Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #17199 Sitting 329 2000-06-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni nieqssa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni rapportati nieqsa mill-pulizija mill-ewwel tas-sena 'l hawn? Kemm minnhom instabu u/jew irritornaw? X'investigazzjonijiet għaddejjin fil-mument mill-pulizija b'konnessjoni ma' dawn il-każi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta` Jannar u t-19 ta` Ġunju ta` din is-sena kien hemm 95 persuna rrapurtati nieqsa lill-Pulizija. Dawn kollha ġew rintraċċati.
Leg 9 PQ #17190 Sitting 328 2000-06-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Art agrikola

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal reklamazzjoni ta' art għal skopijiet agrikoli? X'inhija l-policy tal-gvern u ta' l-awtorita' f'dan ir-rigward? Kemm hemm każi fejn l-Awtorita' ta' l-Ippjanar kellha tintervjeni sabiex ma jkomplix ir-reklamazzjoni ta' l-art għal skopijiet agrikoli?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar għandha quddiema erba` applikazzjonijiet pendenti li fihom qed tiġi proposta reklamazzjoni ta` art għal skopijiet agrikoli. Hemm ukoll erba` każi fejn l-Awtorita` ta` l-Ippjanar kellha tintervjeni sabiex ma titkompliex ir-reklamazzjoni ta` l-art. Skond l-Att dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp, ir-reklamazzjoni ta` art permezz ta` l-irdim ta` terrapien, ħamrija, jew materjal ieħor tinħtieġ permess ta` l-iżvilupp, kemm jekk hija għal użu agrikolu kif ukoll jekk għal użi oħra. Il-provvedimenti ta` l-Att huma intiżi biex ikun hemm kontroll fuq interventi li jistgħu jkunu ta` ħsara kbira għall-ambjent tal-kampanja. Għaldaqstant, meta l-Awtorita` tieħu deċiżjonijiet dwar talbiet għall-permess għal irdim fuq ix-xagħri, twittija ta` art u xogħlijiet oħra ta` reklamazzjoni, trid bilfors tqis il-merti tal-każ, fosthom l-impatti li dawn l-interventi jħallu fuq l-ambjent. L-Awtorita` tħares bir-reqqa lejn dawn l-impatti sabiex ma jkunux irrepetuti żbalji li saru fl-imgħoddi u li qerdu ambjenti importanti u anke fdalijiet arkeoloġiċi minbarra li ħassru pajsaġġi mill-isbaħ, l-aktar fin-naħat ta` fuq ta` Malta.
Leg 9 PQ #17194 Sitting 328 2000-06-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ċitazzjonijiet li l-pulizija tat lill-persuni li nstabu jiksru r-regoli stabiliti sabiex jikkontrollaw l-użu u l-maniġġjar ta' l-opri tal-baħar fix-xtut Maltin u Għawdxin matul dawn l-aħħar ħames snin, sena sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma ta` statistika kompjuterizzata.
Leg 9 PQ #17322 Sitting 328 2000-06-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern — Dokumenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dokumenti għal-legar ta' l-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern m'għadhomx jintbagħtu fiċ-Ċentru għar-Restawr tal-Kotba tad-Dipartiment tal-Libreriji Pubbliċi u Arkivji fi Triq Zekka fil-Belt Valletta? Jista' għaldaqstant il-Ministru jgħid fejn qegħdin jintbagħtu tali dokumenti għal-legar u x'inhu jiġi mitlub li jħallas l-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern għal tali servizz?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fl-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern hemm bookbinder impjegat full-time li jagħmel ix-xogħol kollu tad-dipartiment imsemmi. Irid jiġi ppreċiżat li fil-Laboratorju tar-restawr tal-Bibljoteka Nazzjonali kienu jintbagħtu biss, wara ordni tal-Qorti, volumi antiki li kienu jirrikjedu xogħol ta` restawr speċjalizzat. Peress li xogħol għall-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern kien isir max-xogħol normali tal-laboratorju msemmi, kull volum li kien jintbagħat hemm għar-restawr kien jieħu madwar sentejn biex jitlesta. Ninsab infurmat ukoll li l-aħħar volum li kien qiegħed jiġi restawrat ġie rritornat bix-xogħol inkomplet peress li l-uffiċċjali tal-Laboratorju infurmaw lill-Arkivista li ma kienux f`pożizzjoni li jkomplu x-xogħol fuqu. Għaldaqstant intlaħaq ftehim mad-Direttur taċ-Ċentru tar-Restawr ta` Bighi biex ix-xogħol fuq dan l-aħħar volum jitkompla bla ħlas fiċ-ċentru msemmi.
Leg 9 PQ #17358 Sitting 328 2000-06-27 Oral · Interim From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Intern

