Jista' l-Ministru jara li tintlaqa t-talba ta ħafna studenti li jkollhom lockers fl-iskola Guze D'Amato Secondary School, Raħal Ġdid
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-Iskola Sekondarja Ġuże` D'Amato qatt ma kienu kkunsidrati lockers għat-tfal. L-ewwelnett hemm il-problema ta' l-ispazju u barra minn hekk, l-iskola għandha prioritajiet oħrajn li huma aktar vantaġġużi għat-tfal.
Jistax il-Ministru b'referenza għad-domanda numru 29868 jinforma l-kamra kif dawn intefqu skola skola u huwiex possibli jiġi indikat l-lingwa tal-kotba mixtrija?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 29932, possibli li d-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni tinnotta li biex it-tfal jimxu sa l-iskola meta tkun ix-xita jsiru għasra jridu joqgħodu imxarrba il-jum kolluĠ
Peress li skejjel oħra ġustament għandhom it-triq fejn hemm l-entratura ta' iskola one way jew no entry mentri fil-każ ta' De La Salle nhar it-tlieta filgħodu t-triq minn fejn jidħlu dawn it-tfal mux biss two way iżda jkun hemm fiha kongestjoni ta' traffiku minħabba l-coaches ta' l-iskola, tfal deħlin l-iskoa u traffiku ieħor li ma jistax jgħaddi mit-triq l-oħra minħabba is-suq?
Response (GALEA, LOUIS)
Bħalissa qed nikkonsidraw proposta li ser tiġi diskussa ma' l-awtoritajiet ta' De La Salle biex inkomplu ntaffu s-sitwazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk d-divizjoni ta' l-edukazzjoni tikkunsidrax li l-fatt li l-entratura ewlenija tal-Kulleġġ De La Salle tkun imblukkata kull nhar ta' Tlieta filgħodu u allura mhux aċċessibli, qed joħloq periklu lill-istudenti u għalliema f'każ ta' emerġenza u li dan qed isir bi ksur tal-liġi li tirregola l-iskejjel? Peress li filwaqt li l-bejjiegħa tal-monti għandhom id-drittijiet tagħhom, anki l-istudenti, l-għalliema u l-brothers ta' dan il-kulleġġ għandhom dritt li jkollhom aċċess liberu għall-entratura prinċipali tal-kulleġġ tagħhom, tista' d-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni terġa' tippreżenta l-każ tal-Kulleġġ De La Salle quddiem l-awtoritajiet kompetenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 30310.
Jista' l-Ministru jgħid kemm studenti Għawdxin applikaw għall-eżamijiet tal-Matsec għas-sessjoni ta' Mejju 2002? Kemm f'suġġetti differenti? Kemm f'livelli differenti?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Onor. Membru jaf li għas-sena 2002 l-applikazzjonijiet għadhom qegħdin jiġu milqugħa u għad iridu jkunu pproċessati. Għad irid ikun hemm ukoll sejħa għall-"applikazjonijiet tard".
Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena kemm daħlu studenti għall-korsijiet universitarji f'livell ta' degrees mill-1991 sal-lum? Kemm minn Malta u kemm minn Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinfurmani dwar l-iżviluppi tar-ristrutturar fil-PBS u dwar l-iżviluppi ta' mistoqsija parlamentari nru. 28386?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-negozjati mal-General Workers Union dwar ir-Ristrutturazzjoni fil-PBS u partikolarmet dwar l-Iskema ta' Rtirar Kmieni għadhom għaddejjin.
Jista' l-Ministru jgħid wara li jsiru l-investigazzjoni oppurtuni, jgħid x'ġara min vaska antika li kienet tinsab fil-parapet tal-Knisja li hemm fejn is-Salib fil-kontrada ta' Ħal Millieri?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-vaska li kienet tinsab fuq iz-zuntier tal-Kappella ta' San Ġwann f'Ħal Millieri, bħal issa tinsab ġewwa r-reċint tal-Kappell ta' l-Annunzjata ġewwa l-istess distrett ta' Ħal Millieri. Il-Kappella ta' l-Annunzjata hija preżentament amministrata mill-għaqda kulturali volontarja Din L-Art Ħelwa.
Dan it-trasferiment sar minn Din L-Art Ħelwa fl-2000, minħabba li kien hemm biża' li l-ħaġra tista' tinsteraq. Il-ħaġra in kwistjoni hija propjeta` tal-Knisja u t-trasferiment sar bi qbil mar-Rettur tal-Kappella ta' San Ġwann. Ta' min jinnota ukoll li sas-snin ħamsin, din il-ġebla kienet tinsab ġewwa r-reċint tal-Kappella ta' l-Annunzjata, fejn issa reġgħet ittieħdet fl-2000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-darba ltaqgħa l-board imsemmi f'mistoqsija parlamentari nru. 17933? Jista' jagħti wkoll id-dati ta' meta ltaqgħa? Jista' jgħid jekk jinżammux minuti? Jekk iva jistgħu dawn jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-biċċa l-kbira ta' l-għotjiet lill-għaqdiet sportivi ġew deċiżi wara li l-assoċjazzjonijiet u l-federazzjonijiet issottomettew pjan ta' żvilupp ta' l-isport li jirrappreżentaw. Dawn l-għajnuniet kienu jvarjaw skond il-programmi li kellha kull assoċjazzjoni jew federazzjoni. Kien hemm xi għotjiet oħra li ġew ikkunsidrati individwalment fuq il-meritu taghħom.
Nirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 28719. Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi żviluppi fis-sitwazzjoni ta' dan l-għalliem peress li xi ġenituri qaluli li s'issa t-tfal tagħhom għadhom qed jiġu mgħallma l-Istorja ta' Malta bl-Ingliż u li skond it-tweġiba tiegħek l-ilmenti ilhom isiru aktar minn tlett snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tieħu l-passi meħtieġa fil-limiti ta' l-Att dwar l-Edukazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena s'issa kemm intefaq fuq fuel mill-pixxina nazzjonali biex jissaħħan l-ilma? X'fuel qed jintuża? Kemm mis-somma totali tħallset? Il-kuntratt biex il-pixxina nazzjonali tingħata l-fuel għal kemm-il sena sar? Meta ħarġet l-aħħar sejħa għall-offerti? Min qed jissupplixxi l-fuel lill-pixxina?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-nefqa li saret matul din is-sena fuq fuel mill-Pixxina Nazzjonali s'issa ammontat għal Lm43,483. Minn dan l-ammont tħallsu Lm11,255. Il-fuel li qiegħed jintuża huwa pitrolju. Il-kuntrattur huwa Mark Cassar Fuel Supplies. L-aħħar sejħa għall-offerti saret f'April 2000. Il-kuntratt kien għal perjodu ta' sena li jiġġedded għal perjodu ieħor ta' l-istess żmien bi ftehim miż-żewġ naħat.