Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm appelli pendenti quddiem in-National Employment Authority minn Malta u Għawdex? Kemm hu iż-żmien tal-każi separatament li l-aktar ilhom jistennew biex jinstemgħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li sal-14 ta' Novembru 2001, kien hemm 292 appell pendenti quddiem in-National Employment Authority, li minnhom 32 huma minn Għawdex.
L-appell li l-aktar ilu pendenti f'Malta daħal fit-3 ta' Mejju 2001. Dan l-appell kellu jinstema' fil-31 ta' Lulju 2001 u l-appellant talab li jiġi pospost għal meta jiġi ntitolat għal-leave biex ikun jista' jattendi għas-smiegħ.
L-appell li l-aktar ilu pendenti f'Għawdex daħal fl-4 ta' Jannar 2001. Dan l-appell instema' fit-2 ta' April 2001 u ġie pospost sakemm l-appellant jiġi eżaminat mit-tobba. Issa li wasal ir-rapport tat-tobba, l-appell mistenni jinstema' fis-26 ta' Novembru 2001.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew allokati postijiet din is-sena mid-dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali? Fejn kienu l-postijiet ċivili ta' kull min ibbenifika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li din is-sena ġew allokati 141 post mid-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-kumplament ta' l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jingħata l-permessi meħtieġa l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li din il-persuna li għandha sieq waħda ilha mill-ewwel ġimgħa ta' Awissu li applikat biex tixtri karozza adattata bil-kundizzjonijiet li jingħataw lil-persuni b'diżabilita?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant issottomettiet l-applikazzjoni tagħha lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' fis-17 ta' Awissu 2001. Skond il-proċedura stabbilita, il-Kummissjoni rreferiet l-applikazzjoni lill-Occupational Health Unit tad-Dipartiment tas-Saħħa fl-20 ta' Awissu 2001, biex jeżaminaw lill-applikant. Il-Kummissjoni għadha qed tistenna risposta mill-Occupational Health Unit dwar l-eżami ta' l-applikant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li tilfu d-dritt għall-benefiċċju tar-relief bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena f'Malta u Għawdex separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li kien hemm 554 familji li twaqqfitilhom l-Assistenza Soċjali (Relief) għal xi raġuni jew oħra mill-1 ta' Jannar 2001 'l hawn f'Malta u Għawdex. Ma tinżammx statistika separata għal Malta u Għawdex u għalhekk mhux possibbli nagħti risposta għat-tieni parti tad-domanda.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena tneħħilhom il-benefiċċju ta' SKA mid-dipartiment tas-sigurta soċjali f'Malta u Għawdex separatament? X'kienet is-sitwazzjoni għall-istess perjodu s-sena l-oħra u fl-1999?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' persuni li għal xi raġuni jew oħra ma baqgħux jirċievu l-Għajnuna Medika f'dawn l-aħħar ħames snin kien hekk:
1997
930
1998
1053
1999
1068
2000
1600
2001 (sa Ottubru)
1205
Din l-informazzjoni ma tinżammx separata għal Malta u Għawdex u mhux użu tajjeb tar-riżorsi tad-Dipartiment li toqgħod tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet it-talba tal-persuna indikata under separate cover biex tpartat il-post tagħha preżenti ma' post ieħor li kellha qabel u li kien ġie rekwiżizjonat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 28762 li jien tajt f'Seduta Numru 622 fit-22 ta' Ottubru 2001.
B'referenza għat-tweġiba parlamentari nru. 29175 u oħrajn simili u l-fatt li d-Dipartiment tal-Housing jagħmel xogħlijiet simili, jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonsidra l-bżonn tar-residenti Mostin f'Ta Mliet u jikkunsidra mill-ġdid it-talba tiegħi f'isimhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
M'għandi xejn xi nżid mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 29175 f'Seduta Numru 632.
Jista' l-Ministru jgħid fi ħdan id-dekasteru tiegħu, kemm hemm awtoritajiet, bordijiet, kummissjonijiet jew entitajiet governattivi?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll minn huma ċ-Chairman, Chief Executive Officers, diretturi u konsulenti legali ta' dawn l-awtoritajiet, bordijiet, kummissjonijiet u entitajiet governattivi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-ex ħaddiema impressed ġew miżjuda ma dawk irreġistrati bħala self-employed jew mal-ħaddiema tas-settur pubbliku? Jekk iva, kif ġew klassifikati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant li l-ex-ħaddiema impressed bidlu n-natura tax-xogħol tagħhom, u dawn minn self employed fis-settur privat ġew klassifikati labourers mas-settur pubbliku (gvern).
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħatat fondi pubbliċi d-dar Osanna Pia f'Tas-Sliema? X'ħidma għamlet id-Dar Osanna Pia minn meta fetħet sa kemm għalqet? X'inhuma r-raġunijiet li għalihom m'għadhiex topera d-dar Osanna Pia?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dar Osanna Pia din is-sena ingħatat Lm5,000 mil-Vot allokat fl-Estimi għall-NGOs. Din id-Dar, li hi amministrata mis-Selesjani ta' Don Bosco, toffri kenn lill-ġuvintur ta' bejn it-18 u 28 sena bi problemi familjari u soċjali u problemi ta' abbuż sesswali jew emozzjonali. Jiġu aċċettati wkoll ġuvintur ta' bejn is-16 u 18-il sena li jkunu fi bżonn ta' għajnuna urġenti. Residenti fid-Dar jiġu mgħallma permezz ta' life skills programmes li jakkwistaw l-indipendenza u l-kapaċita' biex jaffaċċjaw il-ħajja u għalhekk jkunu mistennija li eventwalment isibu akkomodazzjoni oħra. Isir ukoll xogħol mal-familjari tar-residenti u jinħadem after-care programme.
