Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Kirkop — Kulleġġ San Benedittu

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien jieħu iktar żmien, jekk hu l-każ, il-bini tal-kulleġġ San Benedittu ta' Ħal Kirkop li kieku sar mhux mill-Fondazzjoni għall-iskejjel t'Għada?

Response (GALEA, LOUIS)

Huwa diffiċli wieħed jgħid kemm kien idum il-proġett ta' bini ta' l-iskola ġdida sekondarja subien fil-Kulleġġ San Benedittu kieku ma kienx hemm il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada. Wieħed pero' jista jinnota illi:- (i) kien hemm pjan ta' żvilupp (major refurbishment and upgrading programme) ta' l-iskola kollha ta' Sir Adrian Dingli Girls Junior Lyceum, fejn kien qiegħed jiġi pproġġettat illi dan ix-xogħol li beda fl-1997/8 kellu jitlesta fl-2011 (fil-fatt l-iskola tlestiet fiż-żmien sentejn mill-FTS), u (ii) kien hemm il-bini ta' skola ġdida Santa Lucija li damet 'il fuq minn sebgħa snin biex tlestiet, filwaqt illi din l-iskola sekondarja ġdida San Benedittu ser tkun tlestiet f'inqas minn tlett snin, u bi spiża ferm inqas ukoll.

Universita' — Korsijiet

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14754 u jgħid kemm hemm studenti fl-universita` li bħalissa qed isegwu full-time course? Kemm huma l-istudenti li bdew full-time course minn din is-sena akkademika? Jista’ jgħid ukoll kemm huma l-istudenti Għawdxin, inkluż dawk li se jibdew din is-sena, li bħalissa qed isegwu kors full-time fl-Universita` ta' Malta? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu l-istudenti li kull sena bejn is-sena 2000 u din is-sena li applikaw biex jibdew isegwu kors ta' - -Bachelor of Science (Business & Computing) ; -Bachelor of Science (Hons) Information Technology; -Bachelor of Science (Hons) - Biology, Chemistry, Mathematics, Physics, Statistics & Operations Research, Computer Science; -Informatics Bachelor of Engineering (Hons); -Bachelor of Education/ PGCE - Biology, Chemistry, Physics, Mathematics, Computer; Jista’ jgħid minn meta beda jkun applikat it-test tal-mezzi u kemm kienu sena b'sena l-istudenti li bbenefikaw minnu? Fiex jikkonsisti dan it-test tal-mezzi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li qed jattendu l-Universita' full-time kors huwa ta' 6818. In-numru ta' studenti li bdew din is-sena full-time kors huwa ta' 2292. Informat ukoll li n-numru ta' studenti Għawdxin li qed isegwu kors full-time huwa ta' 653. Tagħrif dwar n-numru ra' studenti li bdew isegwu il-korsijiet imsemmija fis-snin 2000 sa 2005, ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Informat li t-test tal-mezzi beda jkun applikat fis-sena 2000. Il-kriterju ġenerali hu li jekk id-dħul fil-familja ta' l-applikant ikun ta' anqas minn Lm4,000 fis-sena t-talba tkun milqugħa. Iżda l-policy li stabilixxa l-Bord hi li jekk wara li jkun eżaminat kollox, l-istudent jipprova li jinħtieġlu għajnuna biex ikun jista' jkompli l-istudji tiegħu l-każ ikun kunsidrat pożittivament. In-numru li bbenefikaw minn din l-għajnuna kien hekk: Sena Studenti 2000/1 212 2001/2 228 2002/3 233 2003/4 245 2004/5 260

Studji terzjarji

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14755 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-projections u kif inħadmu ta’ kemm huwa maħsub li jkun hemm studenti li jkomplu l-istudji terzjarji tagħhom sena b’sena, għas-snin li ġejjin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-mira ta' parteċipazzjoni ta' studenti fil-livell post sekondarju, vokazzjonali u terzjarju tinħadem fuq bażi storika, li turi li fl-aħħar sitt snin żgħażagħ li komplew l-istudju/taħriġ sa 19 il-sena tela' minn 31% fl-1999 għal 44% fl-2004, u fuq il-politika tal-Gvern li qed isegwi il-miri ta' l-Agenda ta' Lisbona.

