Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #22632 Sitting 476 2001-01-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Export Refund

Question

Jista' l-Ministru jinfuormani kemm hu l-export refund fuq prodotti tal-ikel tal-poplu Malti importati f'Malta li huma magħmula mil-laħam aħmar fil-preżent? Jista' l-Ministru jgħid x'se jkun l-impatt tat-telf tal-export refund fuq dawn il-prodotti importati mill-pajjiżi tal-UE wara li Malta ssir membru? Jista' jgħid wkoll kemm se jkunu t-tariffi li timponi fuq il-poplu Malti, l-UE, fuq dawn il-prodotti importati minn barra l-pajjiżi membri tal-UE ward?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 22630 waqt is-Seduta ta' llum stess.
Leg 9 PQ #22633 Sitting 476 2001-01-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Export Refund — Zokkor

Question

Jista' l-Ministru jinformani kemm huwa l-export refund fuq il-materja prima taz-zokkor importat f'Malta għall-industriji lokali li jipproduċu għas-suq lokali, minerali, gallettini, ħelu eċċ mill-pajjiżi ta' l-UE fil-preżent? Jista' jinformani x'impatt se jkollu fuq il-konsumaturi u l-industrija li tipproduċi għas-suq lokali dan it-telf ta' miljuni ta' liri fis-sena fuq l-importazzjoni taz-zokkor, ġej mill-pajjiżi tal-EU? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji l-istudji li saru matul dawn l-aħħar sentejn dwar dan l-impatt li se ġġib il-politika tal-UE fuq l-industrija lokali u l-konsumatur?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 22630 waqt is-Seduta ta' llum stess.
Leg 9 PQ #22842 Sitting 476 2001-01-24 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Importazzjoni miċ-Ċina

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista' ta' importaturi Maltin li jimportaw miċ-Ċina?

Response (BONNICI, JOSEF)

Bil-Liġi ta' l-Istatistika ma tistax tingħata informazzjoni li tiżvela xi importatur partikulari. Jista' jkun li din it-tip ta' informazzjoni tista' tiġi provduta mingħand il-Kamra tal-Kummerċ u għaldaqstant nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal din l-organizzazzjoni.
Leg 9 PQ #22901 Sitting 476 2001-01-24 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Sussidji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna b'diżabilita' hux intitolata għal xi tip ta' sussidju fuq telefon mill-Maltacom? Fiex jikkonsisti dan is-sussidju?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #22903 Sitting 476 2001-01-24 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Met Office

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22413 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe’ peress li l-Met Office huwa responsabbli, għal fost l-oħrajn, tbassir tat-temp għall-pubbliku in ġenerali, tbassir tat-temp għall-attivitajiet fuq il-baħar (sajd, jottijiet, tħaffir għaż-żejt, baħħara, eċċ), tbassir u twissijiet għall-Protezzjoni Ċivili, tbassir tat-temp għall-avjazzjoni ċivili u militari, u t-tħaris ta' arkivju estensiv ta' informazzjoni li nġabret fuq aktar minn 50 sena, dan jista' jitqies bħala patrimonju nazzjonali; u peress li dawn kollha jistgħu ma jiffurmaw parti mill-policy ta' kumpannija privata naturalment tħares lejn kif se jkollha aktar profitt, jista' jgħid meta l-MIA tiġi pprivatizzata, x'garanzija se jkollu il-gvern li jibqagħlu kontroll fuq il-Met Office? X'sinifikat se jkollha l-World Meteorological Organization (Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti li tagħha Malta għandha r-Rappreżentat Permanenti) meta l-MIA tiġi pprivatazzata?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li meta l-Amministrazzjoni Laburista ta' bejn l-1996 u l-1998 kienet tipprivatizza l-M.I.A., l-Uffiċju Meteoroloġiku kien inkluż ukoll. Għaldaqstant wieħed ma jistax jifhem il-biża' li għandu l-Onorevoli Interpellant dwar kif il-privatizzazzjoni ta' l-M.I.A. tita' taffettwa l-Uffiċju Meteoroloġiku. L-Onorevoli Membru għandu jkun jaf ukoll li l-Uffiċju Meteoroloġiku huwa regolat minn direttivi li joħorġu mid-Dipartiment ta' l-Avvjazzjoni Ċivili. Meta l-M.I.A. tiġi privatizzata, dawn id-direttivi jibqgħu fis-seħħ. Naturalment l-M.I.A. għandha wkoll id-dover li l-Uffiċju Meteorologiku jitmexxa bl-aktar mod effiċjenti u li dan jagħmel użu minn għodda moderna tat-teknoloġija. Sfortunatament, meta l-Gvern Laburista kien iddeċieda li jipprivatizza l-M.I.A. u miegħu l-Uffiċju Meteoroloġiku, ma kien sar ebda pjan strateġiku dwar dan l-Uffiċju. Issa dan qed isir kif jirriżulta mit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 22756 waqt is-Seduta numru 472. Fir-rigward tal-World Meteorological Organisation, l-Onorevoli Interpellant żgur li jaf li l-parteċipazzjoni ta' Malta f'din l-Organiżżazzjoni taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ministru għall Affarijiet Barranin. Huwa l-imsemmi Ministeru li jinnomina r-rappreżentant ta' Malta fi ħdan din l-Organiżżazzjoni.
Leg 9 PQ #22905 Sitting 476 2001-01-24 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Malta Government Investments Ltd