Intern — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-avukati, għaqdiet ta' avukati jew konsulenti legali li taw jew qegħdin jagħtu servizz lil dipartimenti, awtoritajiet jew korpi/entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu, f'xogħol relatat ma' monitoring, screening, addozzjoni, kompatabilita' eċċ ta' liġijiet, direttivi, deċiżjonijiet, regoli, eċċ ta' l-Unjoni Ewropea u li taw dan is-servizz minn Jannar, 1999 sal-lum? X'tip ta' servizz ingħata f'kull każ? X'kienet in-nefqa jew ħlas li ngħata u li qiegħed jingħata f'kull każ? Jekk ħarġet sejħa, min kienu l-applikanti? Min jew liema bord ta' għażla jew xorta oħra għażel din il-konsulenza u abbażi ta' liema kriterji u kundizzjonijiet intgħażlet?

Response (BORG, TONIO)

Id-dettalji mitluba ser jingħataw f`xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #17378 Sitting 328 2000-06-27 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li kien hemm pre-okkupazzjoni dwar il-mod kif ħarġu l-permessi PA2356/98 u PA1346/99? Saru xi inkjesti dwar dan u jekk saru minn min saru u x'kien ir-riżultat ta' dawn l-inkjesti? Jista' l-Ministru jpoġġi kopja tar-rapporti ta' investigazzjonijiet konnessi ma' dawn l-applikazzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li PA 1346/99 ġiet approvata mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp fil-29 ta` Ottubru, 1999 fuq ir-rakkomandazzjoni tad-Direttorat. Din l-applikazzjoni qatt ma ġiet investigata mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar. Ma kien hemm ebda talba biex l-Awtorita` tinvestiga din l-applikazzjoni. Ninsab infurmat ukoll li fit-30 ta` Settembru, 1999, il-Bord ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar qabel li jqabbad lis-Sur Amadeo Mifsud bħala espert indipendenti biex jirraporta fuq il-proċess ta` l-applikazzjoni ta` żvilupp PA 2356/98 li kienet approvata mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp. Rapport fuq l-investigazzjoni kien sottomess lill-Bord ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar fil-15 ta` Diċembru, 1999. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tas-Sur Amadeo Mifsud flimkien mal-kummenti magħmula miċ-Chairman tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp, il-Perit Victor Torpiano.
Leg 9 PQ #17379 Sitting 328 2000-06-27 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Vibration tests

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma d-direttorat ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar awtorizza li jsiru vibration tests b'konnessjoni ma' l-applikazzjoni PA2356/98 is-Sibt fuq talba privata? Minn min saret din it-talba? Kien hemm xi uffiċjali pubbliċi fis-Servizz Ċivili bħala konsulenti privati nvoluti? L-istess direttorat kien konxju tal-pre-okkupazzjoni li kien hemm fi ħdan l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar il-ħruġ ta' l-istess permess meta għamel dawn it-testijiet?

Response (BORG, TONIO)