Universita' — Studenti

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14756 u jgħid kemm daħlu studenti fl-Universita` fl-ewwel sena akkademika li bdiet f’dawn il-jiem u dan separatament skond il-kors magħżul minnhom? Jista’ jgħid kemm huma l-istudenti Għawdxin ta’ l-ewwel sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li skond l-applikazzjonijiet deċiżi s'issa, din is-sena daħlu 2,634 student fl-Universita' ta' Malta li minnhom 277 huma Għawdxin. Tagħrif dwar il-kors u n-numru ta' studenti ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pembroke — Skola Sir Luigi Preziosi

Question

Jista' il-Ministru jara humiex minnhom ir-rapporti li wasluli li t-tfal kollha li jattendu Form II ta' l-iskola Sir Luigi Preziosi ta' Pembroke għandhom il-kotba tal-Malti u tal-Ġeografija mqattgħin u maħmuġin li żgur ma jħajrux lit-tfal jinġibdu lejn il-kotba? Jista' jirrimedja s-sitwazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser nassigura li l-ilment jiġi mistħarreġ u li jittieħdu l-passi meħtieġa.

Tagħlim ta' l-Ingliż — Monitoring board

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul is-sena 2005 - Jannar/Settembru - kemm-il darba ltaqa' il-monitoring board tas-settur TEFL f'pajjiżna u kemm-il skola żar bi spezzjoni dwar it-tagħlim ta' l-Ingliż bejn Jannar u Settembru 2005?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn Jannar sa Settembru 2005 il-Board ta' Sorveljanza tat-Tagħlim ta' l-Ingliż bħala Lingwa Barranija ltaqa' sitt darbiet. Fl-istess żmien il-Bord żar, kull meta ħass il-ħtieġa, l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż bħala lingwa Barranija, inkluż skejjel ġodda li kollha illum għandhom il-liċenzji kif titlob il-liġi.

Skola primarja tal-Mellieħa

Question

Jista' il-Ministru jivverifika jekk xi ħadd fl-iskola primarja tal-Mellieħa ordnax li t-tfal ta' klassi 5A m'għandhomx jitħalltu mat-tfal ta' klassi 5B waqt il-break u jekk din l-ordni ngħatat titreġġa' lura għax huwa disedukattiv li dan iseħħ qalb it-tfal?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 15009 f'Seduta 308.

Skola primarja tal-Mellieħa

Question

Jista' il-Ministru jara li jittieħdu passi biex jieqaf ix-xogħol li għaddej fl-iskola primarja tal-Mellieħa minħabba t-trabijiet u r-riħa taż-żebgħa li qed iħarbtu l-edukazzjoni tat-tfal li jattendu din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija numru 15008.

Ministeru/diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Ħaddiema

Question

Jista’ il-Ministru jghid jekk hemmx fid-Diviżjoni jew fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni persuni li għalqu l-eta` ta’ 61 sena u għadhom jaħdmu? Jista’ jgħid ukoll min huma u x’xogħol qed jagħmlu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li la fil-Ministeru u lanqas fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma hemm persuni b'impjieg full-time li għandhom aktar minn 61 sena. Informat ukoll li fil-Ministeru u fid-Diviżjoni hemm numru ta' persuni ta' 'l fuq minn 61 sena li jaħdmu fuq bażi part-time. Dawn jinkludu: Ministeru ta' l-Edukazzjoni: 2 Konsulenti fil-Policy Unit tal-Ministeru Konsulent fid-Dipartiment għall-Affarijiet Ewropej tal-Ministeru Kanċillier ta' l-Universita' Ombudsman ta' l-Universita' Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni Persuna involuta fi proġett ta' kompjuterizzazzjoni tal-libreriji ta' l-iskejjel Persuna fuq żewġ proġetti ta' riċerka 2 persuni fuq tagħlim fl-iskejjel 2 persuni fuq xogħol kurrikulari 28 persuna fil-programm ta' l-evening classes.

Birżebbugia — Skola primarja

Question

Jista’ il-Ministru jara li fi Triq Zaren Dalli ġewwa Birżebbugia meta jkunu ħerġin it-tfal mill-iskola primarja ma jkunx hemm karozzi privati fejn mhux suppost minħabba li skond rapporti li għandi dawn qed ifixklu t-trasport ta’ l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Tlabt li l-materja titqanqal mal-Kummissarju tal-Pulizija.

Skola ta' l-Istat tal-Mellieħa

Question

Jista' il-Ministru jinformana għaliex fl-iskola ta' l-Istat tal-Mellieħa xogħlijiet ta' infrastruttura eċċ. qed isiru issa u ma sarux meta l-iskola kienet magħluqa? Ma jħossx il-Ministru li dan huwa inkonvenjent żejjed u bla sens fuq l-istudenti li jattendu f'din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħlijet ta' tiswijiet strutturali li għamlet l-FTS matul dan is-sajf fl-iskola primarja Marija Bambina, Mellieha, tlestew qabel il-bidu tas-sena skolastika, jiġifieri qabel is-26 ta' Settembru 2005. Informat ukoll li xogħol ta' tibjid u żebgħa fil-kurriduri arjużi li qed iwettqu ħaddiema tat-Taqsima tal-Maintenance tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, u mhux ta' l-FTS, bl-ebda mod m'huma qed ifixklu t-tagħlim ta' l-istudenti jew huma ta' xi inkonvenjent.

