Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skola tal-Pietà – każijiet ta’ bullying

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ bullying ġie rrapportat, jekk inhu l-każ, fl-iskola tal-Pietà fis-sena 2013? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu dwar dawn il-każijiet? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm każijiet minnhom fejn ġiet involuta l-Pulizija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għadd ta' każijiet ta' bullying li ġew irrapportati fl-iskola tal-Pieta' fis-sena 2013, flimkien mal-passi li ttieħdu dwarhom, hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel ta’ Santa Venera – każijiet ta’ bullying

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ bullying ġie rrapportat, jekk inhu l-każ, fl-iskejjel tal-Santa Venera fis-sena 2013? Jista’ jindika f’liema skola sar dan il-bullying u x’passi ttieħdu dwar dawn il-każijiet? Jista’ jgħid jekk kienx hemm każijiet minnhom fejn ġiet involuta l-Pulizija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għadd ta' każijiet ta' bullying li ġew irrapportati fl-iskejjel ta' Santa Venera fis-sena 2013, flimkien mal-passi li ttieħdu dwarhom, hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti — Spejjeż għall-Korsijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm jiġi jiswa lill-istat kull student, eskluż l-istipendji, kull sena mill-ewwel sena sal-ħames sena sabiex jagħmel il-kors tal-mediċina M.D.? Bl-istess mod jista’ jgħid kemm jiġi jiswa lill-istat student tal-B.Educ. kull sena mill-ewwel sal-aħħar sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fis-sena akkademika 2010/11, kull student tal-Mediċina ġie jiswa €5,769, filwaqt li kull student tal-B.Ed ġie jiswa €5,023. Fis-sena akkademika 2011/12, kull student tal-Mediċina ġie jiswa €5,877, filwaqt li kull student tal-B.Ed ġie jiswa €4,735. L-ispejjeż ta’ kull student fir-rigward tas-snin akkademiċi sussegwenti għadhom qegħdin jinħadmu. Kif wieħed jista’ jara, huwa diffiċli li wieħed jikkalkula eżatt kemm kull student jiġi jiswa fuq il-perjodu kollu li l-istudent ikun qiegħed jieħu t-tagħlim tiegħu jew tagħha minħabba l-fatt li l-ispejjeż tal-Università huma pjuttost fissi u jiżdiedu bil-għoli tal-ħajja u skont il-ftehim kollettiv irrispettivament minn numru ta’ studenti, għalkemm hemm spejjeż oħra li n-numru ta’ studenti jaffetwa b’mod dirett u anke indirett. Fil-fatt, it-tnaqqis minn sena għal sena fl-ispejjeż tal-B.Ed kien riżultat ta’ żieda fl-għadd ta’ studenti mill-2010/11 għall-2011/12 u mhux għax naqsu l-ispejjeż tal-Università.

Kulleġġ Maria Reġina – lezzjonijiet fil-kurituri

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew le hekk hemmx studenti li qed jingħataw lezzjonijiet fuq suġġetti partikolari fil-kurituri ta’ xi skejjel fi ħdan il-Kulleġġ Maria Reġina?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li m’hemm l-ebda studenti li qed jingħataw lezzjonijiet fuq suġġetti partikolari fil-kurituri tal-iskejjel fi ħdan il-Kulleġġ Maria Regina.

Sports fl-iskejjel tal-Gvern — Rugby

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-isport tar-Rugby tneħħa minn fost id-dixxiplini sportivi li kienu qed jiġu pprattikati fl-iskejjel tal-Gvern? Minn min ittieħdet din id-deċiżjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-isport tar-Rugby għadu fost id-dixxiplini sportivi li jiġu pprattikati fl-iskejjel tal-Gvern. Ma kien hemm ebda tibdil fit-tagħlim ta’ din id-dixxiplina.

Assoċjazzjoni Nazzjonali tar-Rugby – għajnuna finanzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-għajnuna finanzjarja tal-Gvern lill-Assoċjazzjoni Nazzjonali tar-Rugby, sena b’sena bejn l-2010 u l-2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Attività fiżika/Sports fl-iskejjel — 3 to 16 - Ħin allokat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ħin allokat kuljum għall-eżerċizzju fiżiku/attivitajiet sportivi waqt l-inizjattiva 3 to 16 li ssir fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-attivitajiet fiżiċi fi Klabb 3-16 jinżammu kuljum bejn il-5 u s-6 ta' filgħaxija għalkemm it-tfal jistgħu jinġabru mill-ġenituri tagħhom qabel dan il-ħin.