L-Awtorita` ta` l-Ippjanar toffri servizz ta` vibration monitoring għal żviluppi li jinvolvu tqattiegħ ta` blat u jingħata bi ħlas fuq talba tal-persuni interessati. Dan is-servizz m`għandu x`jaqsam xejn mal-ħruġ ta` permessi, ħlief li ovvjament jingħata biss f`każijiet fejn l-iżvilupp ikun qed isir bil-permessi relattivi. Madankollu, dan huwa biss servizz u ma jinvolvix awtorizazzjonijiet minn xi bord ta` l-Awtorita`. Rigward il-każ li fuqu qed issir din il-mistoqsija, wieħed irid jgħid li t-talba għall-ittestjar kif ukoll l-ittestjar innifsu saru erba` xhur wara li ġiet approvata l-applikazzjoni u l-ittestjar sar b`konnessjoni ma` permess u mhux ma` applikazzjoni. It-talba għall-ittestjar saret il-Ħamis 18 ta` Novembru 1999, mill-perit involut (is-Sur Victor Bigeni) u l-kwotazzjoni tad-Direttorat għal dan is-servizz ġiet ikkonfermata l-Ġimgħa 19 ta` Novembru 1999. L-ittestjar innifsu sar l-għada s-Sibt 20 ta` Novembru peress li l-Perit kellu bżonn jissottometti l-informazzjoni lill-Qorti t`Għawdex it-tnejn ta` wara (jiġifieri t-22 ta` Novembru 1999). L-Awtorita` m`għandhiex informazzjoni dwar jekk kienx hemm xi uffiċjali tas-Servizz Ċivili involuti bħala konsulenti privati. Wieħed irid ukoll jenfasizza li dawn it-testijiet intalbu in konnessjoni ma` każ fil-Qorti t`Għawdex u l-ittestjar innifsu huwa biss rekord ta` vibrazzjonijiet u ma jgħaddi ebda ġudizzju dwar jekk il-livell ta` vibrazzjonijiet humiex aċċettabli jew le.
Leg 9 PQ #17380 Sitting 328 2000-06-27 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Xogħol illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jikkawża apatija fi ħdan l-Awtorita' ta' l-Ippjanar f'Għawdex, speċjalment dwar rapporti ta' xogħol illegali fl-istess gżira? Każ simili hu dwar rapporti li saru b'konnessjoni mal-permess PA 4900/95 u PA 2356/98. Meta saru l-ewwel rapporti dwar dan il-każ u meta ttieħdet l-azzjoni min-naħa ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Jirriżulta li hemm korrispsondenza nieqsa dwar oġġezzjoni/pre-okkupazzjoni f'dawn il-files?

Response (BORG, TONIO)

Ir-Rapporti dwar allegat żvilupp illegali fil-gżira t`Għawdex jiġu nvestigati mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar u jittieħdu l-passi meħtieġa skond il-liġi. Ninsab infurmat li l-ewwel rapporti rigward il-każi msemmija (PA 4900/95 u PA 2356/98) saru wara li ħareġ il-permess PA 4900/95 u kien beda l-iskavar ta` l-istess sit. Irriżulta iżda, li l-oġezzjoni kienet rigward skavar f`sit ieħor maġenbu, fejn aktar tard saret l-applikazzjoni għal żvilupp f`PA 2356/98. Wara l-investigazzjonijiet li saru ħareġ Avviż t`Infurzar ECF 1021/98. Sar Appell mill-istess Avviż u intant inħareġ permess ta` żvilupp f`PA 2356/98. Għaldaqstant il-mertu ta` l-Avviż ġie sanzjonat mal-ħruġ tal-permess u l-Appell ma baqax jinstema`. L-iżvilupp li sar sa issa fuq is-sit huwa skond il-permessi kif maħruġa u f`dan l-istadju mhix meħtieġa azzjoni ta` Infurzar. Irid jingħad ukoll illi bħalissa hemm 'Third Party Appeal' mill-permess maħruġ f`PA 2356/98 li għadu pendenti. Ninsab infurmat ukoll li kienet ġiet sottomessa korrispondenza mingħand is-Segretarju tal-Prim Ministru is-Sur V. Piccinino fejn l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ġiet mitluba tinvestiga complaint mingħand Carmen Bajjada mix-Xagħra. Il-każ ġie mistħarreġ kif mitlub u risposta mibgħuta lill-Uffiċċju ta-Chairman minfejn oriġinaw l-istruzzjonijiet għall-investigazzjoni. Hija prattika normali li tali korrispondenza interna ma tiġix inkluża fil-file għaliex hija kkunsidrata bħala kunfidenzjali. Fir-rapport lid-Development Control Commission dwar l-applikazzjoni saret referenza għall-Avviż t`Infurzar imsemmi hawn fuq u ssemmew ukoll l-oġġezzjonijiet tas-Sinjura Bajjada.
Leg 9 PQ #17149 Sitting 327 2000-06-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Djar — Rabat