Skola tal-Mellieħa

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-istudenti ta' Year 5A fil-Mellieħa ġew imwissja minn għalliema partikolari biex ma jitħaltux ma' l-istudenti ta' Year 5B waqt il-ħin tal-break ta' l-iskola? Jista' il-Ministru jinvestiga l-każ u jara li ssir attivita' bejn iż-żewġ klassijiet ħalli dak li nżera' f'moħħ dawn l-istudenti jintesa għall-ġid tagħhom stess?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kap ta' l-Iskola nediet skema biex waqt il-break tfal minn klassijiet differenti jipparteċipaw f'diversi attivitajiet bħal choir, green fingers, etċ. B'hekk it-tfal ikunu jistgħu jitħalltu.

Skola primarja tal-Mellieħa

Question

Jista' il-Ministru jara li jittieħdu passi biex tifel li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament,fl-iskola primarja tal-Mellieħa, jiġi trattat tajjeb u ma jibqax jitqies scapegoat u jeħel hu b'li jiġri għax qed titħarbatlu l-edukazzjoni tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskola qed ittih l-għajnuna ta' Art Therapist kull ġimgħa. Din il-ġimgħa stess il-Kap ta' l-Iskola flimkien ma' l-Assistent Kapijiet u l-għalliem tal-klassi baqgħu wara l-ħin biex jiddiskutu ma' omm it-tifel għax ma tkunx tista' tmur l-iskola waqt il-ħin normali ta' l-iskola. L-iskola ħadet passi biex jingħata wkoll għajnuna mill-Counsellor. Barra minnhekk dan it-tifel qiegħed fi klassi żgħira biex jingħata attenzjoni individwali. Ma jidhirlix li dan is-servizz iwassal għal xi "trattament qisu ta' scapegoat".

Universita' — Proġetti tal-European Social Fund u European Regional Dev. Fund

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk l-Universita ta' Malta għandhiex pjani li tapplika għal/tinizjala proġetti tal-European Social Fund u l-European Regional Development Fund, jew xi fondi oħra, fl-2005 u 2006? Jekk iva, liema huma?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Universita' ta' Malta diġa' qed tipparteċipa fi proġetti tal-European Social Funds u Regional Development Funds. L-azzjonijiet li l-Universita' qed tipparteċipa fihom huma dawn: Interreg III Stands A,B and C Italia - Malta Programme MEDOCC Programme ARCHIMED Programme Il-parteċipazzjoni ta' l-Universita' hija kemm fil-livell ta' proġetti li ġew ippreżentati u aċċettati għall-fondi mill-Unjoni Ewropeja, kif ukoll fil-livell ta' proposti li qegħdin jiġu evalwati jew qegħdin jiġu ppreparati biex jiġu ppreżentati. Fost il-proġetti li l-Universita' qed tipparteċipa fihom hemm dawn: S3C - Cultura, Competitividad, Creatividad; A.T.M.O.S.net - Aerobiological Territorial Mediterranean-Oriental Systemic network; Re.Wa.Man. - INTEGRATED AND SUSTAINABLE WATER RESOURCES MANAGEMENT IN MEDITERRANEAN COUNTRIES WITH A PILOT PLANT APPLICATION; ISOLA BELLA ; LA STORIA VIVENTE ; GORI - emergenza acqua PROSMORIF - Programma smaltimento ordinato dei rifiuti normali e straordinari; VAPOSVEA - Valutazione Possibilita' di Sviluppo delle Energie Alternative; PROTUTIN - Promozione Turismo "tematico" integrato Sicilia - Malta; TOLLERANZA E CONVIVENZA: RADICAZIONE E DIFFERENZA NELLA CIVILTA' MEDITERRANEA (RA.DI.CI.) CREAZIONE DELL'UNIVERSITA' DELLE COESISTENZE; ANTICHE MEMORIE DI ANTICHE CULTURE DA ARCHIVIARE (A.M.A.C.A.) KOINE' ARCHEOLOGICA DI SAPIENTE ANTICHITA' (K.A.S.A.) - MEMORIA ARCHEOLOGICA TRA MALTA E SICILIA; ARCHEOMED - Patrimoine Culturel Maritime de la Mediterranee. Il-Parteċipazzjoni fil-proġetti tal-European Social and Regional Development Funds hija marbuta wkoll mal-cofunding mogħti mill-PPCD ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Fgura Football Club — Għoti ta' art

