Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jitkompla x-xogħol tal-proġett tal-Qawra, taħt il-Qawra Palace, fejn hemm 60 boathouse li s-sidien tagħhom ilhom erba' xhur ma jistgħux joħorġu d-dgħajjes għax inqala' quddiem il-garaxxijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi x-xogħol fuq dan il-proġett jinsab wieqaf. L-Awtorita' ta' l-Ippjanar talbet lit-Taqsima tax-Xogħlijiet għal pjanti riveduti. Dawn saru u ġew sottomessi iżda qabel ma joħorġu l-permessi meħtieġa ma jistax jitkompla x-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid jekk itteħdux deċiżjonijiet mill-gvern minn fejn se tgħaddi il-link road li se tgħaqqad Manoel Island mal-bypass ta' Regional Road?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jiena nfurmat li d-Dipartiment tat-Toroq issottometta applikazzjoni lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar fuq it-triq il-ġdida li għandha tgħaqqad Manoel Island ma' Regional Road abbażi ta' konsultazzjonijiet li saru ma' l-istess Awtorita' ta' l-Ippjanar. Din l-applikazzjoni qed tieħu l-proċess
tagħha normali.
Jekk l-Onor. Interpellant irid aktar informazzjoni fuq dan, huwa mitlub li jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-art kollha li hemm ġewwa Manoel Island hijiex tal-Gvern? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpannija Medserv xtratx xi art mill-gvern ġewwa Manoel Island? Jekk iva, meta inxtrat u għal kemm?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-art ta' Manoel Island hija kollha tal-Gvern. Jekk l-Onor. Interpellant irid aktar informazzjoni huwa mitlub li jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li fihom se jsir xogħol neċessarjju biex jitwassal is-servizzi infrastrutturali ħalli l-proġetti ta' Tiġne' u Manoel Island ikunu jistgħu jsiru?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
In-negozjati mal-'Consortium' magħżul waslu fi stadju avvanzat u dettalji jingħataw aktar tard meta jkun opportun.
Li wieħed jista' jgħid issa huwa li hemm xogħol ta' infrastruttura li jrid isir bejn l-inħawi tal-Bridge ta' Manoel Island u r-roundabout fit-tarf ta' Gżira Road ħdejn ir-roundabout magħrufa bħala 'ħdejn it-tank tal-Gass'. Irid jingħad li tant hemm konġestjoni f'dawn l-inħawi, li dan ix-xogħol huwa meħtieġ fl-interess pubbliku anki kieku ma kienx hemm il-proġett ta' Manoel Island.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk id-djar/jew proprjeta' oħra fil-Gżira li se jiġu esproprjati mill-gvern in konnessjoni ma' l-iżvilupp maħsub ġewwa Manoel Island?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-ebda art m'hi ser tiġi esproprjata minħabba l-iżvilupp li sejjer isir f'Manoel Island.
Jekk l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għat-triq ġdida li trid tgħaqqad Regional Road minn ħdejn l-ex tank tal-Gass sax-Xatt tal-Gżira, dan huwa proġett li xorta jrid isir indipendentament mill-iżvilupp ta' Manoel Island.
Jekk l-Onorevoli Interpellant irid aktar informazzjoni fuq dan, huwa mitlub li jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li tiġi tiswa lil gvern l-infrastruttura kollha neċessarja li trid issir biex tkun tista' tinbena il-ponta ta' Tiġne' u Manoel Island? Jista' l-Ministru jgħid u jagħti breakdown tas-somma in kwestjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
In-negozjati mal-'Consortium' magħżul u l-preparazzjoni biex jibda l-proġett waslu fi stadju avvanzat u aktar dettalji jingħataw aktar tard meta jkun opportun.
Peress li fi triq li tagħti għal kamra tan-nar tal-Għargħur hija waħda dejqa ħafna, tali li f'każ ta' inċident ma jkunux jistgħu jidħlu ambulanzi u fire engines u peress li taħt il-gvern preċedenti fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet kienu tlestew pjanti li għandha titwessa' t-triq msemmija, jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li din i-triq titwessa'?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proġetti li qed jaħdem fuqhom u li għandu ppjanati l-Valletta Rehabilitation Committee din is-sena?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta għad irid jerġa' jkun rikostitwit. Madankollu l-Uffiċju tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta baqa' sejjer b'numru ta' proġetti li kien diġa' beda u li jew kienu ppjanati li jibdew. Sadanittant l-Uffiċju tal-Proġett reġa' ġie msaħħaħ b'numru ta' tekniċi biex ikun jista' jaqdi d-dmirijiet li għandu. Xogħol li qed isir bħalissa jinkludi xogħol ta' restawr fil-Kon Kattidral ta' San Ġwann, fil-Palazz, fil-Knisja tal-Ġiżwiti u fil-Knisja tal-Madonna tal-Pilar, ħidma ta' upgrading fil-Forti Sant'Jiermu, xogħol ta' manutenzjoni fi statwi tal-kantunieri, u xogħol ta' tibjid fi Triq Sant'Anna, Floriana.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif u dettalji u jispjega meta għandhom isiru x-xogħlijiet imwegħda fi Pjazza 7 ta' Ġunju, il-Ħamrun? Jaf il-Ministru li din ilha abbandunata żmien allavolja l-kunsill lokali għamel dak kollu possibbli min-naħa tiegħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 1758 (Seduta 31).
In vista tar-risposta mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari numri 962 u 1997 rigward il-problema tad-drenaġġ fix-Xgħajra, jista' l-Ministru jieħu ħsieb li jkun hemm sigurta' fil-manholes imsemmija billi tiġi nstallata sistema ta' sigurta' li permezz tagħha dawn jinfetħu minn uffiċjali tad-dipartiment iżda ma jkunux jistgħu jinfetħu minn terzi persuni, sistema wżata minn missierietna f'sekli oħra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Tlabt lid-Dipartiment konċernat jara jistax jagħmel xi ħaġa f'dan ir-rigward biex tiġi installata xi sistema fil-manholes biex ma jinfetħux minn terzi persuni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern tiegħu għandux l-ħsieb li jimxi 'l quddiem fuq il-proġetti ta' recreation parks li kien ipproġetta l-aħħar Gvern Laburista?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jien infurmat li l-Gvern għandu ħsieb ikompli bix-xogħol fuq Proġetti ta' Recreation Parks.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir id-drenaġġ u t-tarmac fi Triq Mons. Luigi Catania, Għargħur?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li din l-estensjoni qiegħda nkluża f'tender numru 1496/83/4 u x-xogħol maħsub li jsir aktar tard din is-sena.
Rigward it-tieni parti nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.