Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kottonera — Trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhi l-possibbilta' li ssir rotta diretta mill-Kottonera lejn l-isptar San Luqa kull filgħodu hekk kif isir f'lokalitajiet oħra?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li minħabba nuqqas ta' patrunaġġ fuq din ir-rotta, dan il-vjaġġ mhux qiegħed fuq skeda regolari. Madankollu, jien infurmat li jekk tinħass il-ħtieġa dan il-vjaġġ ikun jista' jsir.

Internett Service Provider

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni u kumpanniji li qed jużaw is-servizz ta' l-internet service provider bħalissa? Kemm kien hemm sa l-aħħar tas-sena 1999?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta' persuni jew kumpaniji li qed jużaw is-servizz ta' l-Internet Service Providers kien hekk: 31 ta' Marzu 2000 - 21,259 31 ta' Ottubru 2000 - 30,777 Jidher ukoll li n-numru f`Ottubru 1999 kien ta` madwar 13,000.

Kiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tinżammx statistika dwar bookings u ħlas ta' kiri ta' karozzi minn Maltin meta jsiefru barra minn Malta, permezz ta' rappreżentanti lokali ta' aġenziji ta' car hire internazzjonali? Jekk fl-affermattiv, kemm kien hemm, sena b'sena, f'dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma tinżammx statistika uffiċċjali dwar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Karozzi tal-Linja Ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien ir-rispons tas-sidien tal-karozzi tal-linja għall-aħħar proposti tal-gvern biex jixtru vetturi ġodda?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li wara li ġew pubblikati fil-Gazzetta tal-gvern l-ispecifications ġodda, l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku għadha qed tikkunsidra r-reazzjoni uffiċjali tagħha.

Għaxaq — Triq il-Fidloqqom - Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta din l-amministrazzjoni beħsiebha tirranġa u tagħti wiċċ ġdid lil Triq il-Fidloqqom f'Ħal Għaxaq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment diġa kellu laqgħat mal-Kunsill ta` Ħal Għaxaq biex isiru Triq it-Tillieri, Millieri, Ħobbejża, l-Isfejġel, Ħabb il-Qamħ, Fidloqqom, Lellux u n-Niġen. Fil-preżent qed jiġu ppreparati l-istejjem għal dan ix-xogħol.

Fgura — Asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-possibbilta' li din is-sena Triq Ġdida fi Triq tal-Karmnu, Fgura tingħata kisja tarmak minħabba l-inkonvenjent li qed tikkaġuna lir-residenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jieħu passi mall-Joint Office sabiex l-art meħtieġa biex it-triq tinfetaħ kollha tiġi mgħoddija lid-Dipartiment, u hekk ikun jista' jsir ix-xogħol meħtieġ.

Maltapost

Question

Peress li l-Interpellant irċieva kartolini tal-Milied impustati qabel il-Milied sas-Sibt, 6 ta' Jannar, 2000, tista' l-kumpannija Maltapost, jew ir-regolatur jidħol fil-mertu tal-każ ta' dan id-dewmien esaġerat?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Maltapost ikkonfermat li b`mod ġenerali l-ebda posta tal-Milied ma nqabdet b`mod li seta` jiġi kkaġunat dewmien mhux raġonevoli. Madankollu biex l-ilment ta` l-Onor. Interpellant ikun jista` jiġi investigat, Maltapost teħtieġ aktar dettalji, u fejn hu possibli, l-envelopes in kwistjoni.

PTA — Birżebbuga - Tal-Papa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li s-sistema ta' trasport pubbliku fin-naħa tal-Papa f'Birżebbuga tiġi riżolta? Jista' jara li dawn iżommu ma' l-orarju?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma` hemm l-ebda problema fis-sistema li għaliha irrefera l-onor. Interpellant. Fir-rigward taż-żamma tal-orarju ser isiru spotchecks biex naraw li l-ħinijiet tal-iskeda jinżammu.

