Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk iċ-chairman il-ġdid tal-Wasteserv issa għandux driver permanenti miegħu? Jekk iva, din il-persuna x’tip ta’ kuntratt għandha? X’inhu l-ħlas li se jibda jirċievi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li iċ-chairman il-ġdid tal-Wasteserv m’għandux driver uffiċjali permanenti miegħu, għaldaqstant iż-żewġ mistoqsijiet l-oħra huma rrelevanti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment fil-biċċerija tal-Marsa tul l-aħħar 3 snin?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-investiment li sar fil-biċċerija tal-Marsa tul l-aħħar 3 snin kien hekk kif ġej:
2010 Euro 361,999
2011 Euro 391,554
2012 Euro 1,190,868
Jista' l-Ministru jgħid x'investiment hemm ippjanat għall-biċċerija għas-sena li ġejja? Jista’ jagħti elenku ta' kull inizjattiva li jrid ikun hemm ħalli l-biċċerija tkompli tiġi konformi mar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-biċċerija mhijiex strettament konformi mar-regolamenti tal- Unjoni Ewropea u għad baqa’ diversi xogħlijiet x’isiru biex jintlaħaq dan il-għan. Filfatt jien infurmat li l-ippjanar tax-xoghol fil-biċċerija tħalla lura f’dawn l-aħħar snin.
Fost dawn ix-xogħlijiet hemm:
1. Tiswijiet f’soqfa u partijiet tal-bini, speċjalment fil-maqjel fejn jidħlu l-annimali.
2. Jitneħħew pajpijiet qodma u eletriku qadim sabiex tkun tista ssir installazzjoni moderna u aktar organizzata.
3. Installazzjoni ta’ arja kondizzjonata fiż-żewġ swali tal-qatla.
4. Jitgħattew partijiet ta’ ħitan u twieqi b’materjal iġeniku għall-aktar indafa.
5. Żebgħa ta’ soqfa kullimkien, kif ukoll żebgħa addattata għall-maqjel tal-ħnieżer u l-baqar.
6. Tibdil ta’ aċċessorji imsadda u tibdil ta’ ċerti linji tal-qatla għall-sistemi aktar moderni b’materjal ta’ stainless steel.
7. Tindief u żebgħa tal-istruttura ta’ ħadid galvanizzat li hemm fiż-żewġ linji tal-qatla u f’partijiet oħra madwar il-biċċerija.
8. Bini ta’ tlett faċilitajiet ġodda fejn ibiddlu u jieklu l-biċċiera f’żoni differenti skont ir-regolamenti mitluba.
Dan kollu huwa stmat li jqum madwar 2.5 Miljun Ewro. Innizjattiva li hemm ħsieb li tittieħed hu li jsiru korsijiet ta’ tagħlim għall-biċċiera u ħaddiema oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-pixkerija? Jista’ jipprovdi time-plan tal-proġett?
Response (BRINCAT, LEO)
Infakkar lill-Onor. Interpellant illi għalkemm fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista tal-2008 kienet tħabbret ir-rilokazzjoni tal-Pixkerija, kien biss fl-2010 meta l-applikazzjoni ntbagħtet il-MEPA. Għaddew sentejn oħra u l-applikazzjoni ġiet approvata u b’hekk setgħet toħroġ it-tender.
Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li s-sit fejn qed tinbena din il-Pixkerija u li kien magħżul mill-Gvern preċedenti jippreżenta sfidi kbar, ħtija tal-limitazzjonijiet u kumplikazzjonijiet dovuti għall-pożizzjoni tagħha, ninfurmah li x-xogħol fuq il-pixkerija l-ġdida mixi skont kif kien ippjanat u fin-nuqqas ta’ imprevisti, il-mira hi li titlesta sa Marzu 2014.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ kaxxi li qed jintużaw bħalissa fil-pitkalija f’Ta’ Qali? Kemm minn dawn il-kaxxi huma mill-kbar u kemm miż-żgħar? Jista’ jagħti tagħrif dwar meta tpoġġew fis-suq l-aħħar kaxxi ġodda li jintużaw mill-bdiewa għall-prodotti tagħhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-medja ta’ kaxxi li jidħlu f’ġimgħa il-pitkalija hi ta’ bejn 70,000 u 100,000 kaxxa. Minn dawn 70% huma kbar. Ninsab infurmat ukoll li l-aħħar darba li tpoġġew fis-suq kaxxi ġodda kien fl-2012.
B'referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 2012, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ħaddiema li ġew trasferiti u li l-Ministru qal li issa reġgħu lura f'posthom? Min huma dawn il-ħaddiema? X'kienet ir-raġuni li dawn il-ħaddiema iċċaqalqu oriġinarjament?
