Legislature:
Category:
Reset
Active:

Eu work directive 2004/114/ec

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformani meta Eu work directive 2004/114/ec se tkun mgħoddija bħala liġi u tkun effettiva f'Malta?

Response (BORG, TONIO)

L-Istati Membri huma obbligati li jimplimentaw il- Council Directive 2004/114/EC of 13 December 2004 on the conditions of admission of third-country nationals for the purposes of studies, pupil exchange, unremunerated training and voluntary service sa t-12 ta’ Jannar 2007. Il-Gvern Malti hu kommess li jimplimenta din id-Direttiva sa d-data indikata.

Pulizija — permessi għall-parking tat-tobba

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk meta tabib tal-familja jikseb permess għall-parking mingħand l-ADT, anke f'postijiet fejn il-parking huwa riservat, ifissirx li jista' jipparkja fejn hu projbit għal tul ta' żmien, per eżempju, waqt il-ħin meta l-klinika tiegħu tkun miftuħa jew fejn il-parking ikun għal ħin fiss? Jista' jispjega eżatt għal xiex hu ntitolat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi meta kienu ġew introdotti r-regolamenti dwar klampjar u rmonk fl-1997, kienu saru arranġamenti sabiex jinħareġ avviż speċjali mill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jitqiegħed mal-karozzi ta' tobba/infermiera li jkunu qed jinviżtaw pazjenti f'żoni ta' ikklampjar u irmonk. Għaldaqstant dan l-avviż ma japplikax għall-kliniċi.

Valletta — Arkivji notarili

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet sabiex l-Arkivji Notarili fi Triq San Kristofru l-Belt Valletta jingħataw aktar attenzjoni, inkluż xogħol ta' restawr?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fl-Arkivji Notarili fi Triq San Kristoforu l-Belt Valletta bħalissa għaddejjin xogħolijiet ta' restawr li nbdew f'Novembru 2004. Ix-xogħol huwa mqassam f'fażijiet differenti u qed jiġu trattati kemm l-istruttura tal-bini kif ukoll il-volumi li qed jiġu organizzati u ppustjati f'sistema ta' xkaffar adekwat.

CCF — Contact visits

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid eżattament xi tkun contact visit bejn il-ħabsin u viżitaturi? Dawn isiru ġo kamra fejn il-ħabsin u ma' min ikun ikunu, waħedhom? Kemm idumu, kemm-il darba jsiru, min hu intitolat għalihom u min huma dawk il-viżitaturi li jistgħu jaraw il-ħabsin f'dawn il-viżiti privati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li "Contact Visit" hija vista li ssir f'sala ma' viżti oħra ta' l-istess tip fejn il-priġunier u l-viżitaturi joqgħodu bil-qegħda madwar mejda u ma jkunx hemm l-ebda tip ta' separazzjoni bejniethom. Il-priġunieri jkollhom vista li ddum ħamsa u erbgħin (45) minuta darba fil-ġimgħa u fil-każ fejn il-priġunier jagħmel xi xogħol produttiv fil-Faċilita', dan jingħata żewġ visti ta' dan it-tip.

Importazzjoni ta' għasafar ta' l-għana

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każi din is-sena u s-sena l-oħra ta' persuni li nqabdu jdaħħlu Malta għasafar ta' l-għana llegalment? Kemm ittellgħu l-qorti s-sena l-oħra u kemm din is-sena u kemm hemm persuni li għadhom ma ttellgħux?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 kien hemm persuna waħda li nqabdet tipprova timporta f'Malta għasafar ta' l-għana illegalment, filwaqt li matul din is-sena kien hemm 9 persuni. Fil-każ tal-persuna li nqabdet is-sena l-oħra il-proċeduri kriminali quddiem il-Qorti nbdew, filwaqt li fil-każ tal-persuni li nqabdu din is-sena il-Pulizija qed tistenna l-awtorita' sabiex tipproċedi mingħand il-Kontrollur tad-Dwana u l-Kummissarju tal-V.A.T.

Dipartiment tal-protezzjoni ċivili

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif inhuma mqassmin ix-shifts fid-dipartiment tal-protezzjoni ċivili (CPD)? Jista' jgħid f'kull shift kemm qegħdin jiġu deployed personnel? Jista' jgħid x'rank għandha kull persuna li tkun qiegħda taħdem fix-shift?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi x-shifts f'Malta huma mqassmin fi tlieta, ċioe' 24 hours on segwiti minn 48 hours off duty, filwaqt illi x-shift ta' Għawdex jinħadem fuq Day/Night/Rest/Off. F'kull shift f'Malta hemm stazzjonati: Shift A 27 Shift B 29 Shift C 29 F'kull shift f'Għawdex hemm stazzjonati: Shift A 8 Shift B 7 Shift C 7 Shift D 7 Ma' dawn irid jiżdied Station Officer wieħed f'kull stazzjon f'Malta u Għawdex, minbarra dak tal-Furjana fejn hemm tnejn. Kull shift huwa magħmul minn Assistance and Rescue Officer u huwa mmexxi minn Leading Assistance and Rescue Officer. Fejn ma hemmx uffiċjal f'dan ir-rank, ikun hemm Senior Assistance and Rescue Officer li jkun inkarigat mix-shift.

