Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skema ta’ arti fi spazji pubbliċi

Question

Jista’ jgħid x’kien ir-rispons mill-pubbliku tal-iskema arti fi spazji pubbliċi mħabbra f’dawn l-aħħar xhur? Jista’ l-Ministru jgħid, jekk din l-iskema, kenitx tħabbret fil-passat, u jekk iva, għaliex qatt ma ġiet żviluppata?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rispons minn naħa tal-artisti għall-Proġett Arti fi Spazji Pubbliċi għall-perjodu 2016-2018 kien wieħed inkoraġġanti ħafna. Fil-fatt 25 artist issottomettew 34 proposta artistika. Jien infurmat li xi snin ilu kienet saret kompetizzjoni simili iżda wara li ġew sottomessi numru ta’ proposti l-ebda wieħed mill-proġetti ma kien ġie mplimentat.

Proġett tal-junction tal-Addolorata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett tal-junction tal-Addolorata hux se jibbenefika mill-fondi Ewropej? Jekk iva, kemm se jammontaw dawn il-fondi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tal-Junction tal-Addolorata huwa indikat li jibbenefika mill-Fondi Ewropej partikolari li jistgħu jintużaw biss fuq it-TEN Core Network. Dan il-programm ta’ finanzjament huwa il-Connecting Europe Facility (CEF). Malta applikat għalih u s’issa l-ammont li huwa rakkomandat li jkun approvat mill-Kummissjoni Ewropeja huwa ta’ €38,854,794. Dan huwa 85% tal-istima biex isir l-ewwel nofs tal-proġett u cioe’ dik fid-direzzjoni minn naħa tal-Ajruport lejn il-Belt Valletta. Qed jigi ippjanat li eventwalment issir applikazzjoni oħra għan-nofs l-ieħor tal-proġett.

Trasport Pubbliku – Rotta 21 – inċident l-Imsida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm inċidenti fuq ix-xarabank fuq ir-Rotta 21 fit-8 ta’ Awwissu fit-8.30pm fuq l-istage ħdejn l-għassa tal-pulizija tal-Imsida, meta d-driver saq bla ma ħalla n-nies jpoġġu u b’hekk ikkaġuna inċident fejn mara anzjana ġiet feruta? Jista’ jgħid jekk dan l-inċident kienx imniżżel x’imkien?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni miksuba mingħand l-operatur tat-trasport pubbliku, jirriżulta li ma kien irrappurtat l-ebda inċident hekk kif deskritt f’din il-Mistoqsija. Madanakollu, nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jekk għandu xi informazzjoni addizzjonali fuq dan il-każ, jieħu ħsieb jghaddiha sabiex Transport Malta tkun tista’ tinvestiga dan il-każ f’aktar dettall.

Trasport Pubbliku – Rotta 225 – Pjazza tal-Għargħur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ix-xarabank fuq ir-Rotta 225 li suppost tgħaddi mill-pjazza tal-Għargħur mhijiex tgħaddi iżjed minn hemm? Hemm xi ċans li dan jerġa’ jservi lir-residenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi ir-rotta 225 kienet ġiet introdotta f’Mejju tas-sena 2012, liema rotta kienet ħadet post ir-rotta 23. Infurmat ukoll illi din ir-rotta qatt ma’ serviet il-pjazza tal-Għargħur. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi waqt konsultazzjonijiet li kienu saru mall-Kunsilli Lokali fl-2013 ma kien hemm l-ebda talba mill-kunsill lokali tal-lokalita’ sabiex din ir-rotta tibda isservi l-Għargħur.

Ħal Qormi – Triq il-Kanun – traffic lights

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17808, jista’ l-Ministru jindika minn fejn u kif ir-residenti ta’ din iż-żona jistgħu jaqsmu min-naħa għall-oħra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din hija triq arterjali li mhux disinjata li jaqsmu n-nies minnha.

Is-Siġġiewi – Triq Mons Mikiel Azzopardi – azzjoni biex jitnaqqas il-perikolu

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17807, jista’ l-Ministru jindika x’konklu¿jonijiet kien hemm u x’miżuri ser jittieħdu biex jitnaqqas il-periklu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Immanniġġjar tat-Traffiku reġa’ analizza s-surveys li saru f’din it-triq u kkonferma l-proposti oriġinali li ġew sottomessi lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi f’Marzu ta’ din is-sena. Tali xogħolijiet ser jiġu mplimentati mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi minbarra l-istallazzjoni elettrika tal-pelicn crossing li tali tiġi mplimentata minn Transport Malta meta l-Kunsill ikun implimenta x-xogħolijiet l-oħrajn kollha.