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li art li tinsab biswit is-swar tingħata b’ċens jew kera lill-Fgura Football Club? Jista’ jgħid jekk hemmx talba pendenti għal dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-Isport qed jikkonsidra t-talba tal-Fgura Football Club. Deċiżjoni jekk l-art hux ser tingħata, u jekk fl-affermattiv, jekk hux b'ċens jew kera tittieħed mill-Kummissarju ta' l-artijiet.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Żieda fil-prezz tal-fuel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14745 u jgħid kemm hu kkalkolat li tiswa lid-dipartimenti/entitajiet, eċċ taħt id-dekasteru tal-ministeru l-ispiża ta' 4c fuq l-għoli tal-prezz ta' fuel li rriżultat nhar it-Tnejn 3 ta' Ottubru, 2005?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab informat li tagħrif dwar l-ETC għadu qed jinġabar u jingħata f'xi Seduta oħra.

Ħal Tarxien — Skola tal-kindergarten

Question

Jista' il-Ministru jara li jsir maintenance fl-iskola tal-kindergarten fi School Street, Tarxien minħabba t-traskuraġni li hemm fiha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li wara li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada rċeviet l-Intervention Request Form inxtara l-materjal u x-xogħol se jinbeda.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Ikliet u riċevimenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'hospitality f'ristoranti/lukandi bejn Jannar 2004 u Settembru 2005? Kemm minn dawn kienu jaqbżu l-Lm150?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bejn Jannar 2004 u Settembru 2005 l-ammont mitlub huwa ta' Lm 5365.74. Minn dan l-ammont Lm 3072.82 hu dovut għal trattament ta' delegazzjonijiet barranin fejn il-kont kien jaqbeż il-Lm 150.

MCAST — proġetti tal-European Social Fund/European Regional Dev. Fund

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk l-MCAST għandhiex pjanijiet li tapplika għal/tinizjala proġetti tal-European Social Fund u l-European Regional Development Fund fl-2005 u 2006? Jekk iva, liema huma?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-MCAST diġa jipparteċipaw fi programmi taħt il-Fondi Strutturali Ewropej. Il-Kulleġġ beda jipparteċipa f’dawn il-programmi minn Frar 2005 u ppjanat li jibqgħu sejrin sa’ Diċembru 2006. Il-programmi huma dawn: ESF 11: Kors ta’ taħriġ fis-snajja tradizzjonali Maltin ESF 12: Kors ta’ taħriġ u titjib fil-ħiliet marbuta ma’ l-industrija ta’ l-Inġinerija Mekkanika (CNCs) ESF 13: Kors ta’ taħriġ u titjib fil-ħiliet marbuta ma’ l-industrija ta’ l-Elettronika ESF 14: Kors fil-ħiliet li jeħtieġu n-nisa li jkunu jixtiequ jerġgħu lura għad- dinja tax-xogħol ESF 15: Kors ta’ taħriġ u titjib fil-ħiliet marbuta ma’ l-bini u l-kostruzzjoni ESF 16: Kors għall-adulti li m’għandhomx kwalifiki formali MCAST għandu erba’ proġetti relatati mal-European Regional Development Fund (ERDF) fl-2005 u 2006 li huma: ERDF 9: Twaqqif ta’ Ċentru għat-tfal żgħar f’Kordin. ERDF 13: Kostruzzjoni ta’ Fabrication u Electrical Workshops fiċ-Ċentru ta’ l-MCAST f’Għawdex - Xewkija, u t-tagħmir tagħhom. L-iżvilupp ta’ l-Istitut tas-Servizzi fil-Komunita u t-tagħmir ta’ l-istess bini f’Kordin ERDF 25: Provvista u stallazzjoni ta’ għamara, tagħmir u Library Management Software fil-Librerija u fiċ-Ċentru tar-Riżorsi f’Kordin ERDF 26: Provvista ta’ Didactic Equipment għall-Motor Vehicle Training Programmes fl-Istitut ta’ l-Inġinerija Mekkanika, Kordin

Skejjel — kapijiet/assistenti kapijiet u għalliema

Question

Jista’ il-Ministru jghid kemm–il kap ta’ skola, assistenti kapijiet u għalliem/a separatament huma mistennija li jispiċċaw mis-servizz mal-Gvern fis-sena skolastika li qegħdin fiha għaliex ikunu laħqu l-eta` tal-pensjoni? Liema huma s-suġġetti li jgħallmu u f’liema livell ta’skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għadd ta' impjegati li se jirtiraw bl-eta' ta' 61 sena fis-sena skolastika 2005/06 fil-gradi imsemmija hu: Kap ta' skola: 12 Assistent Kap: 17 Għalliema: 44 It-tagħrif dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija għad irid jinġabar.