Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #17332 Sitting 325 2000-06-26 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

CCF — Priġunieri

Question

B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari numru 17154 il-perijodu li dwaru qed tintalab l-informazzjoni huwa minn Settembru, 1998 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta` priġunieri li ħarbu minn Settembru ta` l-1998 sas-16 ta` Ġunju tas-sena 2000 kien ta` 8. Tnejn minnhom ħarbu darbtejn. Dwar it-tieni, it-tielet u r-raba` partijiet tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward ta` passi kriminali, ninsab infurmat li dawk li nqabdu kollha tressqu l-Qorti u ġew mixlija b`diversi akkużi, ħlief dawk li għamlu l-aħħar ħarba li għadhom ma tressqux il-Qorti. Dwar il-passi dixxiplinari meħuda mill-Awtoritajiet tal-Ħabs ninsab infurmat kif ġej : - Ħarba tas-7 ta` Frar 2000 - Minbarra li tilfu l-privileġġi, tilfu wkoll 360 ġurnata remission kull wieħed Ħarba tad-29 ta` Marzu 2000 - Minbarra li tilfu l-privileġġi, tilfu wkoll 1,810 ġranet ta` remission kull wieħed Ħarba tas-7 ta` Ġunju 2000 - Għadhom ma ġewx imressqa quddiem il-Bord tad-Dixxiplina
Leg 9 PQ #17334 Sitting 325 2000-06-26 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Bord tat-Traffiku — Membru

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord tat-traffiku? Min kienu l-membri tal-bordijiet minn Settembru, 1998 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Il-bord li rreferiet għalih l-Onor. Interpellanti ma jaqax taħt ir-responsabbilita` tad-dekasteru ta` l-Intern u għalhekk nitlobha biex tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #17340 Sitting 325 2000-06-26 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ħarbiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' ħarbiet ta' persuni minn postijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-pulizija fil-perijodu ta' bejn Ottubru 1996 u Lulju 1998 u jgħid ukoll minn liema taqsimiet saru dawn il-ħarbiet, fosthom mid-depot tal-pulizija, mill-kampus ta' l-SAG u mil-lock up tal-pulizija fl-ajruport ta' Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul il-perijodu speċifikat mill-Onor. Interpellanti minn riċerka manwali ta` records tal-Pulizija jirriżulta li kien hemm 12-il persuna li ħarbu minn postijiet ta` kustodja li jaqgħu taħt ir-responsabbilita` tal-Pulizija. Dawn kienu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #17365 Sitting 325 2000-06-26 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Priġunieri — Allegazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li għandi li priġunieri għamlu allegazzjonijiet fil-konfront ta' dak li kien l-assistant manager tal-ħabs Aron Haroun dwar il-ħarba tal-Libjan Azzabi? Jekk iva, saret investigazzjoni? X'irriżulta mill-investigazzjoni? Jekk irriżulta li dawn kienu infondati, x'passi ttieħdu kontra min għamilhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li kull informazzjoni tiġi minn fejn tiġi u dik li wasslet għand l-Awtoritajiet tal-Ħabs, dwar il-ħarba ta` Azzabi ġiet mgħoddija lill-Pulizija biex tiġi nvestigata.
Leg 9 PQ #17374 Sitting 325 2000-06-26 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA — PA 929/00

