern preżenti li Malta ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea? Fiex intnefqu l-flus in kwestjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Dan l-eżerċizzju jirrikjedi użu qawwi ta` riżorsi li mhux ġustifikat.
Leg 9 PQ #3669 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Dħul finanzjarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat illi se jdaħħal flus il-Gvern mill-VAT fuq is-servizzi matul is-sena 1999 u kemm daħħal il-Gvern mis-CET fuq is-servizzi matul is-sena 1998?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, li l-ammont ta` taxxa li hu stmat li ser idaħħal il-Gvern mill-VAT fuq is-servizzi matul sena sħiħa normali, kif proġettat mid-dħul mill-istess sors fl-aħħar tnax-il xahar tal-liġi tal-VAT ta` qabel, hu ta` madwar Lm22.0 miljuni netti. Meta wieħed iqis li l-ħlas tal-VAT mill-persuni reġistrati lid-Dipartiment isir madwar erba` xhur u nofs b`lura, l-ammont tad-dħul mill-VAT fuq is-servizzi matul l-1999 hu stmat li jkun madwar Lm14.5 miljuni. L-ammont ta` taxxa dikjarat pagabbli fuq is-servizzi taħt il-liġi tas-CET matul is-sena 1998 kien ta` Lm16.58 miljuni netti.
Leg 9 PQ #3670 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema mit-33 taxxa li daħħal il-Gvern Laburista tneħħew mill-Gvern preżenti? Liema għadhom fis-seħħ? Għaliex il-Gvern preżenti ħallihom meta tant kien tkaża bihom fil-passat? Kemm se jiffranka flus il-poplu mit-taxxi li tneħħew din is-sena? Kemm inġabru flus is-sena li għaddiet mit-33 taxxa u kemm hu maħsub li se jiġbor il-Gvern is-sena li qegħdin fiha? Liema mit-33 taxxa li baqa' għandu l-ħsieb il-Gvern preżenti li jneħħi s-sena li qegħdin fiha?

Response (DALLI, JOHN)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f`xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #3786 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

Kumpanniji kummerċjali — Karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn company cars mhux ta' natura kummerċjali u mniżżla fuq il-kotba ta' kumpanniji kummerċjali llum? Jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-figuri ta' kemm kull kumpannija għandha karozzi u timpjega persuni?

Response (DALLI, JOHN)

L-informazzjoni mitluba f`din il-mistoqsija ma tistax tinġabar.
Leg 9 PQ #3787 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

Kumpanniji lokali — Opri tal-baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn opri tal-baħar reġistrati fuq isem kumpanniji lokali llum? Kemm minnhom inxtraw sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm swew? X'tip ta' opri tal-baħar huma?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #3348 Sitting 52 1999-01-19 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tal-Finanzi

Dwana — Skilled workers

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm u kien hemm skilled workers jaħdmu ġewwa d-Dwana u ta'liema grad u sengħa huma fis-snin 1995, 1996, 1997 u 1998?

Response (DALLI, JOHN)

1995 1996 1997 1998 1999 Chargehand (Asst. Tech. Off) 1 1 1 1 1 Works Tech Off (Tech Off) 1 2 1 0 0 Carpenter `D` (Sen Tr \ Tr) 4 4 4 4 4 Engine Driver `D` (Sen Tr \ Tr) 4 4 4 4 4 Fitter `D` (Sen Tr \ Tr) 2 3 3 3 3 Auto-Mechanic `D` (Sen Tr \ Tr) 1 1 1 0 0 Tailor `D` (Sen Tr \ Tr) 1 1 1 1 1 Coxswain 1 1 1 1 1 Miner (Operative III) 1 1 1 1 1 Plasterer \ Painter (Sen Operative) 1 1 1 1 1 Wall Builder (Operative III) 1 1 1 1 1 Mechanical Fitter (Sen Tr \ Tr) 1 1 1 0 0 Supervisor Marine (Ex Coxswain) 1 1 1 1 1 Airfield Bulk Operator (on loan from Enemalta 1 1 1 1 1 21 23 22 19 19 Mhux il-ħaddiema kollha li qegħdin f`din il-lista qegħdin jagħmlu xogħol skond il-grad tagħhom.
Leg 9 PQ #3465 Sitting 52 1999-01-19 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Finanzi

Ministeru tal-Finanzi — Bordijiet governattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn żgħażagħ f'bordijiet governattivi li għandhom inqas minn 30 sena? Minn dawn kemm hemm nisa u kemm irġiel? Kemm hemm minnhom li qed jieħdu xi forma ta' onorarju? Il-Ministru għandu ħsieb li jkompli bil-politika tal-Gvern Laburista preċedenti li jinnomina kemm jista' jkun żgħaażagħ f'bordijiet governattivi? Jista ' l-Ministru jwieġeb dawn il-mistoqsijiet ukoll in kwantu għal nisa fil-bordijiet tal-gvern/korpi parastatali mingħajr l-enfasi ta' l-eta'?