San Pawl il-Baħar – Salini — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol li fadal isir fl-inħawi tas-Salini qrib San Pawl il-Baħar? X’inhu x-xogħol li fadal isir, liem xogħol hu diġà kkuntrattat, u kemm hi stmata li se tkun in-nefqa li għad trid issir? Kemm saru ħlasijiet sa issa fuq dan il-proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellent li x-xogħol li fadal isir hu l-bini ta’ pont ġdid tal-ħadid fl-entratura tas-sit, liema xogħol mistenni jitlesta f’Novembru u huwa mistenni li ġej jiswa €196,626.17 VAT inkluż. Għall-aħħar parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru ikkonċernat.

Triq li tagħti mix-Xemxija għall-Mellieħa – xogħlijiet ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk hux previst li jsir xogħol ta’ manutenzjoni jew tarmak ġdid fit-triq li tagħti mix-Xemxija għall-Mellieħa u li tinkludi ukoll it-telgħa ta’ Selmun, liema triq qed toħloq inkonvenjent għas-sewwieqa li jagħmlu użu minnha peress li tinsab fi stat ħażin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġranet li għaddew saru xogħlijiet ta’ tiswija fit-telgħa tax-Xemxija. Dawn ix-xogħlijiet huma ta’ natura temporanja peress li diversi entitajiet bħalissa għaddejjin b’diskuussjonijiet ta’ kordinazzjoni bejniethom fuq id-diversi interventi ippjanati għal dawn it-toroq.

Ħal Qormi — tindif ta' art

Question

Jista' l-Ministru jara li jitnaddaf biċċa art li tinsab fi Triq il-Belt Valletta ġewwa Ħal Qormi peress li kif indikat fir-ritratti qed jingħataw separatament hemm ammont ta' skart li permezz tiegħu qiegħed jinġemgħu ġrieden u nsetti li qegħdin jikkawżaw rwejjaħ u mard? Kif ukoll, jista' l-Ministru jara li jittella' ċ-ċint li jdawwar din l-art peress li jinsab fi stat perikoluż għal kull min jgħaddi minn quddiem din l-istess art?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ntalbet l-għajnuna ta’ diversi entitajiet u dipartimenti oħra tal-Gvern sabiex jiġi identifikat min hu s-sid ta’ din l-art.

Xogħlijiet fuq it-triq bejn ix-Xemxija u l-Mellieħa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi kien hemm dwar il-mistoqsija parlamentari 16584 u u ċjoè b’referenza għar-risposta tal-mistoqsijiet parlamentari 16160 u 16025 li jikkonċernaw ix-xogħol li għandu bżonn isir fit-triq li minn San Pawl il-Baħar twassal sal-Mellieħa, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk tlestewx, jew almenu jekk inbdewx il-konsultazzjonijiet li suppost għandhom isiru qabel ikun jista’ jsir ix-xogħol neċessarju fuq il-wiċċ tal-istess triq? Jekk inbdew, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif, sa issa, ma’ liema entitajiet saru l-konsultazzjonijier u x’irriżulta minnhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed jinżammu serje ta’ laqgħat mal-entitajiet ikkonċernati (Enemalta, Waterservices, Vodafone, Go, Melita, Dipartiment tad-Drenaġġ). Il-laqgħat bdew fl-Lulju u qed jinżammu regolarment. Minn dawn il-laqgħat ħareġ li hemm bżonn isiru diversi xogħlijiet estensivi minn naħa tal-entitajiet li se jkunu qed jieħdu l-opportunita’ ibiddlu ħafna mis-servizzi tagħhom. Bħal issa qed jitfassal pjan ta’ xogħlijiet biex kemm jista’ jkun l-istess xogħlijiet isiru bl-inqas inkonvenjent għall-persuni li jagħmlu użu minn din it-triq.