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22378?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li bejn Settembru 1998 u l-31 ta' Diċembru 2000 ma kienx hemm ingaġġ ta' persuni mal-Malta Government Investments Limited.
Leg 9 PQ #22906 Sitting 476 2001-01-24 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Metco

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22377?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li bejn Settembru 1998 u l-31 ta' Diċembru 2000 ġew impjegati żewġ persuni mal-METCO, wieħed minn Ħal-Qormi u l-ieħor minn Tal Pieta'.
Leg 9 PQ #22907 Sitting 476 2001-01-24 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Mimcol

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22376?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li bejn Settembru 1998 u l-31 ta' Diċembru 2000 ġew impjegati erba' persuni mal-MIMCOL. Dawn huma mill-Mellieħa, minn Ħal Qormi, minn Ħal Tarxien u minn Ħaż-Żabbar.
Leg 9 PQ #22353 Sitting 475 2001-01-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltcom — Telefon bil-Ħsara

Question

Jista' l-Ministru jekk jogħġbu jara li jiġi rranġat it-telefon li n-numru tiegħu qed jintbgħat separatament peress li l-anzjan jeħtieġ dan is-servizz urġenti?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-ħsara fil-linji tat-telefon imsemmi diġa' ġiet irranġata.
Leg 9 PQ #22436 Sitting 475 2001-01-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta

Question

Jista' l-Ministu jara li jiġi rimedjat l-iżball li jirriżulta fil-kontijiet li qed nibgħat separatament?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li mill-investigazzjoni li għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma irriżulta li kien hemm żball fil-kont għal dak li għandu x'jaqsam ma' konsum ta' elettriku. Fil-fatt kont rivedut għall-ammont ta' Lm25.72 ser jintbagħat lill-konsumatur konċernat.
Leg 9 PQ #22738 Sitting 475 2001-01-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ajruport — Car park

Question

Jista' l-Ministru jgħid min imexxi l-car park ta' l-ajruport u l-pompa tal-petrol? Meta ngħataw din it-tmexxija? Saret sejħa għall-offerti? Jekk ma saritx għaliex?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li fl-1993 kienu ħarġu sejħiet għall-offerti għat-tmexxija tal-"car park", tal-ħanut u tal-pompa tal-petrol. Dawn kienu ingħataw lil Sterling Parks Limited. Is-sena li għaddiet il-pompa tal-petrol u l-ħanut ittieħdu lura mill-M.I.A. qabel iż-żmien stipulat għal raġunijiet kummerċjali. Bħalissa qed tiġi aġġudikata sejħa għall-offerti ġdida għat-tmexxija tal-pompa tal-petrol.
Leg 9 PQ #22888 Sitting 475 2001-01-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Bormla — Triq Santa Tereża - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li tissewwa l-bozza li hemm fuq bieb 11, Triq St Tereża, Bormla?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferita lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Leg 9 PQ #22889 Sitting 475 2001-01-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Bormla — Triq il-Kampnar - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li tissewwa l-bozza li hemm fuq bieb 35, Triq il-Kampnar, Bormla?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferita lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tittiehed l-azzjoni meħtieġa.

Marsa — Power Station

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 22483?

