Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema laqgħat kienet rappreżentata Malta, għal dak li jirrigwarda l-biedja u s-sajd, mill-10 ta' Marzu sal-lum? Liema minn dawn il-laqgħat kienu fuq il-livell politiku? Liema politiċi attendew, u x'interventi wettqu waqt dawn l-istess laqgħat? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-diskorsi li sar mill-politiċi, f'dawn il-laqgħat?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni kollha mitluba tinstab fuq il-website tal-Kunsill tal-Ministri. Ninsab infurmat li s-Segretarju Parlamentari attenda għall-laqgħat kollha mhux kif kien issir fil-leġislatura li għaddiet.
(Ara dokuemtn Nru 918 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta Nru 49 nhar l-Erbgħa, 10 ta' Lulju 2013)
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kontrolli jsiru mill-Ministeru, sew jekk direttament mill-Ministeru, kif ukoll jekk isiru minn xi dipartiment li jaqa’ taħtu, għal dawk li huma kontrolli fuq pestiċidi, erbiċidi u bexx ieħor li jidħol fis-suq lokali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li t-tweġiba għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — konsulenzi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-1998 sal-lum? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-WasteServ użat is-servizz ta’ konsulenza ad hoc darbtejn u l-ispejjeż ammontaw għal total ta’ €250.00 (excl. VAT).
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — spiża fuq IT
Question
Jista' l-Ministru jghid kemm inxtraw jew inkrew computers/laptops/mobile devices għall-impjegati tas-Segretarjat tal-Ministru? Meta nxtraw u kemm hu l-valur li nxtraw bih? Kemm inkrew, jekk inkrew u kemm hi l-kirja? Kemm kienet l-ispiża inizjali? Hemm spiża rikorrenti u kemm hi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ġew mikrija 10 kompjuters (desktop) u 4 laptops taħt id-Desktop Services Agreement. Għal dan is-Segretarjat inxtara iPAD għal prezz ta’ €629.
Segretarju Parlamentari ghall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — spiża fuq IT
Question
Jista' l-Ministru jghid kemm inxtraw jew inkrew computers/laptops/mobile devices għall-impjegati tas-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali? Meta nxtraw u kemm hu l-valur li nxtraw bih? Kemm inkrew, jekk inkrew u kemm hi l-kirja? Kemm kienet l-ispiża inizjali? Hemm spiża rikorrenti u kemm hi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ġew mikrija 2 kompjuters (desktop) u 12 laptops taħt id-Desktop Services Agreement. Għal dan is-Segretarjat inxtraw 4 iPAD’s għal prezz ta’ €2,666.80.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-arranġamenti mas-sajjieda ħalli fi żmien il-lampuki dawn ikunu jistgħu jinħattu mingħajr xkiel ta' xejn fil-pixkerija l-ġdida?
Response (BRINCAT, LEO)
Infakkar lill-Onor. Interpellant illi għalkemm fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista tal-2008 kienet tħabbret ir-rilokazzjoni tal-Pixkerija, kien biss fl-2010 meta l-applikazzjoni ntbagħtet il-MEPA. Għaddew sentejn oħra u l-applikazzjoni ġiet approvata u b’hekk setgħet toħroġ it-tender.