Imqabba – Triq Mons. Alfons Caruana – tindif ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jintervjeni permezz tad-Dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu biex parti minn Triq Mons. Alfons Caruana kantuniera ma’ Triq George Martin fl-Imqabba fejn nofs it-triq għadha mhux mibnija, din tiġi mnaddfa u mwittija kif ukoll jittella’ ħajt fuq il-linja hekk kif stabbilit mill-MEPA biex jiġi evitat li jkompli jinġema’ iktar ħmieġ li qed iġib miegħu ħafna ġrieden u konsegwentament t' hekk jista’ wkoll iġib il-mard?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sar tindif mill-Kunsill Lokali Mqabba fiż-żona imsemmija, fejn tneħħa ammont ta’ skart li intrema illegalment. Saret ukoll ħidma mid-Direttorat għat-Tindif sabiex jinqata ħaxix ħażin li kien hemm f’għalqa fil-viċinanzi, li kienet ukoll ta’ periklu sabiex jitqabbdu xi nirien. Infurmat li f’dawn il-ġranet qed jittella’ fencing sabiex idawwar din l-għalqa, ħalli ma jintremix iktar skart f’din iż-żona.

Transport Malta — San Pawl il-Baħar - Patching

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta għamlitx xi spezzjoni fuq ix-xogħol ta' patching (jew major patching) li sar u tħallas mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, matul Marzu/April 2015, f'diversi toroq tal-lokalità? Jekk ma sarux tali spezzjonijiet, jista' l-Ministru jitlob lill-Transport Malta twettaq dawn it-testijiet, u li l-istess riżultati jitqiegħdu fuq il-Mejda tal Kamra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta sa issa għamlet spezzjonijiet waqt ix-xogħlijiet, fuq Triq Busewdien, San Pawl il-Baħar. L-Ispezzjonijiet ta’ Transport Malta saru biex tiġi assikurata li x-xogħlijiet għaddejin skont il-permess maħruġ. Transport Malta għadha qed tistenna r-rapport ta’ konformità tax-xogħlijiet mill-Kunsill Lokali qabel tiddeċiedi hemmx lok għal iżjed kontrolli minn naħa tagħha.

Ir-Rabat – Triq il-Kbira – fanali mitfija

Question

Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni biex il-fanali mitfija li hemm fi Triq il-Kbira, ir-Rabat, Malta jiġu rranġati minnufih?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Policy dwar sewwieqa li jkunu lebsin il-burqa jew in-niqab

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika, u jekk m'hemmx, jaħsibx li għandu jkun hemm policy ta' Transport Malta dwar sewwieqa li jkunu lebsin il-burqa jew in-niqab fejn allura l-wiċċ tas-sewwieqa ma jkunx viżibbli?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li preżentament Transport Malta m’għandha l-ebda policy dwar sewwieqa li jkunu lebsin il-burqa jew in-niqab.

Transport Malta – spezzjoni u testijiet ta’ karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il karozza tal-linja ġew spezzjonati u ttestjati minn Transport Malta minn meta l-Malta Public Transport Ltd għaddiet għand il-kumpanija Spanjola? Kull kemm qed isiru dawn t-testijiet? X'inhuma r-riżultati ta' dawn it-testijiet? Kienu applikati multi minn Transport Malta f'każijiet ta' non-conformity? Għalkemm jammontaw dawn il-multi u għal liema infringements inħarġu dawn il-multi? Kemm flus ġabar s'issa l-Gvern minn dawn il-multi u kemm fadal multi li għadhom mhux imħallsa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Jannar ta’ din is-sena sa l-aħħar t'Awwissu 2015 saru total ta' 2,529 spezzjoni fuq 355 karozzi tal-linja. Dawn it-testijiet isiru fuq bażi ta' kuljum mill-uffiċċjali ta' Transport Malta. Infurmat ukoll illi f' ċertu każijiet li jirrigwardjaw is-saħħa u sigurtà, kien hemm karozzi tal-linja li twaqqfu temporanjament mis-servizz minn Transport Malta sakemm dawn ġew irranġati. Fil-każijiet l-oħra, l-Awtorità infurmat lill-operatur b'dawn in-nuqqasijiet sabiex fejn possibbli dawn jiġu rranġati, filwaqt li l-Awtorità segwiet il-progress sakemm dawn l-infringments ġew indirizzati. Hekk kif kien intqal fit-tweġiba għall-mistoqsijja parlamentari 17962, f'dan il-perjodu kien għadu japplika iż-żmien transitorju fejn ma japplikawx multi.

Transport Malta – permessi għal booths fil-Port taċ-Ċirkewwa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux jinħarġu permessi minn Transport Malta għal booths li jservu għall-bejgħ ta' biljetti għal vjaġġi minn Malta għall-Kemmuna fil-port taċ-Ċirkewwa? Jekk fin-negattiv, x'inhi r-raġuni li mhux jinħarġu dawn il-permessi?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija Parlamentari numru 17974.