Assoċjazzjonijiet sportivi – għajnuna finanzjarja mill-Kunsill Malti għall-Isport

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-klabbs jew assoċjazzjonijiet sportivi li għadhom ma tħallsux l-għajnuna finanzjarja dovuta lilhom mill-Kunsill Malti għall-Isport għas-snin 2013 u 2014 ? X’inhu t-total ta’ dawn l-ammonti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi ma hemm l-ebda pagamenti ta’ assistenza pendenti għas-sena 2013, b’dana illi kull min għamel it-talba għal ħlas, ġie mħallas l-ammonti dovuti lilu. Fir-rigward tal-2014, infurmat li l-għaqdiet li għamlu talba għal ħlas iżda l-pagament għadu pendenti huma s-sussegwenti: Senglea Athletics Club - €3794 Qormi Clay Shooting- €1800 Malta Scrabble Club- €500 Kalkara Bocci club- €2000 Tennis Club Kordin- €1000 Ghaxaq Bocci club- €1500 Dawn il-pagamenti għadhom pendenti minħabba nuqqas ta’ dokumentazzjoni, li ġiet mitluba lill-għaqdiet ikkonċernati, sabiex ikun jista' jsir il-pagament.

Kulleġġ ta’ Santa Kjara – co-ed — proġett pilota

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex ittieħdet id-deċiżjoni li t-taħlit ta’ bniet u subien fis-sekondarja jsir fl-iskejjel sekondarji kollha qabel ma kien spiċċa l-proġett pilota fil-Kulleġġ ta’ Santa Kjara? Hemm il-ħsieb li dawn it-tfal ikomplu jitilgħu flimkien minn sena għal sena sal-aħħar tas-sekondarja fl-iskejjel kollha? Jekk le, għaliex le? Jekk iva, xi studji saru dwar l-impatt li dan se jkollu fuq l-għażla tas-suġġetti u l-attainment mill-bniet u s-subien?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-taħlit ta’ l-istudenti subien u bniet fl-iskejjel sekondarji mhix xi ħaga ġdida la f'pajjiżna u aktar fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi madwar id-dinja kollha. L-introduzzjoni tal-Ko-Edukazzjoni fl-iskejjel sekondarji tal-iStat saret wara l-esperjenza lokali tal-Iskejjel Indipendenti, l-Iskola Nazzjonali tal-Isport u l-Iskola Sekondarja St Clare College Pembroke kif ukoll l-esperjenzi wiesgħa u varji f'pajjiżi oħra. Riċerka li saret fost ġenituri, tfal u għalliema fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport u l-Iskola Sekondarja St Clare College Pembroke turi bl-aktar mod inekwivoku li l-esperjenza tal-Ko-Edukazzjoni kienet waħda pożittiva minn kull aspett. It-tfal kollha li qiegħdin fl-ewwel sena tas-sekondarja fl-2014/2015 se jibqgħu telgħin flimkien, sena wara sena, subien u bniet. Naturalment is-serjeta' titlob li għandu jkun hemm moniteraġġ kontinwu tas-sistema sabiex l-impatt pożittiv f'kull aspett jissaħħaħ, kif fil-fatt qed isir u se jibqa’ jsir fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Leg 12 PQ #11603 Sitting 191 2014-10-27 Oral · Interim From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Qafas għall-Istrateġija dwar l-Edukazzjoni għall-Malta 2014-2024

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji u/jew rapporti preliminari li saru biex imbagħad tfassal il-Qafas għall-Istrateġija dwar l-edukazzjoni għall-Malta 2014-2024?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar

Studju internazzjonali dwar l-edukazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jindika xi studji internazzjonali dwar l-edukazzjoni hemm ħsieb jew konferma li Malta tieħu sehem fihom mill-2014 ’il quddiem? X’policy għandu l-Ministru biex ir-riżultati ta’ dawn l-istudji u r-rapporti relevanti jkunu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Malta ser tieħu sehem f’erba’ studji internazzjonali ewlenin. Dawn huma PISA u TIMSS fl-2014, u PIRLS u ICCS fl-2015. Għal kull studju jinkiteb rapport internazzjonali li jkun pubbliku. Malta tħejji wkoll rapport nazzjonali għal kull studju u l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jagħmilhom pubbliċi kif fil-fatt għamel fil-bidu ta’ din il-leġislatura. Il-Ministeru qiegħed ifassal u jibni kemm jista’ jkun il-pjanijiet tiegħu fuq l-evidenza, u mhux sempliċiment jippubblika dokumenti li ma jirriflettux is-sitwazzjoni lokali jew li ma jinkludux pjanijiet.

facilitator/Learning Support Assistant — talbiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti statistika mis-sena 2004 sal-2014, separatament għas-settur statali, tal-knisja u indipendenti (fil-każ tal-aħħar, minn meta dan beda jkun possibbli) ta' kemm kienet l-istennija medja minn meta ssir talba biex jiġi pprovdut facilitator/Learning Support Assistant, għal meta dan fil-fatt jingħata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li bejn l-2004 u l-2014 l-istennija medja għal tfal b’diżabbilta` jew kundizzjonijiet biex jingħata l-appuntament kienet minn xahar għal xahrejn. Tfal oħra kellhom jistennew skont is-severita` tal-bżonnijiet tagħhom. Fejn applikabbli l-LSA jiġi pprovdut minn ġimagħtejn wara li jiġu quddiem l-iStatementing Moderating Panel. Dan kollu japplika għall-iskejjel Statali, tal-Knisja u Indipendenti.