Fgura — Triq Hompesch - Toroq

Question

B'riferenza għad-domanda parlamentari preċedenti, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx konklużi issa l-proċeduri għal aġġudikar u bidu tat-twettiq ta' Triq Hompesch, Fgura?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s-sejħa għall-offerti għal xogħol f`din it-triq għalqet fl-aħħar ta` Diċembru 2000, wara li kellha toħroġ mill-ġdid, u t-tender qegħda tiġi vvalutata sabiex ikun jista` jingħata l-kuntratt.

MET Office

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inġabux azjendi ta' esperti biex iħejju rapporti jekk fil-fatt finalment ippreżentawx rapporti dwar l-operat tal-MET Office. Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid: (a) liema kienu dawn l-azjendi? (b) min kienu dawn l-esperti (individwi) u x'riferenza għandhom? (c) kemm tħallset kull azjenda (d) jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull rapport? (e) Ittieħdu xi deċiżjonijiet fuq dawn ir-rapporti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Met Office

Question

Peress li l-Met Office huwa responsabbli, għal fost l-oħrajn, tbassir tat-temp għall-pubbliku in ġenerali, tbassir tat-temp għall-attivitajiet fuq il-baħar (sajd, jottijiet, tħaffir għaż-żejt, baħħara, eċċ), tbassir u twissijiet għall-Protezzjoni Ċivili, tbassir tat-temp għall-avjazzjoni ċivili u militari, u t-tħaris ta' arkivju estensiv ta' informazzjoni li nġabret fuq aktar minn 50 sena, dan jista' jitqies bħala patrimonju nazzjonali; u peress li dawn kollha jistgħu ma jiffurmaw parti mill-policy ta' kumpannija privata naturalment tħares lejn kif se jkollha aktar profitt, jista' l-Ministru jgħid meta l-MIA tiġi pprivatizzata, x'garanzija se jkollu il-gvern li jibqagħlu kontroll fuq il-Met Office? X'sinifikat se jkollha l-World Meteorological Organization (Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti li tagħha Malta għandha r-Rappreżentat Permanenti) meta l-MIA tiġi pprivatazzata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

PTA — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li jiġu impjegati despatchers jew inspectors ma' l-Awtorita' tat-Trasport Pubbliku?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku bħalissa qegħda tiproċessa applikazzjonijiet milqugħa wara sejħa nterna li saret mill-Management and Personnel Office għall-Transport Assistants (despatchers) (MPO Cir 116/2000).

Żejtun — Triq Strejnu - Traffic Island

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li minkejja diversi lmenti, fosthom mistoqsijiet parlamentari tiegħu stess fis-snin preċedenti, baqgħet ma saritx traffic island fil-junction ta' bejn Triq Strejnu fejn tingħaqad mal-Bypass li nfteħet snin ilu fi Triq id-Daħla ta' San Tumas, Żejtun/M'Scala? Billi din il-junction hu ferm perikoluż ilu jintalab li ssir xi traffic deviation, possibbli li t-traffic control board jara x'jista' jsir u li għandu jsir isir fl-iqsar żmien possibbli qabel ikun hemm xi inċident fatali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jara x'hemm bżonn li jsir.

Żejtun — Triq id-Daħla ta' San Tumas

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiġi rranġata Triq id-Daħla ta' San Tumas, Żejtun/M'Scala li tinsab fi stat ħażin? Billi din it-triq illum saret ferm traffikuża u wżata ħafna, u fost oħrajn tintuża minn Wied il-Għajn għall-airport, jikkonsidra li din l-arterja prinċipali tiġi rranġata għax l-istat li hi fih aktar minn inkonvenjent saret perikoluża għall-eluf ta' karozzi li jgħaddu minn din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għalkemm din it-triq mhix waħda arterjali u għalhekk il-Kunsill Lokali huwa responsabbli għal manutenzjoni tagħha, minħabba l-prejokupazzjoni ta' l-Onor. Interpellant dwar il-periklu li jista' jkun hemm fiha, tajt strużżjoni lid-Dipartiment tat-Toroq biex jagħmel l-inspections neċessarji sabiex is-sitwazzjoni tkun tista' tiġi vvalutata aħjar.

