Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġett MUŻA – post ta’ project manager

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19165, jista' l-Ministru jgħid għaliex Heritage Malta mhux se tingaġġa full-time project manager fuq dan l-proġett ta' importanza nazzjonali (MUŻA)? Jista' jgħid għaliex mhux se jintuża l-mudell li ntuża fi proġetti oħra li mexxiet tant tajjeb Heritage Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li mhemmx għalfejn jiġi ingaġġat full-time project manager fuq il-proġett tal-MUZA peress li l-aġenzija għandha fi ħdanha impjegati professjonali li jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol, u għalhekk il-flus li kieku marru għal dan is-servizz jistgħu jintefqu fi ħwejjeġ oħra iżjed important fil-proġett innifsu. Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li impjegati ta’ Heritage Malta diġà qdew il-funzjoni ta’ project management fil-proġett ta’ Sant Anġlu.

Heritage Malta – impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25668 u jgħid jekk impjegat ġdid f'Heritage Malta, li jkun għadu taħt probation ta' sena hux eleġibbli biex joqgħod għall-interview għall-post ieħor li jkun mitqies bħala promozzjoni fi grad għax minn dakinhar li saret il-mistoqsija oriġinali ngħata l-ittra ta' ħatra l-ġdida hekk kif spiċċat is-sena probation?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda regolament li jeskludi lil xi ħadd milli joqgħod għal xi interview ladarba jkollu r-rekwiżiti meħtieġa.

Kunsilliera Lokali li spiċċaw mill-kunsilli tagħhom

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu n-numru ta' kunsilliera lokali li spiċċaw mill-kunsilli tagħhom matul is-sena li għaddiet, lokalità b'lokalità? Kemm kien hemm membri tal-kumitati lokali li spiċċaw mill-Kumitat tagħhom matul l-istess perjodu? Minn fejn huma?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena li ser tintemm dalwaqt, sa isse kien hemm total ta’ għaxar (10) kunsillieri li spiċċaw. F’dan l-istess żmien ma kien hemm l-ebda membru ta’ Kumitat Amministrattiv li spiċċa. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Qrati Maltin — każjiet ta' mandati ta' arrest għal xhieda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet ta' mandati ta' arrest għal xhieda li ma dehrux quddiem il-Qrati Maltin matul din is-sena? Kemm minnhom ġew esegwiti?

Response (BONNICI, OWEN)

Matul din is-sena, fil-Qorti u Tribunali Ċivili Malta kien hemm 61 mandat t`arrest u fil-Qorti ta` Għawdex għal dak li jirrigwarda kawżi ċivili kien hemm 13-il mandat t`arrest. S'issa għadha ma tinżammx statistika dwar jekk il-mandat ikunx ġie eżegwit jew le.

Heritage Malta – Kumitat tas-Saħħa u s-Sigurtà – membri u laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk f'Heritage Malta jeżistix Kumitat tas-Saħħa u s-Sigurtà? Jekk fl-affermattiv, min huma l-membri li jservu fih u meta ltaqa’ l-aħħar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li f’Heritage Malta jeżisti kumitat tas-saħħa u sigurtà, li jiltaqa skont il-bżonn u ċ-ċirkostanzi. Dan il-kumitat huwa magħmul minn rappreżentanti tal-impjegati, li huma Paul Portelli, Ivan Bezzina, Pierre Dalli, Martin Borg, Anton Catania, William Powney u Keith Camilleri. Il-kumitat ilu żmien ma' jiltaqa, madanakollu jibgħat regolarment email lill-impjegati kollha li fiha jaġġornahom fuq għadd ta’ materji ta’ saħħa u sigurtà.

Heritage Malta – Presidenza 2017 — kontribut

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jkun il-kontribut ta' Heritage Malta għall-Presidenza 2017? Jista' jgħid jekk Heritage Malta hux se tingħata fondi addizzjonali u riżorsa umana sabiex jitwettaq dan il-kontribut? Jekk fl-affermattiv, kemm se tkun din l-għajnuna?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li għall-Presidenza 2017, Heritage Malta għamlet ħafna xogħol ta’ restawr fil-Palazz tal-Gran Mastru b’kooperazzjoni mal-GHRC u uffiċjali tal-Presidenza. Heritage Malta se torganizza għadd ta’ attivitajiet u tospita wkoll għadd konsiderevoli ta’ attivitajiet oħra marbuta mal-Presidenza fil-mużewijiet u s-siti tagħha.