L-Onor. Interpellant għandu jinnota li d-deċiżjoni kontroversjali li din il-pixkerija ma timbenix f’sit direttament ħdejn il-baħar ittieħdet mill-Gvern preċedenti. Il-Ministeru tiegħi qiegħed jagħmel l-almu tiegħu sabiex jidentifika sit fil-port tal-Marsa, fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jħottu x-xogħol tagħhom. Ninsab infurmat ukoll li s-sajjieda ser jibqgħu jagħmlu użu mill-pixkerija eżistenti sa Diċembru 2013.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess għar-rilokazzjoni tal-irziezet tal-baqar mill-abitat?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-kwistjoni tar-rilokazzjoni tar-irziezet miż-żoni ta’ abitazzjoni ilha pendenti għal diversi snin. Hemm fejn raħħala qed jaħdmu f’żoni mhux approprijati, bħal żoni urbani u żoni ta’ importanza kulturali u storici. Dawn ma jistgħux itejbu l-operat tagħhom sabiex jiġu konformi mal-liġijiet sanitarji kemm lokali kif ukoll dawk tal-Unjoni Ewropea, b’konsegwenza li ser ikollhom jagħlqu jekk ma jinstabx post alternattiv għalihom. Ninsab infurmat ukoll li l-proġett f’Malta għar-rilokazzjoni ta’ 12 ir-raħħal f’tal-Qampiena limiti tas-Siġġiewi, kien sottomess lill-MEPA mill-amministrazzjoni preċedenti fit-12 ta’ Dicembru 2006 (PA 07823/06). Kien biss fit-8 ta’ Marzu 2013 li ħareġ l-Outline Development Permit. Għad fadal diversi xogħlijiet xi jsiru fosthom:
· Approvazzjoni mill-Mepa għal
Full Development Permit
· Ftehim mal-Awtorita tal-Artijiet rigward termini u kundizzjonijiet ta’ kiri
· Ftehim finanzjarju mar-raħħala biex jiġu koperti l-ispejjeż għal bini u makkinarju
· Approvazzjoni finanzjarja mill-Ministeru tal-Finanzi għall-ammont ta’ nfieq
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb illi l-Gvern jesporta bi spejjeż għall-Gvern it-tiġieġ tal-bajd li jinqatlu għax ma jkunux għadhom jipproduċu jew jekk hux se jibqgħu jinqatlu mir-raħħal u jinħarqu fl-inċineratur bl-ispiża ta' €50 it-tunnellata?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Gvern lest jagħti l-għajnuna kollha lis-setturi biex dawn ikunu sostenibbli. F’Malta għandna erba’ biċċeriji tat-tiġieġ li huma kollha awtorizzati biex joqtlu t-tiġieġ tal-laħam (broilers), kif ukoll dawk tal-bajd (layers) li jkunu waslu fl-aħħar taċ-ċiklu tagħhom. Fid-dinja kollha l-produtturi tal-bajd joqtlu dawn it-tiġieġ f’biċċeriji awtorizzati biex jieħdu l-laħam li jkun fihom għall-prodotti għal konsum uman. F’Malta għad m’għandniex minn dawn il-proċessuri li jutilizzaw dan it-tip ta’ materja prima. Jeżisti suq ukoll f’pajjiżi terzi għal dawn it-tip ta’ tiġieġ tal-bajd.
Ninsab infurmat ukoll li l-Gvern lest li jisma’ u fejn hu possibli jgħin biex din l-industrija tat-tjur, li f’dawn l-aħħar snin iffaċjat diversi problemi kbar ta’ nuqqas ta’ kompetittivita, terġa tqum fuq saqajha. Qegħdin f’diskussjonijiet ma’ l-istakeholders biex naraw kif - f’kuntest ta’ ħarsien ta’ l-ambjent, ħarsien ta’ annimali u ta’ finanzi - l-aħjar li nistgħu ngħinu dan is-settur.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu għad-demel tal-baqar u tal-majjal? Il-pjanijiet għadhom l-istess bħalma kienu qabel? Jekk iva, fejn wasal ix-xogħol fuq kull frazzjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-ħażna u l-firxa ta’ demel tal-baqar u tal-majjal huma rregolati mill-liġi taħt l-Avviz Legali dwar in-Nitrati, kif ukoll taħt id-Direttiva tan-Nitrati tal-UE u dawn ir-regolamenti ser jibqgħu jiġu infurzati fuq l-operaturi u stakeholders kollha. Fin-nuqqas ta’ pjanijiet oħra formalizzati fuq bażi nazzjonali mill-amministrazzjoni preċedenti, nitlob lill-Onor. Interpellant biex ikun aktar speċifiku għal liema pjanijiet qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma d-designated ports għas-sajjieda li huma maqbula mal-Unjoni Ewropea? Hemm ħsieb li dawn jinbidlu fis-sena li ġejja? Jekk iva, kif se jinbidlu u fejn?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li hemm sebgħa designated ports għas-sajjieda li huma maqbula mal-Unjoni Ewropea. Ninsab infurmat ukoll li sal-lum m'hemm l-ebda tibdiliet ippjanati.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sejħa għal crane operator fil-hardstanding ġietx mimlija? Jekk iva, minn min u x'inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuna?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li s-sejħa għadha ma ġietx mimlija.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima — Konsulenti u Kumitati
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista aġġornata tal-konsulenti li nħatru minn Marzu tal-2013 ’l hawn? Kemm hu l-ħlas tagħhom individwalmenti fix-xahar, x’servizz huma mitluba li jagħtu u kemm-il siegħa huma mitluba jaħdmu fix-xahar fuq ix-xogħol ta’ konsulenza? Jista’ fil-lista jinkludi wkoll il-membri ta’ kull kumitat li nħatru minn Marzu tal-2013 ‘l hawn, kemm qed jitħallsu u x’servizz hu mitlub li jagħti kull membru?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għall-mistoqsija diġà ngħatat bħala tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari numru 2339. Ninsab infurmat li ma’ dawk msemmija żdieded kumpanija oħra ta’ konsulenza fuq review of costs of Parks. L-informazzjoni dwar il-kumitati li nħatru minn Marzu tal-2013 ‘l hawn qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra bħala Tabella A.