Ninsab infurmat li fil-fatt id-Dar Osanna Pia għadha topera.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huma n-numru ta' persuni b'diżabilita li jattendu ċ-ċentri f'Tarġa Gap, l-Imtarfa u oħrajn f'Malta u Għawdex separatament fil-mument?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi m'għandux Ċentru f'Tarġa Gap. Iċ-Ċentri tal-Persuni b'Diżabilita' li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi għandhom dan in-numru ta' persuni b'diżabilita' jattendu fihom:
ĊENTRU NUMRU TA' PERSUNI B'DIŻABILITA'
Mtarfa 83
Marsascala 74
Ħal Far 88
Santa Venera 33
Fleur de Lys 91
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li persuni b'diżabilita mentali qed jintbagħtu jirreġistraw għax-xogħol wara li jkunu spiċċaw mill-iskola tal-Wardija għaliex ikunu għalqu l-20 sena? X'inhija r-raġuni li dawn il-persuni qed jinqagħtalhom il-benefiċji ta' diżabilita meta kawża tad-diżabilita' mentali u fiżika mhux prattiku għalihom li jsiebu impjieg?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-iskola tal-Wardija ma taqax taħt ir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħi u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-ewwel parti tal-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li persuna tista' tirreġistra għax-xogħol jekk tkun laħqet l-eta' tax-xogħol u tkun disponibbli għall-impjieg. Għalhekk mhemm xejn li jipprekludi persuni b'diżabilita' li jirreġistraw għax-xogħol. Fl-istess waqt, il-pensjoni għad-diżabilita' mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali mhiex marbuta mar-reġistrar għax-xogħol. Għalhekk mhux ċar għaliex l-Onor. Interpellant qed jidher jorbot ir-reġistrar għax-xogħol mal-ħlas ta' din il-pensjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir xogħol ta' outreach speċjalment fi tmiem il-ġimgħa f'postijiet ta' divertiment biex persuna li jkun qed jabbużaw mid-droga u l-alcohol jinġabru u jingħataw l-għajnuna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li team mill-Agenzija Sedqa għamel periodu ta' osservazzjoni fiż-żona ta' Paceville. Minn din l-osservazzjoni jidher li l-akbar problema fir-rigward ta' addictions hi l-konsum eċċessiv ta' alkoħol anki minn żagħżagħ taħt l-eta' ta' 16-il sena.
Ninsab infurmat li fix-xhur li ġejjin l-Aġenzija mistennija li tifrex ix-xogħol tagħha fuq żoni oħra, filwaqt li tiżviluppa servizzi ta' outreach f'ħidma aktar strutturata.
Jista' l-Ministru jara li l-applikazzjoni ta' ħamsa min-nies, b'diversi problemi soċjali għal sussidju fuq irranġar ta' dar tal-privat u lanqas għandha servizz tad-drenaġġ fid-dar, jitmexxa 'l quddiem ħalli x-xogħol ikun jista' jibda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar ma rċeviet ebda applikazzjoni għal sussidju fuq irranġar tad-dar mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x' inhu jżomm milli jsir il-kuntratt finali ta' xiri ta' appartamenti li hemm f' 75 Triq San Lawrenz, Birgu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kuntratti finali ta' xiri ta' appartamenti li hemm f'75 Triq San Lawrenz Birgu ma jistgħux jiġu ppubblikati għalissa peress illi l-Awtorita' tad-Djar ma għandhiex titolu legali fuq l-art.
Jista' l-Ministru jara li jiġi investigat il-każ tat-twaqqif taċ-children's allowance lill-familja li l-partikularijiet dwarha jidhru separatament minn din il-mistoqsija? Tista' din il-familja tiġi infurmata bl-aħħar żviluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jivverifika d-dettalji tal-persuna ndikata minnu.
Jista' l-Ministru jgħid x' passi ħadet il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b' Diżabilita' dwar il-kwistjoni li nqalgħet fl-iskola San Miguel?
X' passi ħa l-Ministru tal-Politika Soċjali dwar il-kwistjoni li nqalgħet fl-iskola San Miguel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' u d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kellhom diskussjonijiet biex tinstab soluzzjoni temporanja sakemm id-Diviżjoni jkollha l-ħin issolvi l-problema fuq bażi permanenti. Il-Kummissjoni identifikat numru żgħir ta' persuni li jistgħu jagħmlu x-xogħol meħtieġ u li setgħu jibdew jagħtu s-servizz tagħhom fl-aqsar żmien possibbli. Biex waslet għal din is-soluzzjoni, l-Kummissjoni sabet l-għajnuna sħiħa tat-Taqsima tas-Supported Living fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u tal-Fondazzjoni Respite Care Services.
Minn naħa tagħha l-Kummissjoni ser titlob ukoll laqgħa mal-MUT biex tiddiskuti ma' din il-Union kif jistgħu jiġu evitati azzjonijiet industrijali li jikkawżaw tbatija lill-studenti b'diżabilita' u lill-ġenituri tagħhom.
Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija, nitolbu jirreferi din il-parti tal-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.