Heritage Malta – ppanċjar qabel il-core hours

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-management ta' Heritage Malta tatx permess lil xi ħaddiema biex jippanċjaw qabel il-core hours u allura qabel is-7am u filgħaxija qabel l-4pm? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid fuq liema kriterji jingħata dan il-permess? Għaliex lil ċertu ħaddiema ma ngħatalhomx dan il-konċessjoni? Jista' jgħid kemm ħaddiema qed jibbenifikaw minn dan il-permess u x'pożizzjoni għandhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li hemm impjegat wieħed ta’ Heritage Malta li ntalab mill-management sabiex jibda xogħol 30 minuta qabel (u allura jispiċċa 30 minuta qabel). Dan sar peress li l-impjegat imsemmi (Assistant Administrator) huwa inkarigat mir-reception tal-uffiċċju prinċipali ta’ Heritage Malta, u għaliex instab li mhuwiex prattiku li ssir handover eżatt fl-istess ħin li fih jirrapurtaw għax-xogħol l-impjegati l-oħra. Għalhekk, jirraporta għax-xogħol nofs siegħa qabel ħalli dan ikun jista’ jsir kif xieraq.

Heritage Malta – couriers – oġġetti esebiti barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuni (couriers) li Heritage Malta tibgħat mal-oġġetti biex jiġu esebiti barra minn Malta, għandhomx għarfien ta' konservazzjoni u handling ta' artifatti? Jekk fl-affermattiv, x'tip ta' training ingħataw dawn l-individwi u meta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-uffiċjali li jakkumpanjaw oġġetti barra minn Malta jkunu dejjem kuraturi, konservaturi jew uffiċjali li għandhom esperjenza ta’ għexieren ta’ snin f’dan ix-xogħol (jew taħlita bejniethom skont il-każ), u għalhekk ikollhom dejjem l-għarfien kollu meħtieġ.

Siti tal-Wirt Patrimonju Dinji – tined qrib

Question

B'referenza għat-tinda li qatt ma ntużat u li ttellgħet f'Ħaġar Qim għaċ-CHOGM li għadda, jista' l-Ministru jgħid jekk fil-futur, Heritage Malta hijiex se taċċetta li jittellgħu tined simili viċin ħafna tas-siti tal-wirt patrimonju dinji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li kull talba għal xi atività fil-mużewijiet u s-siti kollha ta’ Heritage Malta, inkluż it-tempji neolitiċi, tiġi evalwata fuq il-merti tagħha, u b’mod li dejjem jiġu salvagwardjati l-ewwel u qabel kollox is-siti nfushom.

Heritage Malta – sistema ta’ commission għall-persuni li jġibu l-business

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk Heritage Malta taddottax skema ta' commissions għal nies li jġibu business lejn Heritage Malta? Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti aktar dettalji ta' kif titħaddem din l-iskema?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta thaddem skema ta’ incentivi ghal gwidi kwalifikati li jgibu vizitaturi fil-muzewijiet u siti taghha. Qed inpoggi fuq il-mejda tal-kamra in-newsletter tal-Malta Union of Tourist Guides tal-10 ta’ Mejju 2016 (p. 15), li tispjega kif tahdem din l-iskema.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern lokali, Kunsilli Lokali u dipartimenti – ħlas lill-individwi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus li ngħataw lil individwi li b'xi mod taw is-servizzi tagħhom lill-kunsill lokali, dipartiment jew segretarjat jew Ministeru, u li tħallsu mill-voti tal-istess dipartiment, segretarjat jew Ministeru, sena b'sena fl-2014, 2015 u 2016 sal-aħħar ta’ Novembru 2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

LESA — kuntratti - gwardjani lokali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 28477 u 28562 u jgħid b’liema kuntratti qed taħdem il-Local Enforcement System Agency (LESA) biex tkun tista’ tqabbad il-Gwardjani Lokali? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn il-kuntratti? Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie ffirmat kull kuntratt, minn min, meta jiskadi u kemm jiswa’ kull kuntratt?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Heritage Malta – ħaddiema u professjonisti – stedina għall-Cultural Heritage National Forum

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema u l-professjonisti ta' Heritage Malta ġewx mistiedna għall-Cultural Heritage National Forum ta' din is-sena? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm attendew ħaddiema u professjonisti ta' din l-Aġenzija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li bħal kull sena, dawk l-uffiċjali kollha ta’ Heritage Malta li kienu interessati li jattendu għall-Forum kienu liberi li jagħmlu dan wara li jġibu l-permess tas-superjur tagħhom. Ma nżammitx attendenza ta’ dawk l-impjegati li attendew.

Heritage Malta – użu ta’ servizzi ta’ konsulenza relatati mal-proġetti maġġuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għamlitx użu ta' servizzi ta' konsulenza relatati mal-proġetti maġġuri tal-istess Aġenzija, minn Marzu 2013 s'issa? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' dawn l-individwi, in-natura tas-servizzi li taw, in-nefqa abbinata ma' kull servizz u jekk is-servizz inħariġx b'direct order jew b'sejħa pubblika? Jista' jgħid fuq liema kriterji ntgħażllu dawn in-nies?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta ma għamlet użu minn l-ebda servizz ta’ konsulenza sabiex wettqet il-proġetti maġġuri minn Marzu 2013 s'issa.