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala minkejja li nħarġet enforcement notice fuq xogħlijiet li m'humiex qegħdin isiru skond il-permess (PA 929/00), dawn l-istess xogħlijiet tħallew jitkomplew u ma ġewx imwaqqfa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Jiena nfurmat mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar illi kien għadu ma nħareġ l-ebda avviż biex Tieqaf u tat-Twettiq dwar dan l-iżvilupp. Dan peress illi meta l-'Enforcement Officer' kien informa lil Kummissjoni tal-Kontrol dwar l-Iżvilupp (DCC) dwar xi nuqqasijiet minimi waqt il-kostruzzjoni, id-DCC imponiet multa fuq l-iżvilluppatur mingħajr il-bżonn li jinħareġ l-avviż tat-Twettieq (PA 6857/98). Din tħallset fiż-żmien qasir meta 'mbagħad inħareġ il-permess relattiv'. Fil-frattemp inbidlu s-sidien fejn riċentament ġiet sottomessa applikazzjoni ġdida għal tibdil strutturali intern kif ukoll modifikazzjoni fis-'side curtilage' (PA 929/00) liema applikazzjoni sal-lum għada fi stadju ta` proċess. Ġie nnotat ukoll li l-perit inkarigat issottometta żewġ notifiki bil-GDO sabiex jipprova jissanzjona t-tibdiliet. Fiż-żewġ każi r-risposta kienet negattiva minn naħa tad-Direttorat peress li x-xogħol indikat ma kienx jikkwalifika taħt dan l-avviż Legali (LN 137/97). Jirriżulta ukoll illi riċentament inbdew xi xogħlijiet fis-side curtilage meta l-applikazzjoni PA 929/00 għadha qed tiġi pproċessata. Għaldaqstant ġie mwaqqaf ix-xogħol verbalment fuq is-sit sa ma jsiru l-investigazzjonijiet neċessarji u fil-preżent qed jinħareġ Avviż skond kif titlob il-liġi (ECF 692/00). Is-Sezzjoni ta` l-Infurzar ser tassigura illi x-xogħol jibqa` wieqaf sakemm ikun hemm deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni PA 929/00.
Leg 9 PQ #17180 Sitting 324 2000-06-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — San Ġiljan - Sinjali tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar indaħlet f'deċiżjoni li kienet ittieħdet mit-Traffic Control Board rigward yellow lines quddiem Cloister Walk Appartments fi Triq il-Karmnu, San Ġiljan, b'konsegwenza li l-imsemmija yellow lines wara li kienu diġa' ġew miżbugħa kellhom jitneħħew?

Response (BORG, TONIO)

Wara talba mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru f`Ottubru, 1997, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar investigat il-każ u tat parir lit-Traffic Control Board biex jirrikonsidra d-deċiżjoni tiegħu biex jitqegħdu double yellow lines fuq il-faċċata tat-triq tad-dħul tal-garaxx fil-Cloister Walk, Carmel Street, San Ġiljan. Il-każ kien ukoll investigat mill-Ombudsman fil-każijiet numri 1912 u 2192 fl-1988.
Leg 9 PQ #17210 Sitting 324 2000-06-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Vakanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx vakanzi fil-korp tal-pulizija fil-grad ta' A/C, supretendent, spettur, surġent maġġur u surġent?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li jeżistu vakanzi fid-diversi rankijiet tal-Korp tal-Pulizija.
Leg 9 PQ #17263 Sitting 324 2000-06-23 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Intern

Birkirkara — Għassa - Bozza

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tinbidel il-bozza maqtugħa li hemm fil-fanal imdendel ma' l-għassa ta' Birkirkara, liema fanal ilu ma jixgħelx għal kważi sentejn u dan b'detriment għall-persuni li jagħmlu użu minn din l-għassa kif ukoll għall-pulizija li jaħdmu fl-istess għassa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li x-xogħol meħtieġ sar.
Leg 9 PQ #17264 Sitting 324 2000-06-23 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Manoel Island/Tigne — Periti

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-periti Maltin inkarigati mill-proġett ta' Manoel Island u Tigne' Point kif sottomess lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