Toroq — Sleeping policeman

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li ebda kunsill lokali m'hu suppost jaqbad u jiddeċiedi li jagħmel sleeping policeman fejn jidhirlu? It-Traffic Control Board waslulu xi lmenti li saru għadd ta' sleeping policeman li huma riskjużi għat-traffiku għax m'humiex skond l-ispeċifikazzjonijiet issuġeriti mit-Traffic Control Board? Jekk it-Traffic Control Board tinġibdilu l-attenzjoni dwar sleeping policemen li huma ta' ċerta għoli u huma riskjużi, x'passi tieħu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li nista' nikkonferma li ebda Kunsill Lokali ma għandu jagħmel sleeping policeman mingħajr l-approvazzjoni tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku. Għalkemm il-Bord ma sarulux ilmenti ta' sleeping policeman li mhumiex skond l-ispeċifikazzjonijiet, il-Bord stess kellu diversi okkażżjonijiet fejn ġibed l-attenzjoni ta' diversi Kunsilli ta' sleeping policeman li ma sarux skond l-ispeċifikazzjonijiet u talab lill-Kunsilli biex dawn ikunu rranġati. Ma' kull approvazzjoni li jagħti l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku għal sleeping policeman, kull Kunsill Lokali huwa mogħti l-ispeċifikazzjonijiet u mfakkar bil-miktub li s-sleeping policemen għandhom isiru strettament skond l-ispeċifikazzjonijiet. Ma' l-istess approvazzjoni, l-Bord iwissi lill-Kunsilli li l-istess Kunsilli jistaw jiġu mfiċċija għal xi danni li jistaw jiġu kkaġunati mill-sleeping policeman magħmula mhux skond l-ispeċifikazzjonjiet.

Regional Road — Bus Stop

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-bus stop li kien hemm fil-bidu ta' Regional Road, Msida qrib l-appartamenti tal-Gvern, biswit iċ-ċentru Laburista ta' l-Imsida tneħħa? Ma taħsibx li dan ser joħloq inkonvenjent kbir u bla bżonn għar-residenti tal-lokal u għal dawk kollha li kienu jagħmlu użu minn dan is-sevizz?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bus Stop li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Leo Brincat ilu li tneħħa mill-1996 wara li kien hemm x'inċident. Kemm id-Dipartiment tat-Toroq kif ukoll il-Pulizija ma qabblux li dan għandu jitpoġġa fil-post imsemmi għal raġunijiet ta' sigurta' fuq it-triq.

Naxxar — Triq San Pawl - Pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li jitwaħħlu pelican lights fi Triq San Pawl, Naxxar, bejn Triq Marquis Scicluna, Naxxar u n-naħa l-oħra tat-triq, b'mod speċjali minħabba li din il-parti tat-triq traffikuża tintuża minn ħafna tfal u adulti biex imorru fiċ-ċentru tan-Naxxar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fl-1 ta' Lulju l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku approva l-installazzjoni ta' pedestrian crossing fi Triq San Pawl.

Naxxar — Għargħur Rd - Pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux se jitwaħħlu pelican lights ħdejn iż-zebra crossings ipproġettati fit-tarf ta' Għargħur Road, Naxxar ma' Triq San Pawl, Naxxar u fi Triq San Pawl, Naxxar ħdejn l-istazzjoni tal-Maltacom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku għamel survey tal-post u ser japprova l-installazzjoni ta` pelican lights fi Triq San Pawl kantuniera ma Triq Għargħur u żewġ pedestrian crossings fi Triq Għargħur kantuniera ma Triq San Pawl.

Qormi — Mushroom Lights

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru il-mushroom lights fit-triq Ħal-Qormi l-Marsa quddiem ir-residenza 135 wara li l-Kunsill Lokali tal-Marsa diġa' ħallas madwar Lm500 u x-xogħol għadu lanqas beda meta dawn il-lights huma ta' importanza kbira? Jista jgħid għala għadhom ma sarux?

Response (GALEA, ĊENSU)

Mid-domanda jidher li hu l-Kunsill Lokali li qed jagħmel dan ix-xogħol.