Ministeru għall-Iżvilupp, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima — lista ta' bordijiet
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-bordijiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid min huma d-diretturi li jservu fuq kull bord? Jista’ jgħid ukoll min kienu l-membri fuq kull bord sad-9 ta' Marzu 2013?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni miġbura mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru, il-lista tal-bordijiet preżenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u kull membru fuqhom u lista oħra tal-bordijiet bil-membri sad-9 ta' Marzu 2013 huma kif elenkati f’Tabella A u B rispettivament li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Mal-lista ta’ bordijiet għad iridu jiżdiedu oħrajn wara li jiġu approvati.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm każijiet fejn persuni nqabdu jistadu fil-portijiet tagħna fejn dan mhux permissibbli li jsir? Liema huma l-postijiet li fihom mhux permess li jsir is-sajd u f’liema xhur tas-sena dan is-sajd mhux permess? Jekk kien hemm każijiet f’Malta jew Għawdex li persuni nqabdu jistadu fejn ma kienx permissibbli, x’passi ttieħdu fil-konfront ta’ dawn il-persuni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li kif stipulat f’Artikoli 11, 12, 16, 17, 21, 23, 24, 25 u 36 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 425.01 “Regolamenti dwar is-Sajd”, is-sajd huwa projbit:
i. Fejn hemm żbokk tad-drenaġġ;
ii. Fid-daħliet tat-Tarzna jew wara l-Isla;
iii. Il-ġewwa mill-marki permezz ta’ plieri fil-bajjiet u daħliet, bl-użu tat-tartarun u/jew it-terrieħa, u/jew nasses;
iv. Kull fejn il-baħar ikun imqanqal u jsir sajd permezz ta’ l-użu tat-tartarun;
v. Bl-użu bit-terrieħa u n-nasses fil-bajjiet u portijiet, fejn il-malji jkunu anqas minn 25.5 millimetru kwadru;
vi. Minn sajd permezz ta’ l-użu ta’ pariti u/jew għeżula fil-Port il-Kbir u fil-Port ta’ Marsamxett;
vii. Fil-perjodu ta’ bejn il-15 ta’ Frar u l-15 ta’ Lulju ma jistax isir sajd permezz ta’ l-użu ta’ pariti u/jew għeżula fil-postijiet fejn l-użu tat-tartarun huwa projbit.
viii. Bejn l-1 ta’ Novembru u l-31 ta’ Jannar permezz tal-gangmu jew f’postijiet fejn it-tartarun huwa projbit.