Dipartiment tal-protezzjoni ċivili

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta ser jitħallsu ta' l-overtime il-personnel tas-civil protection department għax-xogħol li wettqu fl-elezzjoni ġenerali ta' l-2003 u cioe' sentejn ilu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-overtime li rrefera għalih l-Onor. Interpellant ser jitħallas għall-bidu tas-sena 2006. Dan id-dewmien kien dovut għall-fatt li nqalgħet kwestjoni dwar jekk kellux jitħallas dan ix-xogħol "extra". Dil-kwestjoni issa ġiet solvuta.

Dipartiment tal-protezzjoni ċivili

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li darba kull tliet ġimgħat il-personnel tas-CPD fl-istazzjon tal-Furjana fix-shift C jaqgħu bi tnejn minn nies? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni? Jaqbel il-Viċi Prim Ministru li f'dawn il-każi l-istazzjon ikun undermanned f'każ ta' bżonn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi huwa minnu illi fl-okkażżjonijiet imsemmija il-personnel fl-istazzjon tal-Furjana jaqgħu għal tnejn minħabba li l-bqija tal-personnel ikunu qegħdin jagħmlu taħriġ ta' diving għal xi ħin. Kif jintemm dan it-taħriġ, li jkun biss għal ftit sigħat, dawn jerġgħu imorru lura fl-istazzjon tagħhom. Wieħed irid jifhem illi, għalkemm hemm erbgħa stazzjonijiet tat-tifi tan-nar f'Malta, dawn huma kollha korp wieħed li jissejħu biex jagħtu assistenza fi kwalunkwe parti ta' Malta jekk ikun hemm il-ħtieġa. Ghalhekk, kull meta ikun hemm nies nieqsa f'xi stazzjon, dan ikollu l-back up ta' stazzjonijiet oħra f'każ ta' bżonn. Nfakkar lill-Onor. Interpellant illi l-istazzjonijiet tat-tifi tan-nar żdiedu minn 2 għal 4 f'dawn l-aħħar snin, biex it-territorju kollu jkun moqdi aħjar.

Dipartiment tal-protezzjoni ċivili — Humanitarian aid

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min huwa l-uffiċjal tas-CPD responsabbli mill-humanitarian aid? Jista' jgħid id-data meta din il-persuna ħadet dan l-inkarigu? Jista' jgħid kemm inġabru flus u affarijiet, sena b'sena, mill-humanitarian aid? Jista' jagħti rendikont dettaljat ta' kull sold u/jew oġġett li nġabru, mingħand min ġew akkwistati u lil min jew fejn ingħataw?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-persuna inkarigata mis-sezzjoni ta' assistenza umanitarja, kemm għal Malta kif ukoll għal pajjiżi barranin, huwa Leading Assistance and Rescue Officer u dan l-inkarigu ingħata lilu fit-28 ta' Mejju 2004. Fir-rigward ta' l-aħħar żewġ partijiet tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15046 fis-Seduta Nru. 307 tal-24 ta' Ottubru 2005. Għandi inżid ngħid illi skond l-informazzjoni li għandi, donazzjonijiet flus f'kontijiet bankarji mis-6 ta' Settembru sal-lum kienu jammontaw għal Lm7,786.08. Minn dawn tħallsu dawn l-ammonti: Uragan Katrina : USD 12,000 Army Surplus - Pakistan Relief : Lm2,625 Red Cross Malta - Pakistan Relief : Lm600 Spejjeż : Lm74.19 Inżid ngħid illi dan il-kont jiġi ġestit minn tlett uffiċjali tad-dipartiment, jiġifieri id-Direttur u żewġ uffiċjali għolja oħra. Fl-aħħar tas-sena isir awditjar minn awditur privat.