B`referenza għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16564 ma nemminx li hemm ħtieġa ta` mistoqsija parlamentari sabiex jiġi ottenut dan it-tagħrif. Din l-informazzjoni hija aċċessibli għal kull persuna mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar. Bl-emendi ta` l-1997 ġie ristrett l-aċċess għall-pjanti, ħlief għall-periti, iżda t-tagħrif normali bħall-isem tal-applikant u l-perit xorta jingħata.
Leg 9 PQ #17267 Sitting 324 2000-06-23 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs — Priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament kien stazzjonat fil-ħabs ta' Kordin? Kemm ħa salarju, allowances u overtime kemm ilu fil-ħabs ta' Kordin? Xi kwalifiki għandu fejn tidħol sigurta'? Qatt kellu inċidenti b'arma tan-nar waqt li kien għassa fil-Fgura? L-arma kienet waħda liċenzjata? X'passi ttieħdu dwar dan il-każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-persuna li rreferit għaliha l-Onor. Interpellanti, ilha stazzjonata l-ħabs mill-21 ta` April, 1995. Dwar is-salarju, allowances u overtime li din il-persuna tħallset kemm ilha taħdem il-ħabs ċioe` minn April 1995 sa Mejju 2000, ninsab infurmat kif ġej : - Salarju Allowances Overtime Lm Lm Lm 1995 2,849 856 1,351 1996 4,011 1,498 2,856 1997 4,215 1,582 3,536 1998 4,407 2,000 4,284 1999 4,619 1,475 2,967 2000 1,970 665 1,431 Dwar it-tielet parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-persuna msemmija dejjem ħadmet fuq xogħol ta` sigurta` kemm ilha fil-Korp tal-Pulizija u kienet attendiet diversi korsijiet li jirrigwardjaw is-sigurta`. Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija ninsab infurmat li din il-persuna kienet weġgħet waqt li kienet qed timmanipula arma tan-nar, liema arma kienet liċenzjata. Ninsab infurmat ukoll li dwar l-inċident imsemmi kienet saret inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa.
Leg 9 PQ #17063 Sitting 323 2000-06-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Gwardjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni impjegati bħala gwardjani tal-ħabs illum u kemm hemm postijiet vakanti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta` persuni impjegati bħala gwardjani tal-ħabs fil-preżent hu ta` 158 filwaqt li n-numru ta` vakanzi hu ta` 33. Ta` min jgħid ukoll li f`Novembru ta` l-1999 kienet saret sejħa mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku għal postijiet ta` gwardjani. Kienu applikaw 199 persuna li ilkoll sarilhom eżami mediku u interview. Minn dawn intagħżlu 56 u dawn ġew imsejħa biex jibdew il-kors ta` taħriġ skond is-sejħa ta` l-applikazzjoni. 20 minn dawn il-56 persuna għażlu li ma jkomplux u għalhekk in-numru ta` dawk li qed jitħarrġu hu ta` 36. Il-vakanzi msemmija jkunu jistgħu jimtlew meta jintemm il-kors.
Leg 9 PQ #17064 Sitting 323 2000-06-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħabsin li qattgħu xi żmien f'solitary confinement is-sena l-oħra u din is-sena? Kemm damu f'kull każ u għaliex weħlu dan il-kastig?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul l-1999 u matul din is-sena ma kien hemm l-ebda priġunier li nżamm f`solitary confinement.
Leg 9 PQ #17151 Sitting 323 2000-06-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Sit f'Princess Margaret Str, Ta' Xbiex

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-pulizija kontra sid is-sit mhux żviluppat li hemm ġo Princess Margaret Street, Ta' Xbiex kantuniera ma' Triq G. Cali talli dan ma tellgħax ħajt madwar is-sit kif titlob il-liġi u ma naddafx is-sit kif titlob il-liġi? Dan is-sit kif inhu kien u huwa ta' periklu.

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li wara li s-sid naqas li jnaddaf dan is-sit u jtella` ħajt, il-Pulizija qed tieħu passi quddiem il-Qorti skond il-liġi.
Leg 9 PQ #17152 Sitting 323 2000-06-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Immigration Officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se joħorġu l-applikazzjonijiet ta' Immigration Officers? Hemm ħsieb li jiġu mpjegati uffiċjali ġodda fi żmien qarib, u jekk iva, meta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li m`hemmx l-intenzjoni li toħroġ applikazzjoni ġdida għall-Immigration Officers fil-futur qarib.
Leg 9 PQ #17209 Sitting 323 2000-06-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Supretendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux kull distrett għandu supretendent tal-pulizija? Jekk f'xi każ ir-risposta hija fin-negattiv, jista' jgħid x'inhi r-raġuni wara dan in-nuqqas?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16825.
Leg 9 PQ #17226 Sitting 323 2000-06-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Birkirkara — Sqaq il-Vitorja