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16690, seduta numru 317, jista' l-Ministru jara li jsiru l-arranġamenti meħtieġa sabiex l-inkwilini tal-fond imsemmi jkunu jistgħu jixtru l-fond imsemmi? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-fond li saret referenza għalih fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16690 ma jistax jinbiegħ minħabba problemi legali li hemm dwar l-art li fuqha huwa mibni l-fond imsemmi.
Leg 9 PQ #17188 Sitting 327 2000-06-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Kawzi quddiem il-qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem il-qorti li jinvolvu l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fil-preżent? Kemm hemm każi ta' appelli quddiem il-bordijiet ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fil-preżent?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-każijiet fejn l-Awtorita` ta` l-Ippjanar hija parti (u għaldaqstant mhux qed jiġu nklużi l-avviżi tal-pulizija li jiġu istitwiti fuq talba ta` l-Awtorita` għalkemm il-prosekuzzjoni titmexxa prattikament mill-avukat ta` l-Awtorita` li mhix parti fil-proċedimenti - il-partijiet huma l-pulizija u l-akkużat) huma kif ġej : - Qorti ta` l-Appell minn appelli deċiżi mill-Bord ta` l-Appell dwar l-Ippjanar - 185 li minnhom hemm madwar 70 differiti għas-sentenza; Qorti ta` l-Appell minn appelli minn ċitazzjonijiet - 6; Ċitazzjonijiet kontra l-Awtorita` - 57; Tribunali ta` l-Inġustizzji - 28; Kawżi kostituzzjonali - 15; Ninsab infurmat ukoll li hemm ukoll 882 każ ta` appell pendenti quddiem il-Bord ta` l-Appell dwar l-Ippjanar.
Leg 9 PQ #17348 Sitting 327 2000-06-27 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Intern

Intern — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-avukati, għaqdiet ta' avukati jew konsulenti legali li taw jew qegħdin jagħtu servizz lil dipartimenti, awtoritajiet jew korpi/entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu u li taw dan is-servizz minn Jannar, 1999 sal-lum? X'tip ta' servizz ingħata f'kull każ? X'kienet in-nefqa jew ħlas li ngħata u li qiegħed jingħata f'kull każ? Jekk ħarġet sejħa, min kienu l-applikanti? Min jew liema bord ta' għażla jew xorta oħra għażel din il-konsulenza u abbażi ta' liema kriterji u kundizzjonijiet intgħażlet?

Response (BORG, TONIO)

Id-dettalji mitluba ser jingħataw f`xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #17043 Sitting 326 2000-06-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Mellieħa — Għaqda Kaċċaturi MK

Question

B'riferenza għall-applikazzjoni ta' l-Għaqda Kaċċaturi MK tal-Mellieħa sabiex jiżviluppaw ranch tal-plattini għall-membri tagħhom, jista' l-Ministru jinformana bl-iżviluppi ta' din it-talba? X'inhija l-policy tal-gvern dwar ir-ranches tal-plattini u x'sar mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn sabiex titwettaq din il-policy?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant qiegħda fi stadju avvanzat u qiegħda għar-rakkomandazzjoni tad-Direttorat ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar. Iżda ta` min jgħid li skond id-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta`, l-art li fuqha ntalab biex tiġi żviluppata r-range għall-plattini li saret referenza għaliha, tifforma parti minn biċċa art li hija mikrija lil terzi persuni. Fir-rigward tal-policy ta` l-Awtorita` dwar ranges tal-plattini, ninsab infurmat li l-abbożż finali ġie ċirkolat internament fi ħdan l-Awtorita` fid-29 ta` Mejju, 2000, u b`hekk wieħed jista` jgħid li t-tħejjija tal-Policy ta` l-Awtorita` fir-rigward ta` ranges għall-plattini hi fi stadju avvanzat ħafna ukoll.
Leg 9 PQ #17222 Sitting 326 2000-06-26 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs — Gwardjani - Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet fl-aħħar sejħa għall-gwardjani tal-ħabs? Kemm intagħżlu? Minn liema lokalita' ġejjin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta` applikazzjonijiet fl-aħħar sejħa għall-gwardjani tal-Ħabs kien ta` 199. Minn dawn, wara l-eżami mediku u l-interview, intgħażlu 56. Minn dawn il-56 applikant ġew imsejħa biex jibdew il-kors ta` taħriġ skond is-sejħa ta` l-applikazzjoni, 20 minnhom naqsu li jattendu. Għaldaqstant in-numru li qegħdin jitħarrġu huwa ta` 36. Dawn ġejjin mill-lokalitajiet skond kif jidher hawn taħt : - Ħamrun 1 Qormi 1 Paola 6 Rabat 1 Gudja 1 Senglea 1 Marsa 2 Żejtun 2 B`Bugia 4 Gżira 1 Valletta 1 Luqa 3 Qrendi 4 Sliema 1 B`Kara 1 Safi 1 Kirkop 1 Kalkara 2 Fgura 1 Iklin 1
Leg 9 PQ #17268 Sitting 326 2000-06-26 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Ċittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Ministru jara illi l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li applika f'April 1998, għaċ-ċittadinanza Maltija jingħata din iċ-ċittadinanza? (OPM/EXP/24/98) Dan miżżewweġ Maltija u ilu joqgħod Malta ħames snin u aktar.