Opri tal-Baħar – liċenzja biex joperaw vjaġġi tat-turisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn opri tal-baħar li għandhom liċenzja biex joperaw vjaġġi tat-turisti kemm f'Malta kif wkoll f'Għawdex? Ta' kemm-il kumpanija/individwu huma dawn l-opri tal-baħar u min huma dawn il-kumpaniji/individwi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li n-numru ta' opri tal-baħar kummerċjali li huma liċenzjati biex iġorru l-passiġġieri f'Malta u Għawdex sa Lulju li għadda kien ta’ 351. Dan in-numru jeskludi jet skis, opri tal-baħar mingħajr mutur u dgħajjes tal-pass. In-numru ta’ operaturi ta’ dawn l-opri tal-baħar kummerċjali kien ta’ 171. Il-lista ta’ dawn l-istess operaturi qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Transport Malta – Opri tal-Baħar liċenzjati biex joperaw vjaġġi tat-turisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni għamlet Transport Malta fuq opri tal-baħar li joperaw vjaġġi tat-turisti kemm f'Malta kif wkoll f'Għawdex mill-bidu tal-2015 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? X'inhi l-proċedura wżata biex jiġi deċiż liema opri tal-baħar jiġu spezzjonati minn uffiċjali ta' Transport Malta? X' jiġi spezzjonat waqt dawn l-ispezzjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li minn Jannar sal-lum ġew spezzjonati 110 opri tal-baħar kummerċjali mid-Direttorat tal-Portijiet fi ħdan Transport Malta. Normalment, sakemm ma jkunx hemm raġuni biex tigi spezzjonajata xi opra tal-baħar speċifika (bħal per eżempju wara li l-Awtorità tkun rċeviet xi rapport), il-proċedura hi li jsiru random checks minn postijiet tat-tluq differenti (landing places / jetties) fejn opri tal-baħar kummerċjali normalment jimbarkaw il-passiġġieri. Dawn l-ispezzjonijiet ivarjaw mill-ispezzjoni taċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara, numru ta’ lifejackets, jekk hemmx fire extinguisher/s u tagħmir tas-salvataġġ abbord, kif ukoll jiġi konfermat li l-opri tal-baħar mhux qed jiġu mgħobbija b’passiġġieri iktar milli suppost. Spezzjonijiet iktar dettaljati jsiru fuq bastimenti kummerċjali akbar u jinvolvu: - ċertifikazzjoni tal-master u crew kollha abbord; - spezzjoni f’dak li jirrigwarda l-istruttura tal-bastiment u makkinjaru inkluż bibien, twieqi, non-slip decks, railings, u tagħmir ieħor skont il-bżonn; - apparat ta’ fire detection, fire alarm u fire fighting; - tagħmir ta’ salvataġġ, kwantitajiet u kif jiġu merfugħa - spezzjoni fuq apparat ta’ navigazzjoni u komunikazzjoni; - spezzjoni fuq waste oil u ġbir ta’ skart.

Ir-Rabat – Slabs li jgħattu l-water culverts

Question

Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni minnufih sabiex jittranġaw slabs li qegħdin jgħattu l-water culverts fi Triq l-Imġarr kantuniera ma Triq tad-Dwejra, limit tal-Imġarr mar-Rabat Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt dan l-ilment lil Transport Malta sabiex isiru dawn ix-xogħlijiet. Dawn ix-xogħlijiet se jsiru skont il-prioritajiet.

Il-Kappara – ilment minn residenti

Question

Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni neċessarja fuq ilment minn residenti tal-Kappara li għandhom ir-residenza tagħhom biswit l-Ambaxxata Russa u Chiswick House peress li qed ikun hemm ħafna coaches ipparkjati quddiem id-djar u l-garaxxijiet tagħhom u anke qed isir ħasil tal-coaches hemm?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li uffiċjali tal-infurzar minn Transport Malta qed jagħmlu spezzjonijiet fuq il-post li għalih qed jirreferi l-Onor Interpellant. Dawn l-ispezzjonijiet se jibqgħu jsiru b’mod regolari fix-xhur li ġejjin issa li beda l-istaġun tal-iskejjel. F’dawn l-ispezzjonijet qed tittieħed azzjoni meta u kif meħtieġ immedjatament fuq il-post.