Response (DALLI, JOHN)

Hemm żewġ membri fuq bordijiet fil-Ministeru tiegħi li huma taħt it-30 sena, mara u raġel. Dawn jieħdu onorarju ta` Lm1,000 kull wieħed fis-sena. Hemm ukoll erba` membri u żewġ segretarji nisa oħra fuq bordijiet li jieħdu: 1. Lm500 fis-sena 2. Lm7 kull sessjoni u Lm500 fis-sena 3. Lm7 kull sessjoni u Lm500 fis-sena 4. Lm1,000 fis-sena 5. Lm1 kull sessjoni 6. Lm3 kull sessjoni
Leg 9 PQ #3503 Sitting 52 1999-01-19 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Dħul fuq servizzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jdaħħal flus il-gvern mill-VAT ta' 15% fuq is-servizzi? Kemm kien idaħħal il-gvern min fuq is-servizzi bis-CET?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, li l-ammont ta` taxxa li hu stmat li ser idaħħal il-Gvern mill-VAT ta` 15% fuq is-servizzi, kif proġettat mid-dħul mill-istess sors bejn Lulju 1996 sa` Lulju 1997 (l-aħħar tnax-il xahar tal-liġi tal-VAT ta` qabel) hu ta` madwar Lm19-il miljun netti. L-ammont ta` taxxa (ETS) dikjarat pagabbli fuq is-servizzi taħt il-liġi tat-Taxxa tad-Dwana u tas-Sisa (CET), bejn Jannar 1998 u Diċembru 1998 kien ta` Lm16.58 miljuni netti.
Leg 9 PQ #3075 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Finanzi

Lotterija Super Five

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1965, jista' l-Ministru jgħid min ibbenefika u kemm kien l-ammont li rċevew, mill-1990 sa Novembru, 1998? Fuq liema bażi jiġu dawn imqassma u min iqassamhom, il-Ministru tal-Finanzi stess jew xi ħaddieħor?

Response (DALLI, JOHN)

Qiegħed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ listi, waħda ta` `Super Five` u l-oħra tal-`Lotto` li juru min ibbenifika u kemm kien l-ammont mill-1990 sa Novembru 1998. Dawn jiġu mqassma wara li ssir talba mis-soċjeta rispettiva u din tiġi ikkunsidrata fuq il-merti tagħha. Dawn id-donazzjonijiet ġieli tqassmu mill-Ministeru u ġieli tqassmu mid-Dipartiment.
Leg 9 PQ #3345 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tal-Finanzi

Bini ta' dwana

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 960 rigward Mużew tad-Dwana u restawr tal-Bini tad-Dwana, jista'l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk sarx rapport jew ġiex ikkumissjonat rapport rigward dan u jekk iva, jista' dan ir-rapport jiġi ppreżentat għal konsiderazzjoni ta' din il-Kamra?

Response (DALLI, JOHN)

M`hemmx żviluppi x`wieħed jirraporta mit-tweġiba li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 960. L-ispazju fil-bini tad-Dwana huwa ristrett u kif inhu magħruf dana bilkemm hu biżżejjed biex jaqdi l-ħteġijiet ta` l-amministrazzjoni ċentrali tad-Dipartiment tad-Dwana. Dwar xi restawr li jista` jsir f`dal bini storiku d-Dipartiment se jfittex li jressaq dan il-punt quddiem l-awtoritajiet li jistgħu jkunu indikati f`din is-sitwazzjoni.
Leg 9 PQ #3396 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Finanzi

Income Tax

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena minn 1987 sal-lum, kemm inġabru flus mill-Income Tax?

Response (DALLI, JOHN)

Flus mill-Income Tax mill-1987 sal-lum inġabru dawn l-ammonti: Sena Totali Kalendarju Lm 1987 42,999,635 1988 46,740,811 1989 51,128,154 1990 57,291,812 1991 61,737,082 1992 71,353,357 1993 85,115,263 1994 87,852,191 1995 99,757,557 1996 93,307,549 1997 110,539,335 1998 (provisional) 110,266,544
Leg 9 PQ #3496 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