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija li għamlet il-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ma ġietx milqugħa u l-persuna konċernata ġiet infurmata b`din id-deċiżjoni permezz ta` ittra bid-data tal-25 ta` April 2000.
Leg 9 PQ #17375 Sitting 326 2000-06-26 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA — 2416/00

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-iskop wara l-applikazzjoni PA 2416/00 li saret mid-Dipartiment ta'l-Artijiet lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Għaliex ġie mqabbad perit privat għal din l-applikazzjoni u kif intgħażel dan il-perit?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 2416/00 ġiet sottomessa lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar għal żvilupp li jinkludi spazju kummerċjali, residenzjali, u skola tal-lingwi, faċilitajiet ta` parkeġġ u spazju għal uffiċċji. L-iżvilupp hu mifrux fuq tmien sulari u wieħed intermedjarju. Ħamsa minn dawn is-sulari huma proposti li jkunu taħt il-livell ta` l-art. Ninsab infurmat ukoll li din l-applikazzjoni saret mit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern bħala proġett pilota li, jekk jirnexxi, ser jagħtu l-linji li fuqhom ser isir it-trasferiment futur ta` proprjeta` tal-Gvern li tista` tiġi żviluppata, u li l-Gvern ma jħossx li għandu jbiegħ. Il-Gvern jispera li offerti għal proprjeta` tali jibdew joħorġu wara li l-Awtorita` tal-Ippjanar tkun ħarġet permess Outline għall-iżvilupp tal-istess proprjeta`. Jekk dan il-proġett pilota jirnexxi, huwa l-ħsieb li toħroġ sejħa pubblika għal dawk il-periti fil-privat li jixtiequ jieħdu sehem f`din l-iskema. F`dan il-proġett pilota ġiet mqabbda l-unika ditta ta` periti li żmien ilu wriet interess, u fil-fatt kienet volontarjament għamlet proposti lit-Taqsima f`dan ir-rigward.
Leg 9 PQ #17042 Sitting 325 2000-06-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Rabat — Barriera - Ilmenti

Question

Peress li r-residenti ta' Għar Barka, Rabat, partikolarment dawk residenti "phase two" kif ukoll ir-residenti tal-lunzjata, ilhom is-snin jilmentaw mill-inkonvenjent kbir li qed tikkawżalhom il-barriera li hemm qrib l-inħawi residenzjali, tant li jinsabu f'sitwazzjoni li ma jifilħux jirreżistu aktar theżżiż ta' l-isplussivi li jħossu fil-bini tagħhom wara l-isparaturi regolari li jsiru fil-barriera msemmija, jista' l-Ministru jinvestiga din is-sitwazzjoni urġenti ħalli jittaffew il-problemi kbar ta' dawn il-familji? Jista' l-Ministru jara li ssir sistema ta' permessi differenti għall-kwantita' ta' splussivi li qed jiġu sparati peress li r-residenti in kwistjoni jinsabu taħt pressjoni kbira kawża tal-15-il sena li ilhom jissaportu dan it-theżżiż?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar tagħmel 'monitoring' regolari meta jintuża splussiv fil-barrieri. L-Awtorita` għandha strumenti li jkejlu s-saħħa tat-theżżiża u permezz ta` 'monitoring' regolari l-Awtorita` taċċerta li ma jsirx theżżiż eċċessiv. Fejn jinstab li l-qtugħ ta` blat minn dawn il-barrieri jagħmel theżżiż iżjed milli hu aċċettabli, l-ammont ta` splussiv li huma jkollhom permess jużaw jiġi mnaqqas. Fil-każ tal-barriera in kwistjoni, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar diġa` naqqset l-ammont ta` splussiv li jista` jintuża f`din il-barriera. Fil-fatt, f`din il-barriera jintuża inqas minn nofs l-isplussiv li jintuża normalment f`barrieri oħra. Minn 'records' li għandha l-Awtorita`, il-livelli ta` theżżiż f`din il-barriera dejjem kienu f`livell li mhux mistenni li jagħmel ħsara fuq il-proprjeta` fil-viċin.
Leg 9 PQ #17266 Sitting 325 2000-06-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Birżebbugia — Sparatura