Ninsab infurmat ukoll li kien hemm każijiet fejn ittieħdu passi kontra persuni li nqabdu jistadu fejn ma kienx permissibbli u skont il-gravita’ tal-każijiet partikolari ingħataw twissijiet u/jew penalitijiet amministrattivi u/jew passi bil-Qorti. Kien hemm każijiet fejn saret konfiska tal-irkapti.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Proġetti inawgurati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-proġetti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu li ġew inawgurati bejn l-1 ta’ Diċembru 2012 u t-8 ta’ Marzu 2013 u min inawgurahom? Jista’ jgħid jekk dawn il-proġetti kenux lesti kompletament jew jekk kienx fadal xi xogħol xi jsir fuqhom u filkas jgħid fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol li kien fadal? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu tħallsu flus sad-data tal-ftuħ, u kemm kien fadal spejjeż pendenti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-proġetti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħi u li ġew inawgurati bejn l-1 ta’ Diċembru 2012 u t-8 ta’ Marzu 2013 kienu dawk hekk murija fit-Tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Għalkemm il-proġett tal-Park tal-Familja ġie inawgurat fl-24 ta’ Frar 2013, il- proġett ma kienx lest u bħalissa l-istess proġett huwa suġġett għall-investigazzjoni tal-Management Efficiency Unit (MEU) li għada għaddejja b'mod intensiv.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2629, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex tneħħew il-pulizija minn max-xatba tal-pitkalija? Meta tneħħew, u meta hu mistenni li jerġgħu jiġu ngaġġati pulizija biex ikunu xogħol fil-pitkalija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-preżenza tal-pulizija tneħħiet minn max-xatba tal-pitkalija nhar l-Erbgħa 15 ta’ Mejju 2013. Ninsab infurmat ukoll li l-pulizija ser jerġgħu jkunu preżenti f’qasir zmien.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jew xi dipartimenti li jaqa' taħtu kien responsabbli biex tiġi ordnata l-qatla furzata ta' annimali li jitrabbew jew għal skop ta' tkabbir ta' laħam, produzzjoni ta' ħalib jew għal xi raġuni oħra? Kemm kien in-numru ta' bhejjem li nqatlu u f'liema lokalità kienu qed jinżammu l-annimali li ġew ordnati li jinqatlu? X'kienet ir-raġuni li għaliha ġiet ordnata din il-qatla jekk hu l-każ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sabiex tiġi ndirizzata l-mistoqsija jinħtieġ li jinfurmani għal-liema perjodu qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux maħsub li mas-siġar (tipi tagħhom) li diġà qed jinbiegħu mill-Gvern għall-produzzjoni tal-frott, kemm lill-bdiewa, kif ukoll lill-persuni oħra, jiżdiedu ukoll tipi oħra ta' siġar, biex ikomplu jiżdiedu t-tipi l-oħra ta' frott li jkunu qed jitkabbru f'Malta?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li peress li l-għażla u l-firxa wiesa ta’ tipi ta’ siġar li qed jinbiegħu fil-mixtla qed jissodisfaw l-ħtiġijiet tal-bdiewa kif ukoll ta’ persuni oħra li huma interessati fit-tkabbir tas-siġar tal-frott, m’hemmx il-ħsieb li jiżdiedu tipi oħra għall-bejgħ.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — karozza uffiċjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema hi l-karozza uffiċjali tal-Ministru? Jista' jgħid meta nxtrat u kemm qamet meta nxtrat?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma nxtrat l-ebda karrozza uffiċjali iżda qed tintuża dik mikrija taħt il-kuntratt eżistenti li sar taħt l-amministrazzjoni preċedenti.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1763, jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-waterpark mhux se jinfetaħ qabel ġaladarba t-tfal ikunu spiċċaw l-iskejjel qabel l-aħħar ta’ Ġunju? Jikkonferma li l-użu tal-waterpark se jibqa’ b’xejn? Kemm hu mistenni li jkun hemm assistenti jew supervisors?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Water Park ġewwa Buġibba s-sena li għaddiet kien infetaħ fl-24 ta’ Ġunju għaliex kien ġie inawgurat lejlet. Din is-sena ser jinfetaħ fl-1 ta’ Lulju sabiex supervisor flimkien ma’ tlett studenti tal-Università jkunu disponibbli sabiex jaqdu d-dmirijiet ta’ superviżjoni waqt il-ħinijiet kollha tal-ftuħ. Ninsab infurmat ukoll li l-użu tal-waterpark ser jibqa b’xejn.