Response (BONNICI, JOSEF)

Billi dan l-aħħar il-kelma "filters" ġiet użata għal " Edlectrostatic Precipitators", nassumi li dan hu dak li għandu f'moħħu l-Onorevoli Interpellant. Il-boilers numri tlieta, erbgħa u ħamsa tal-Power Station tal-Marsa ma humiex provduti b'electrostatic precipitators, għalkemm l-Enemalta qed teżamina x'miżuri jistgħu jittieħdu. Il-boiler numru sitta, li oriġinarjament kien juża l-faħam, kellu electrostatic precipitator li ma baqax jintuża meta saret il-bidla ta' dan il-boiler għaż-żejt fl-1984. Partijiet sostanzjali ta' dan l-impjant ġew żarmati u dan ma jistax jintuża mingħajr ma jsiru xogħlijiet maġġuri. Il-boilers numru wieħed u tnejn ma humiex jitħaddmu u ser jiġu żmantellati, mentri l-boilers numri sebgħa u tmienja huma żewġ boilers kbar li għandhom electrostatic precipitators li qed jaħdmu. Tajjeb jingħad li minn Frar li ġej ser jibda jiġi wżat diesel EN590 għall-vetturi. Dan ser inaqqas l-ammont ta' kubrit b'75 fil-mija. Fil-każ tal-Power Station u l-fuel oil li jintuża, l-Enemalta qed issegwi s-suq taż-żejt biex teżamina l-implikazzjonijiet finanzjari ta' l-użu ta' dan it-tip ta' żejt li huwa aktar nadif.

Petrol — Importazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 22486?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba hija kif ġej. Il-figuri kkwotati huma tunellati metriċi. SENA DIESEL PETROL PETROL BLA ĊOMB 1990 54,717 58,566 1,256 1991 56,934 62,036 1,936 1992 65,459 63,051 5,280 1993 66,142 63,670 7,856 1994 66,561 63,647 10,243 1995 67,752 61,674 12,358 1996 72,879 61,957 17,242 1997 72,539 57,403 18,771 1998 80,393 53,072 21,498 1999 82,282 50,302 24,148 2000 86,129 44,550 26,549 Tajjeb jingħad li l-figuri tad-diesel ma jinkludux il-bejgħ lill-M.O.B.C. u lid-diviżjoni ta' l-elettriku għall-generation.
Leg 9 PQ #22908 Sitting 475 2001-01-23 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltin miżżewġin ma' Franċiżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix statistika ta' persuni Franċiżi miżżewġin Maltin? Jekk iva, liema snin għandna l-istatistika dwarhom u x'inhu n-numru tagħhom sena b'sena sal-lum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Uffiċju Ċentrali ta' l-Istatistika ma jżommx it-tip ta' statistika li qed tintalab. Nassumi li tali informazzjoni tista' tinkiseb mir-Reġistru Pubbliku. Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #22313 Sitting 474 2001-01-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

UE — Biedja

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Gvern Malti ma protestax mal-UE għall-fatt li filwaqt li fl-Lulju tas-sena 2000, l-UE estendiet l-eżenzjoni mid-dazju minn 33% għall-77% fuq il-prodotti tal-biedja esportati lejn il-pajjiżi membri, Malta ma ġietx mogħtija l-istess trattament li tant għandha bżonn?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 22312
Leg 9 PQ #22348 Sitting 474 2001-01-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Dawl tat-Triq

Question

Perezz li l-bozza li tinsab quddiem Plot 102 ta' Mlit H.E, Mosta ilha tiġi rapportata mill-14 ta' Diċembru u minkejja l-interventi li saru b'impenn mill-ħaddiema ta' l-Enemalta, baqgħet ma tixgħelx, jista' l-Ministru jara li l-persuna responsabbli jara li jiġu rimedjati l-ħsarat mill-aktar fis possibli?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li t-tiswija li qed issir riferenza għaliha diġa' saret.
Leg 9 PQ #22350 Sitting 474 2001-01-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Rabat — Triq Vivaldi - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru xogħlijiet ta' tibdil tal-linja tad-dawl fit-Triq Vivaldi (Għar Barka) r-Rabat peress li r-residenti qed jilmentaw li d-dawl qed jinqagħtalhom ta' spiss?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li, kuntrarjament għal dak li qed jintqal fil-mistoqsija, skond ir-rekords tal-Korporazzjoni Enemalta ma jirriżultax li kien hemm interruzzjonijiet ta' spiss u dawn ma jirriżultawx li kienu kaġun ta' xogħol fuq xi linji.
Leg 9 PQ #22865 Sitting 474 2001-01-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm u liema kienu dawk il-kumpanniji sussidarji tal-Air Malta li nbidlulhom il-bord tad-diretturi dan l-aħħar? Jista' jagħti lista tad-diretturi maħtura fuq dawn il-bordijiet? Jista' jikkonferma li kien hemm diversi każi fejn kien hemm executives tal-Air Malta iservu fuq dawn il-boards bla remunerazzjoni li issa ġew sostitwiti b'executives oħrajn tal-istess kumpannija b'rimunerazzjoni ta' diretturi? Jekk iva, liema kienu dawn il-każi?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.