Response (BRINCAT, LEO)
L-ewwelnett nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kienet ittieħdet deċiżjoni li sakemm jintem l-istrategic review dwar l-operat tal-WasteServ m’għandhux issir ċaqliq intern ta’ nies. Sadanittant ninsab infurmat li kien hemm ħames ħaddiema li ġew trasferiti u reġgħu lura f’posthom. Dawn il-ħaddiema kienu kif jidher hawn taħt:
· 2
Waste Sorters
– trasferiti għar-raġunijiet ta’ mard fil-familja
· CA Site Operator – talab li jiġi trasferit għal xogħol bil-ġurnata minflok bix-shift
· Helper – kien talab li jiġi trasferit fuq shift, għalhekk ġie trasferit minflok is-CA Site Operator imsemmi hawn fuq
· Sorter/Operative – trasferit għal sit ieħor għal perjodu ta’ xahrejn, għar-raġuni li kien hemm żieda temporanja fix-xogħol
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2432, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar f’liema nħawi qed jiġu proposti l-applikazzjonijiet li hemm referenza għalihom fir-risposta? Jista’ jindika jekk dawn l-applikazzjonijiet/ittri sarux minn Maltin inkella minn barranin, u meta saru? X’inhi l-proċedura li qed tintuża biex jiġu approvati/rifjutati tali applikazzjonijiet u minn min?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li għad trid titlesta l-istrateġija tal-akwakultura ta’ Malta. L-ittri saru minn Maltin u intbagħtu f’Jannar u Lulju 2012 mingħajr ma ndikaw l-ebda żona partikiolari. Ser ikun hemm bżonn li jsiru studji meħtieġa b’konsultazzjoni tal-istakeholders kollha sabiex jiġi deċiż liema żona tista’ tintuża għall-akwakultura.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2009, peress li hu l-Ministru responsabbli mit-tibdil fil-klima u peress li il-mistoqsija tirrigwarda inċentivi għal enerġija nadifa, liema inċentivi huma kkontemplati fl-istrateġija għall-mitigazzjoni mit-tibdil fil-klima, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija li oriġinarjament saret lilu u jgħid x'inhi l-viżjoni tal-Gvern fir-rigward ta' inċentivi għall-enerġija nadifa meta mqabbla ma’ enerġija konvenzjonali aktar irħisa? Liema miż-żewġ sorsi l-Gvern iħoss li l-aktar jista’ jiddefendi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi m’hemm xejn xi nżid mat-tweġiba li ngħattat għall-mistoqsija parlamentari 2009.
Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2425 jista' l-Ministru jgħid jekk it-tieni uffiċjal ġiex mitlub jitla' għall-konferenza tal-Ġnus Magħquda dwar it-tibdil fil-klima dakinhar stess li bdiet b'konsegwenza li l-istess persuna kellu jsiefer fi ftit sigħat? X'kienet ir-raġuni għala seħħ dan?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li t-tieni uffiċjal li segwa l-laqgħa ġewwa Bonn kien infurmat li ser isegwi it-tieni ġimgħa u kien jaf minn ġranet qabel li ser isiefer.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2007 jista' l-Ministru jagħti e¿empju ta' mi¿uri jew inizjattivi konkreti li qed jiġu kontemplati jew li ġie deċiż li jittieħdu?
Response (BRINCAT, LEO)
Nista' nassigura lill-Onor. Interpellant li kull inizjattiva titħabbar u tittieħed f’waqta u li m’għandna l-ebda ħsieb li nagħmlu kif ġara fl-imgħoddi li nħallu l-affarijiet fuq il-karta jew għal ftit ġimgħat jew jiem qabel l-elezzjoni ġenerali.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2002, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm nies fi ħdan l-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tiegħu li għandhom ir-responsabbiltà jaraw li l-politika tal-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima tiġi implimentata, xi kwalifiki għandhom, jekk jaħdmux full-time fuq din il-materja jew jekk għandhomx responsabbiltajiet oħra, u jekk għandhom x'inhuma dawn ir-responsabbiltajiet? Jista’ jgħid jekk l-istaff compliment f'dan il-unit intlaħaqx u jekk le, meta se jintlaħaq?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-uffiċjal responsabbli mid-dossier tat-tibdil fil-klima huwa l-istess persuna li kien hemm qabel id-9 ta’ Marzu 2013, d-Direttur tal-Affarijiet tal-Unjoni Ewropeja fi ħdan il-Ministeru. Fl-istess ħin infakkrek illi apparti minn dan id-Direttorat, l-Ambaxxatriċi fuq t-Tibdil fil-Klima, li kienet oriġinarjament inħatret mill-amministrazzjoni preċedenti, ta' spiss tintalab għall-pariri legali fuq is-suġġett.