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma saritx inkjesta maġisterjali wara rapport li sar l-għassa ta' Birżebbugia nhar il-Ħadd 2 ta' April, 2000 meta xi ħadd spara fid-direzzjoni ta' ħames persuni waqt li dawn kienu f'razzett f'Bengħisa? Għaliex il-persuna indikata bħala suspettata li kkommettiet dan ir-reat gravi, ma ġietx arrestata, u saru fuqha eżamijiet forensiċi dwar gunshot residue? Għaliex ma ġewx elevati l-armi tan-nar tas-suspettat u l-familja tiegħu? Għaliex ma ttieħdux passi kontra min, għal perjodu kontinwu ta' aktar minn tlett xhur sħaħ, sakkar b'katnazz kontra r-rieda tagħha, anzjana ta' 77 sena li hija wkoll persuna bi bżonnijiet speċjali, liema persuna kienet waħda minn dawn il-ħames persuni li sar l-imsemmi attentat fuq ħajjithom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ma jirriżultax li fid-data msemmija mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija kellha xi rapport hekk kif imsemmi fil-Mistoqsija. Ir-rapport li wasal għand il-Pulizija kien fis-sens li instema` tir fil-viċin u li kien waqa` xi ċomb fil-bitħa u li kien instema` ħoss mal-bieb tal-ħadid. Ir-rapport kien jgħid ukoll li l-mara u iben it-tifel ta` sid ir-razzett kienu ħarġu ftit tal-ħin qabel u għalhekk kienu qed jissuspettaw fihom. Skond il-Kodiċi Kriminali tali rapport ma jinkwadrax taħt ir-rekwiżit ta` inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa, u għaldaqstant ma kienx hemm lok li jkun infurmat il-Maġistrat ta` l-Għassa. Dawn l-istess ċirkostanzi ma kienux biżżejjed sabiex il-proċdura li qiegħed isemmi l-Onorevoli Interpellant tkun segwita. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħtini aktar dettalji ta` din il-persuna sabiex inkun f`pożizzjoni li nikseb it-tagħrif mitlub.
Leg 9 PQ #17288 Sitting 325 2000-06-26 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jindika għalfejn meta sid ta' fond li jkun ħa l-pussess ta' l-istess fond permezz ta' sentenza tal-qorti, fil-każ ta' ħanut, il-pulizija qiegħda tesiġi li s-sid jintavola rikors sabiex l-inkwilin ta' qabel jiddikjara għandux interess fil-liċenzja? Jista' l-Ministru jindaga dan it-tip ta' rekwiżit? Għalfejn il-pulizija qiegħda taġixxi b'dan il-mod u minn meta bdiet?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħti aktar tagħrif dwar il-każ li qed jirreferi għalih sabiex inkun nista` nikseb it-tagħrif mitlub.
Leg 9 PQ #17298 Sitting 325 2000-06-26 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

Intern — Economic Impact Assessment

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru ikkummissjonax xi economic impact assessments dwar is-sħubija prospettiva ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Jekk iva, x'terms of referenece kellhom? Minn min saru? X'kienu s-suġġetti ttrattati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Ministeru ta` l-Intern ma kkummissjonax economic impact assessments dwar is-sħubija prospettiva ta` Malta fl-Unjoni Ewropea.
Leg 9 PQ #17315 Sitting 325 2000-06-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jsuqu karozzi mingħajr liċenzja valida tal-veikoli u mingħajr insurance? Din is-sena, kemm minn dawn il-vetturi ma kellhomx il-liċenzja mġedda għax weħlu mill-VRT?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul l-ewwel ħames xhur ta` din is-sena nqabdu 463 sewwieq isuqu vettura bil-liċenzja mhux imġedda u 90 sewwieq isuqu vettura mingħajr ma kienet koperta b`polza tas-sigurta` dwar ir-riskju tat-terzi persuni. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferiha lill-Ministru kkonċernat.