Prodotti — Roħs

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-prodotti mill-40,000 li kellhom jorħsu (skond dak li l-Ministru qal fuq Xarabank) li fil-fatt roħsu bid-dħul tal-VAT? X'suppost raħas u ma raħax, x'għola meta kellu jogħla, x'għola meta ma kellux jogħla?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, li l-prodotti kollha mportati li kienu taxxabbli taħt is-sistema tat-Taxxa tad-Dwana u tas-Sisa (CET) bir-rata ta` ħmistax fil-mija (15%) Taxxa tas-Sisa fuq l-Importazzjoni (ETI) u b`ħamsa fil-mija (5%) Taxxa tas-Sisa fuq il-Prodotti (ETP) huma fost il-prodotti li għandhom jorħsu bid-dħul ta-VAT. Ma` dawn wieħed irid iżid dawk il-prodotti mportati li m`humiex taxxabbli u li taħt is-sistema tas-CET kienu jġorru tax creep ta` madwar erbgħa fil-mija (4%) minħabba li taħt dik is-sistema ma kienx hemm refużjonijiet tat-taxxa fuq l-ispejjeż tan-negozju kif hemm fil-VAT. Dawn iż-żewġ kategoriji ta` prodotti flimkien jiffurmaw il-maġġoranza kbira tal-prodotti kkonsumati f`Malta. Infakkar ukoll lill-interpellant li l-prodotti kollha tal-ikel u l-prodotti kollha konnessi ma` saħħa u mediċina m`għandhom ebda VAT fuqhom. Bis-sistema tas-CET dawk li jissuplixxu dawn il-prodotti u servizzi kellhom spiża bit-taxxa li ma kienux jieħdu refunds fuqhom. Illum qegħdin jieħdu refund u għalhekk l-ispejjeż naqqsulhom.
Leg 9 PQ #3500 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

Liġi tal-VAT — Persuni reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn kumpanniji u persuni reġistrati taħt il-Liġi tal-VAT li ma qabżux it-threshold, jista'l-Ministru jagħti breakdown ta'x'tip ta'xogħol jagħmlu dawk il-persuni u/jew kumpanniji?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, li n-numru ta` persuni u kumpanniji reġistrati taħt il-liġi tal-VAT li ma qabżux it-threshold skond l-informazzjoni li kellu d-Dipartiment sa` s-27 ta` Novembru 1998 kien b`kollox 26,674. Dawn huma maqsumin skond in-natura tax-xogħol li jagħmlu kif jidher mill-lista li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #3514 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Ministeru tal-Finanzi — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-persuni kollha li huma fis-segretarjat privat tiegħu? Jista' l-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol ta' kull wieħed u f'liema impjieg kienu l-aħħar qabel ġew fis-segretarjat?

Response (DALLI, JOHN)

Il-proċess biex jiġu ffirmati l-kuntratt\ftehim tal-persuni li għandhom jaqdu dmirijiet fis-Segretarjat tiegħi għadu mhux konkluż. Qed nehmeż l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant dwar dawk il-persuni f`dan is-Segretarjat Privat li diġa iffirmaw il-Kuntratt\ftehim. Aktar dettalji fuq ir-responsabbiltajiet assoċjati mal-pożizzjonijiet ta` dawn l-individwi jinsabu fid-dokument `Engagement of Staff for Private Secretariats` li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fit-2 ta` Novembru 1998. Minister`s Private Secretariat Position Name Remarks Personal Assistant Michael Debono Corporation Private Secretary Antoine Attard Public Officer Assistant Private Secretary Anton Callus MITTS Secretariat Officer Giorgiana Mallia Public Officer Secretariat Pool Nadine Paris Public Officer Security \ Driver Chris Baldacchino On Contract Security \ Driver Arnold Farrugia On Contract
Leg 9 PQ #2941 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxi Interni — Kontribuzzjonijiet soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jdaħħal il-Gvern matul l-1999 miż-żieda fil-kontribuzzjoni soċjali ta' l-impjegati minn 8.33% għal 9% tal-paga bażika?

Response (DALLI, JOHN)

Hu stmat li ż-żieda fil-kontribuzzjoni tas-sigurta soċjali ta` l-impjegati minn 8.33% għal 9% tissarraf b`kollox fi dħul ta` Lm4.8 miljuni, li minnhom il-Gvern stess ikun ikkontribwixxa Lm1.6 miljuni (terz) bħala kontribuzzjoni ta` l-istat. Dan ifisser dħul net ta` Lm3.2 miljuni.
Leg 9 PQ #2942 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Estimi Ġenerali 1999 — Żieda fil-prezzijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jdaħħal il-Gvern miż-żieda mħabbra fl-aħħar Budget matul l-1999: 1) ta' 10ċ fuq pakkett sigaretti king size; 2) ta' 10ċ fuq pakkett sigaretti standard; 3) fuq is-sisa tat-tabakk għas-sigaretti tal-brim?