Kunsilli Lokali — Donazzjonijiet

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid liema kienet l-ogħla donazzjoni fi flus li saret minn kunsill lokali fl-aħħar tliet snin, sena b'sena u minn liema kunsilli?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant għadha qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Kunsilli Lokali — Donazzjonijiet

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw donazzjonijiet fi flus mill-kunsilli lokali f'Malta u f'Għawdex matul l-aħħar 3 snin, sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant għadha qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Persuni miżmuma milli jidħlu Malta

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm twaqqfu persuni milli jidħlu Malta bil-baħar? X’kienu r-raġunijiet prinċipali għal dan? Ta’ liema nazzjonalita` kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena kien hemm 32 persuna ta’ nazzjonalita barranija li ma tħallietx tidħol wara li waslet Malta bil-baħar. Ir-raġunijiet li għalihom dawn in-nies intbagħtu lura kienu prinċipalment li: - Ma jkollhomx id-dokumenti kollha neċessarji - Ikollhom dokumenti falsifikati - Ma jkollhomx mezzi biżżejjed biex imantnu lilhom infushom f’Malta - Jiġi stabbilit li ma jkunux ġew Malta għal skop ġenwin ta’ turiżmu - Ma jkollhomx biljett għar-ritorn - Jkunu suġġetti ta’ xi struzzjonijiet biex ma jitħallewx jidħlu Malta minħabba xi każ preċedenti jew xi raġuni oħra Dawn kienu minn dawn il-pajjiżi: Albania Ghana Romania Tunisia Bulgaria

Amnestija lill-ħabsin

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw amnestiji lill-ħabsin f'dawn l-aħħar 30 sena? Kemm gawdew ħabsin u x'kien ir-reat li għalih kienu l-ħabs?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 11774 fis-Seduta Nru. 197 tat-2 ta’ Diċembru 1999, u Mistoqsija Parlamentari Nru. 5738 fis-Seduta Nru 141 tal-21 ta’ Ġunju 2004.

CHOGM — Kaċċa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hijiex se titwaqqaf il-kaċċa waqt li tkun qed issir il-konferenza taċ-CHOGM u f'liema partijiet tal-gżira se ssir?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mhux maħsub li l-kaċċa titwaqqaf fil-ġranet taċ-CHOGM. Pero’ ser ikun hemm żona limitata madwar il-lukanda ta’ Għajn Tuffieħa, fejn il-passaġġ ghall-pubbliku ser ikun ristrett.

Esproprjazzjoni ta' art

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienet is-somma li ħallas il-gvern għal proprjeta' esproprjata matul dawn l-aħħar ħames snin, kull sena separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-somma li ħallas il-Gvern għal propjeta’ esproprijata matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b’sena, hi kif ġej: Sena Ammont 2001 Lm3,952,966 2002 Lm2,256,296 2003 Lm2,305,807 2004 Lm5,173,804 2005* Lm5,801,704 * sal-31 ta’ Ottubru

Proġetti ta' Tigne' u Manoel Island — Dħul tal-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kien id-dħul tal-gvern mill-proġetti ta' Tigne' u Manoel Island, Pinto Wharf u l-Kottonera minn meta ngħatalhom iċ-ċens sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-dħul tal-Gvern mill-progetti li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant minn meta ngħatalhom iċ-ċens sal-lum kien kif jidher hawn taħt:- Tigne u Manoel Island Lm5,899,901 Pinto Wharf Lm1,236,676 Kottonera Lm 645,599

Persuni miżmuma l-ajruport

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid matul din is-sena s’issa kemm–il persuna twaqqfet milli tidħol Malta mill-ajruport u ntbgħatet lura mill-pajjiż li tkun waslet minnu? X’kienu r-ragunijiet prinċipali għal dan? Ta’ liema nazzjonalita` kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena kien hemm 210 persuni ta’ nazzjonalita barranija li ma tħallewx jidhlu wara li waslu Malta bl-ajru. Ir-raġunijiet li għalihom dawn in-nies intbagħtu lura kienu prinċipalment li: - Ma jkollhomx id-dokumenti kollha neċessarji - Ikollhom dokumenti falsifikati - Ma jkollhomx mezzi biżżejjed biex imantnu lilhom infushom f’Malta - Jiġi stabbilit li ma jkunux ġew Malta għal skop ġenwin ta’ turiżmu - Ma jkollhomx biljett għar-ritorn - Jkunu suġġetti ta’ xi struzzjonijiet biex ma jitħallewx jidħlu Malta minħabba xi każ preċedenti jew xi raġuni oħra Dawn kienu minn dawn il-pajjiżi: Algeria Egypt Moldovia Serbia Australia Equador Mongolia Sierra Leone Bosnia Georgia Morocco Syria Brasil Gabon Nigeria Tunisia Bulgaria Guyana Pakistan Turkey Chile Iraq Phillipines Ukrania China India Romania Yugoslavia Colombia Ivory Coast Russia Croatia Libya Senegal