Skejjel – statistika dwar daqs tal-klassijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti statistika mis-sena skolastika 2004-2005 sal-2014-2015, tad-daqs medju tal-klassi f’kull sena tal-iskola mill-Kinder 1 sal-Form 5separatament għas-settur statali, tal-knisja u indipendenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant. Rigward is-setturi tal-Knisja u Indipendenti, l-istatistika disponibbli hija mis-sena skolastika 2008/09 sal-2014/15.

Ftehim Kollettiv għall-għalliema fis-settur statali

Question

Billi l-Ftehim Kollettiv għall-għalliema fis-settur statali kemm dak attwali u fil-passat stipula l-proporzjon ta’ studenti fil-primarja u s-sekondarja għal kull Assistent Kap, imma wkoll ta l-possibilità li d-Direttur Ġenerali jibgħat iktar Assistenti Kapijiet skont l-esiġenzi ta’ skejjel partikolari, jista’ l-Ministru jagħti statistika mis-sena skolastika 2004-2005 sal-2014-2015, seperatament għas-settur statali tal-primarja u tas-sekondarja, ta’ kemm effettivament kienet il-medja ta’ numru ta’ studenti għal kull Assistent Kap?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.

Malta Racing Club — inkjesta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’wassal biex tiġi ordnata inkjesta dwar it-tmexxija tal-Malta Racing Club matul is-sajf li għadda? Jista’ jgħid min ordna li ssir din l-inkjesta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lil Onor. Interpellant li ġiet ordnata li ssir inkjesta dwar il-Malta Racing Club (Marsa Racing Club) wara għadd ta’ allegazzjonijiet li saru fir-rigward tat-tmexxija tal-imsemmi club. L-inkjesta ġiet ordnata skont Article 4(1) tal-Inquiries Act XIX tal-1977 (Cap 273).

Malta Racing Club — inkjesta

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra kopja tar-rapport tal-inkjesta li saret dwar it-tmexxija tal-Malta Racing Club matul dan is-Sajf?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport mitlub mill-Onor. Interpellant.
Leg 12 PQ #11278 Sitting 190 2014-10-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Għawdex – Skola tal-Arti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, issa li l-iskola tal-arti tneħħiet minn Għajnsielem, x’ser isir fuq l-isem tal-istess skola? L-isem Skola tal-Arti Wistin Camilleri ser jinżamm? X’ser isir mill-monument ta’ Wistin Camilleri li kien hemm fl-istess Skola tal-arti f’Għajnsielem u li sal-lum għadu fl-istess post, li issa jifforma parti mill-MCAST?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minħabba li issa nbidel il-kunċett tal-iskola, ċ-ċentru l-ġdid fix-Xewkija se jkun jismu School for Visual and Performing Arts, Gozo. Il-monument lill-pittur Wistin Camilleri se jibqa’ fejn jinsab bħalissa. L-MCAST ħa ħsieb li l-istatwa tinżamm fi stat tajjeb waqt il-proċess ta’ rinovazzjoni tal-campus il-ġdid f’Għajnsielem.

Skema tal-frott u l-ħaxix fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li għas-sena skolastika 2014–2015, l-iskema tal-frott u l-ħaxix li kien jitqassam fl-iskejjel se tkompli ssir bl-istess mod u frekwenza li saret matul is-sena li għaddiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Iva, għas-sena skolastika 2014–2015, l-iskema tal-frott u l-ħaxix li kien jitqassam fl-iskejjel se tkompli ssir bl-istess mod u frekwenza li saret matul is-snin li għaddew.

KMS – għajnuna finanzjarja lil klabb tal-ibburdjar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-għajnuna finanzjarja mill-Kunsill Malti għall-Isport jew fondi oħra pubbliċi lill-Vikings Sailing Club għas-snin 2011 - 2012 - 2013 ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-assistenza finanzjarja lil klabb tal-ibburdjar indikat mill-Onor. Interpellant hi s-sussegwenti: 2012 Facility Improvement Scheme xogħlijiet varji € 1,950.00 2013 Equipment Scheme xiri ta’ dgħajjes € 4,500.00

Għotja ta’ art lil klabb tal-ibburdjar

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema art se tingħata lill-Vikings Sailing Club wara li dik li kienet okkupata minnhom fl-aħħar snin se tittieħed mill-Gvern ? Jista' jikkonferma jew jiċħad li se jkun qed jgħin finanzjarjament lill-Vikngs Sailing Club meta dawn jimxu għal post ieħor u dawn ikun jenħtiġilhom ammont konsiderevoli ta' xogħol ta' kostruzzjoni sabiex jidħlu fil-post li se jingħatalhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gvern għaddej b’konsultazzjonijiet sabiex il-Vikings Sailing Club ikollhom proprjeta’ minn fejn ikomplu joperaw.