Heritage Malta – boroż ta’ studju — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem ta' Heritage Malta bbenifika mill-boroż ta' studju bejn Marzu 2013 u April 2016? Jista' jgħid x'qiegħed isir b'mod attiv sabiex dan in-numru jkompli jikber u iktar ħaddiema jakkwistaw kwalifiċi għolja?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi (minbarra t-taħrip ġenerali pprovdut lil ħafna mill-istaff) kien hemm madwar 70 impjegat ta’ Heritage Malta li bbenefikaw minn għajnuna sabiex itejjbu l-ħiliet u l-kwalifici taghhom. Dawn ivarjaw minn permessi sabiex jattendu għal konferenzi, eżamijiet, study leave, korsijiet eċċ, għal għajnuna finanzjarja sabiex jitħallsu l-miżati tal-istudju, fejn applikabbli. Kull inizjattiva f’dan il-qasam dejjem issir fil-qafas tal-ftehim kollettiv tal-aġenzija.

Heritage Malta – Post ta’ IT Coordinator

Question

B'referenza għall-post ta' I.T. Coordinator, li Heritage Malta ħarġet madwar sena ilu, jista' l-Ministru jgħid minn kienu l-membri tal-Bord tal-Għażla u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dikjarazzjonijiet tagħhom (bil-miktub) li ma kien hemm l-ebda konflitt ta' interess bejn xi membri tal-bord u xi kandidati li applikaw għal dan il-post?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-aħħar sejħa għall-IT Coordinator li għamlet Heritage Malta saret fl-2014. Sa dik is-sena l-membri tal-bord tal-għażla ma kienux jintalbu jiffirmaw dikjarazzjoni rigward kunflitt ta’ interess iżda kienu jagħmlu dan bil-fomm biss. Ma kien hemm l-ebda kunflitt ta’ interess. Il-membri tal-bord tal-għażla kienu is-Sur Raymond Jones (HR Manager ta’ Heritage Malta), u s-Sur Paul Debattista u s-Sur Joseph Caruana (żewġ intervistaturi esterni).

Heritage Malta – Dipartiment tal-HR – reminders dwar ċirkularijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-Dipartiment tal-HR fi ħdan Heritage Malta qiegħed jibgħat reminders dwar ċirkularijiet li ħarġu fiż-żminijiet li għaddew lil kulħadd, minflok ma javviċina l-individwi li jaf li qegħdin jiksru b'mod regolari dawn ir-regolamenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li hija prassi li kull tant żmien jerġgħu jintbagħtu ċirkularijiet lil kulħadd sabiex l-impjegati jiffriskaw il-memorja dwar ċertu aspetti b’mod ġenerali, u mhux minħabba xi raġuni partikolari.

Dipartiment tal-HRD – twaqqif ta’ farewell parties

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma - jekk id-Dipartiment tal-HR waqqafx ħesrem farewell parties li kienu jiġu organizzati għal dawk l-impjegati li jkunu se jirtiraw mix-xogħol bl-età? Jekk fl-affermattiv kien hemm xi raġuni għal dan il-waqfien?

Response (BONNICI, OWEN)

Nistaqsi lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema Dipartiment tal-HR qed jirreferi.

Direct Orders awtorizzati

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27616, jista' l-Ministru jispjega lil min ingħatat id-direct order ta' €624,000 għal due diligence lill-kuntrattur hemm imsemmi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi s-servizz ta' Due Diligence jsir minn numru ta’ kumpaniji internazzjonali speċjalizzati f’dan ix-xogħol investigattiv madwar id-dinja. L-ammont imsemmi hu maqsum bejn dawn il-kumpaniji. Informat li anke fid-dawl ta’ prassi kostanti matul is-snin f’dan il-qasam, biex ix-xogħol ta’ Due Diligence u investigazzjoni jsir b’mod serju u ta' valur, u għal raġuni ta’ sigurtà m'huwiex indikat li l-ismijiet ta’ dawn il-kumpaniji jiġu ppublikati. Min-naħa ta’ Identity Malta hija l-ewwel darba li qed jintuża dan it-tip ta’ servizz però entitajiet oħra bħal MFSA li wkoll ikollhom bżonn servizzi ta’ Due Dilligence dejjem iżommu l-ismijiet tal-kumpaniji sigrieta minħabba s-sensittività t’informazzjoni li jipprovdu fuq persuni kkonċernati.

Applikazzjoni għaċ-Ċittadinanza pendenti

Question

Jista’ l-Ministru tal-Ġustizzja jara għalfejn l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ilha pendenti minn Awwissu 2014, skont kif ġiet riferuta lili?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza jeziġu pproċessar rigoruz illi jsir primarjament mill-Unit taċ-Ċittadinanza fi ħdan l-Aġenzija Identity Malta. Għaldaqstant l-applikant jista’ jagħmel kuntatt mal-Unit taċ-Ċittadinanza billi jibgħat e-mail fuq citizenship@gov.mt jew billi jċempel fuq 25904168/69 u jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu lill-uffiċjali responsabbli.