Response (DALLI, JOHN)

Permezz taż-żidied fid-dazju tas-sisa mħabbra fl-aħħar Budget fuq sigaretti King Size u Standard Size u fuq it-tabakk għas-sigaretti tal-brim, l-erarju tal-Gvern hu mistenni li jiżdied b`madwar Lm2.0 miljuni.
Leg 9 PQ #2963 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Kuntratturi — Ħlasijiet

Question

B'riferenza għall-protesta li saret riċentement minn numru ta' kuntratturi minħabba l-fatt li għadhom ma tħallsux għad-dovuti xogħlijiet li għamlu numru ta' snin ilu, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bl-iżviluppi ta' din is-sitwazzjoni u ċioe' meta se jibdew isiru dawn il-pagamenti dovuti lill-imsemmija kuntratturi?

Response (DALLI, JOHN)

Propju xi ġranet qabel ma` numru ta` kuntratturi għamlu l-protest li qiegħed jaċċenna għalih l-Onorevoli Interpellant, kien ġie mwaqqaf kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Ministru tal-Finanzi, tad-Dipartiment tal-Kuntratti u tad-Dipartiment tat-Toroq biex jevalwa t-talbiet li għamlu l-kuntratturi u jiġi assigurat li x-xogħol sar u sar sewwa ħalli jkun jista` jitħallas. Ġa sar progress u għadd ta` kuntratti li jiswew `l fuq minn Lm250,000 ġew verifikati u mgħoddija għall-ħlas.
Leg 9 PQ #3365 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tal-Finanzi

Ħwienet — Prodotti

Question

Jaf il-Ministru li hemm ħwienet li għollew il-prodotti u s-servizz b'iktar minn 15% VAT? X'inhu jagħmel il-gvern biex jikkontrolla u ma jsirx abbuż? Jekk jinstab li jkun sar abbuż, x'se tkun il-penali?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, li m`hemm ebda prodot jew servizz li minħabba l-introduzzjoni tal-VAT għandu jogħla b`iktar minn ħmistax fil-mija (15%). Dan għaliex taħt is-sistema tat-Taxxa tad-Dwana u tas-Sisa (CET) ħafna mill-prodotti importati kienu intaxxati b`wieħed u għoxrin fil-mija (21%), dawk li huma bil-levy b`ħamsa fil-mija (5%). Dan minbarra li wieħed irid jikkonsidra wkoll tax creep li ħafna prodotti u servizzi kellhom taħt is-sistema tas-CET minħabba li ma kienu jingħataw ebda refunds. Bħalissa għaddejja ħidma sħiħa mid-Dipartiment taħt il-Ministeru tas-Servizzi Ekonomiċi biex issir sorveljanza fuq ċaqliq ta` prezzijiet. Id-dipartiment tal-VAT ukoll qed jibgħat għadd ta` spetturi fi ħwienet u tabbilimenti biex jaraw li kull ċaqliq fil-prezzijiet ikun ġustifikat u jkun jirrifletti r-rati l-ġodda ta` taxxa anke fejn il-prezzijiet suppost jorħsu.
Leg 9 PQ #3423 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru tal-Finanzi

Borza ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jelabora dwar il-pjan li kien hemm sabiex il-Borsa ta' Malta titrasloka għal post ġdid f'Garrison Church fi Pjazza Castille? Jekk għad hemm dan il-ħsieb, meta huwa maħsub li se jitwettaq?

Response (DALLI, JOHN)

Il-ħsieb li l-Borża ta` Malta tiġi allokata post ġdid fil-Garrison Church f`Pjazza Kastillja jmur lura minn mindu beda n-negozju fuq il-Borza fl-1992. Pero`, kif jaf l-Onorevoli Membru, il-post ma setgħax jiġi rijabilitat qabel ma jiġi vakat mill-impjegati kollha tal-Posta. Fil-fatt, jien infurmat, li l-Posta għad fadlilha sezzjoni zgħira ta` mpjegati li tieħu ħsieb il-PO Boxes tal-Belt. Madanakollu, il-Kunsill tal-Borża ħa ħsieb jagħmel u jipprepara dak kollu li hu meħtieġ biex ikun f`pożizzjoni li meta joħorġu l-permessi neċessarji, u l-post ikun vakat għall-kollox, ix-xogħol jibda bla dewmien. Kif wieħed jista jantiċipa, il-preparazzjonijiet riedu jassiguraw li jiġu salvagwardjat il-valur storiku tal-post u tad-dintorni u għalhekk kien hemm il-ħtieġa li jintlaħaq ftehim, kemm ma` l-HAC u l-VRP, minbarra minn mal-PA. Jien infurmat li jidher li soluzzjonijiet li jissodisfaw l-partijiet kollha konċernati issa nstabu l-permessi neċessarji mistennijja li jinħarġu. Naħseb li l-Onorevoli Membru jifhem allura li l-ħsieb li jitwettaq il-proġett għadu hemm.