Question

Jista' l-Ministru jistħarreġ ilmenti li qed isiru minn residenti ta' Sqaq il-Vitorja, Birkirkara, dwar inkonvenjenti speċjalment ta' saħħa, minħabba trobbija ta' żwiemel u ż-żamma ta' tagħmir industrijali (cranes) fl-inħawi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mill-investigazzjonijiet li għamlet l-Awtorita` ta` l-Ippjanar seta` jiġi kkonfermat li ġewwa Sqaq il-Vitorja, B`Kara, jinstab 'crane' żgħir ipparkjat f`nofs is-sqaq. Dan l-apparat qed jintuża minn resident ta` l-istess sqaq li qed jibdel xi soqfa perikolużi fir-residenza tiegħu. Waqt li s-sezzjoni ta` l-Infurzar ta` l-Awtorita` qed tkompli tinvestiga dwar dan l-iżvilupp, l-istess sezzjoni ġiet infurmata li l-Pulizija qed tinvestiga minn naħa tagħha dwar l-ingombru tal-'crane' fejn il-persuna ikkonċernata ġiet imwissija. Dwar il-parti l-oħra tal-Mistoqsija jirriżulta li ġewwa remissa li tinsab fil-viċin qed jinżamm żiemel tas-serkin minn wieħed dilettant. Minn informazzjoni li nkisbet jirriżulta li din ir-remissa ilha tintuża għal dan l-iskop minn żmien ilu. Għaldaqstant ma jirriżultax ksur ta` l-Att Nru. 1 ta` l-1992 dwar l-Ippjanar. Dwar l-allegat inkonvenjent dwar is-saħħa pubblika nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #17228 Sitting 323 2000-06-23 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs — Inċidenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-1987 'il hawn kemm-il inċident kien hemm fil-ħabs fejn ittieħdu passi kemm kriminali jew inkella dixxiplinarji fil-konfront tal-priġunieri nvoluti? Meta ġraw u x'kienu l-każi? X'passi ttieħdu kontra min wettaq dawn l-inċidenti każ b'każ? Kemm-il każ kien hemm li persuni kellhom jingħataw għajnuna medika minħabba xi ġrieħi li ġarrbu f'dawn l-inċidenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti jirrikjedi ħafna żmien biex jinġabar u għalhekk Tweġiba tingħata meta jinġabar.
Leg 9 PQ #17229 Sitting 323 2000-06-23 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs — Testijiet - Droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar sena u nofs kemm-il test għad-droga sar fuq priġunieri? Meta saru dawn it-testijiet? Kemm irriżulta f'kull okkażjoni li kienu pożittivi għad-droga? F'liema diviżjoni kienu l-priġunieri li nstabu pożittivi għad-droga?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti għall-ewwel tlett partijiet tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub.
Leg 9 PQ #17230 Sitting 323 2000-06-23 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs — Droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-1987 'l hawn kemm kien hemm sejbiet ta' droga fil-ħabs? Meta saru dawn is-sejbiet? Kemm kien l-ammont u ta' liema tip ta' droga, għand min instabu u x'passi ttieħdu f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti jirrikjedi ħafna żmien biex jinġabar u għalhekk Tweġiba tingħata meta jinġabar.
Leg 9 PQ #17231 Sitting 323 2000-06-23 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs — Mewt

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il mewt kien hemm fil-ħabs mill-1971 'l hawn? X'kienet il-kawża tal-mewt?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mill-1971 `l hawn kien hemm żewġ imwiet fil-ħabs li seħħew kif ġej : Fl-1986 u l-kawża tal-mewt kienet suwiċidju (instab mgħallaq fiċ-ċella tiegħu) Fl-1995 u l-kawża tal-mewt kienet Pulmonary Odema (fatal methadone poisoning)