B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1789, peress li l-Ministeru tiegħu jkopri l-funzjoni regolatorja tal-ambjent f’pajjiżna u allura jista’ jelenka xi studji ambjentali jkollu bżonn impjant għall-ġenerazzjoni tal-elettriku ta' madwar 200MW, jista’ jwieġeb mistoqsija 1789 li sa issa għadha mhix imwieġba?
Response (BRINCAT, LEO)
Wieħed kien jippreżumi li bħala ex Ministru b’eżperjenza ta’ tant snin fil-qasam regolatorju u operattiv tal-ambjent, l-Onor. Interpellant suppost jaf id-distinzjoni netta u ċara li dejjem eżiżtiet bejn il-funzjoni regolatorja u operattiva tal-qasam ambjentali, wara tant snin f’dikasteru fejn serva fih f’leġislaturi preċedenti.
Għaldaqstant nemmen li l-Onor. Membru għandu jifhem li l-funzjoni regolatorja fil-preżent taqa’ taħt Ministeru ieħor u mhux taħt il-Ministeru tal-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima kif donnu qed jibqa’ jinsisti min-naħa tiegħu.
Strateġija Nazzjonali għall-Immaniġġar tal-Iskart Solidu — Refuse Derived Fuel
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1765, jista' l-Ministru jgħid għalfejn l-audits li qed isemmi li qed isiru fuq l-operat tal-Wasteserv għandhom jaffettwaw l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Immaniġġar tal-Iskart Solidu f'pajjiżna? Jista’ l-Ministru jiċċara jekk l-Istrateġija tal-Iskart għadhiex fis-seħħ u jekk iva jista' jgħid jekk il-viżjoni tal-Gvern dwar ir-refuse derived fuels inbidlitx?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-rakkomandazzjonijiet tar-riżultati li se joħorġu mir-reviews indipendenti, tal-operat tal-WasteServ, ser ikollhom kontribut importanti fl-implimentazzjoni ġejjiena dwar l-istrateġija Nazzjonali għall-immaniġġjar tal-iskart solidu fejn jidħol refuse, derived fuels kif ittrattati mill-WasteServ s’issa.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1764, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord li se jevalwaw it-tender għall-Impjant tat-Trattament għall-Iskart fil-limiti tal-Għallis?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar liema tipi ta’siġar tal-frott inbiegħu din is-sena mid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-ministeru? Kemm kien in-numru ta’ siġar ta’ kull tip li nbiegħu lil dawk li applikaw għalihom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li s-siġar tal-frott jinbiegħu biss mill-Mixtla ta’ San Vinċenż de Paule fi ħdan id-Direttorat tal-Agrikoltura. Bejn Ottubru 2012 u Mejju 2013, is-sena ta’ bejgħ ta’ dawn is-siġar, inbiegħu l-ispeċi u ammonti ta’ siġar tal-frott li jidhru fit-Tabella mehmuża li qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar min qed jassigura li tinżamm l-ordni fid-daħla tal-pitkalija f’Ta Qali? Jista’ jikkonferma li l-pulizija li kienu jagħmlu għassa max-xatba tal-pitkalija m’għadhomx jagħtu s-servizz tagħhom hemmhekk?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li n-nies tas-sigurtà, li huma mpjegati tal-Gvern, jagħmlu għassa max-xatba tal-pitkalija. Ninsab infurmat ukoll illi qegħdin isiru arranġamenti biex jerġa jibda jkun hemm stazzjonat pulizija għassa max-xatba tal-pitkalija.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — informazzjoni dwar vetturi
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk mal-ħatra tiegħu kellux informazzjoni dwar x'vetturi kellu tali Ministeru? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk hux kull vettura nstabet u jekk kenitx f'kundizzjoni tajba?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi l-entità responsabbli mill-vetturi taħt il-Ministeru preċedenti kien il-Manufacturing and Services Department (MSD) li issa jinsab taħt id-dekasteru tal-Ministeru tat-Transport li għandu spiċċaw il-parti kbira tal-vetturi u inġenji. Ninsab infurmat ukoll li taħt il-Ministeru tiegħi spiccaw numru żgħir ta’ vetturi li bosta minnhom inxtraw qabel l-2008 u huma qodma.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — konsulenzi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-1998 sal-lum? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li mill-1998 sal-lum l-ebda xogħol ta’ konsulenza ma ngħata lill-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru, jew id-dipartimenti li jaqgħu taħtu hux qed jikkunsidraw xi applikazzjonijiet partikulari għal dak li jirrigwarda stabilimenti ġodda ta' akwakultura?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi nisab infurmat li kien hemm żewġ applikanti li bagħtu ittra ta’ applikazzjoni għall-farm b’gaġeġ ġol-baħar.