Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #11505 Sitting 193 2014-10-29 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Skema ‘Greener and Cleaner’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’irriżulta mill-iskema Greener and Cleaner? Kemm mill-mija u sitta u sittin parteċipant li kienu qed jitħarrġu b’din l-iskema sabu xogħol permanenti fi tmiem din l-iskema li skont risposta għall-mistoqsija parlamentari 10036 kien fl-20 ta’ Settembru 2014? Kemm mill-parteċipanti għadhom sal-lum jirreġistraw għax-xogħol? Kemm mill-parteċipanti reġgħu ġew impoġġija f’xi skema oħra simili wara d-data tal-20 ta’ Settembru 2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mill-166 parteċipant li tħarrġu taħt l-iskema Greener and Cleaner f’Għawdex u li ntemmet fl-20 ta’ Settembru 2014, disa’ parteċipanti sabu xogħol, 127 parteċipant għadhom jirreġistraw għax-xogħol sal-lum u 30 parteċipant temmew l-iskema u m’għadhomx jirreġistraw. Mill-127 parteċipant li għadhom jirreġistraw, erbgħa ġew impoġġija fil- Community Work Scheme.

Skejjel tal-Furjana – każijiet ta’ bullying

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ bullying ġie rra;pportat, jekk inhu l-każ fl-iskejjel tal-Furjana fis-sena 2013? Jista’ jindika f’liema skola sar dan il-bullying u x’passi ttieħdu dwar dawn il-każijiet? Jista’ jgħid jekk kienx hemm każijiet minnhom fejn ġiet involuta l-Pulizija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għadd ta' każijiet ta' bullying li ġew irrapportati fl-iskola tal-Furjana fis-sena 2013, flimkien mal-passi li ttieħdu dwarhom, hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex – ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10980, jista' l-Ministru jgħid jekk iż-żieda ta' 570 persuna minn Għawdex jaħdmu fuq bażi full-time, liema figura ngħatat fit-tweġiba, humiex jaħdmu f'Għawdex stess? Jekk le, jista' jgħid kemm minn dawn il-persuni qed jaħdmu Malta u kemm minnhom f’Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ma jkollhiex dettalji tal-post fejn attwalment qed jaħdmu l-impjegati ħlief fil-każ ta’ persuni li jaħdmu mad-dipartimenti tal-gvern, ministeri u entitajiet pubbliċi. Dan jiġri minħabba li fil-formola tal-Bidu ta’ Impjieg, l-imgħallem jikteb id-dettalji tal-Head Office li ġeneralment ikun Malta u mhux fejn jaħdem l-individwu.

Għawdex – ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10980, jista' l-Ministru jagħti breakdown u jgħid ma’ min ġew impjegati t-304 persuna fis-settur privat, liema huma l-entitajiet pubbliċi li magħhom ġew impjegati s-36 persuna u liema huma d-dipartimenti tal-gvern li magħhom ġew impjegati il-203 imsemmija fit-tweġiba?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Skont l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi ma’ liema Entitajiet Pubbliċi u Ministeri/Dipartimenti tal-Gvern ġew impjegati il-persuni li qiegħed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant. Rigward il-persuni impjegati fis-settur privat, fuq parir tal-Uffiċju tal-Protezzjoni tad-Data, dan it-tagħrif mhux qiegħed isir pubbliku. Kopja ta’ din l-informazzjoni se tingħata lill-Onor. Interpellant b’mod kunfidenzjali.

Għawdex — skejjel tal-lingwi - studenti

Question

B'referenza għall-iskjejjel tal-lingwi reġistrati f'Għawdex, jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' studenti li attendew dawn l-iskejjel f'Għawdex matul is-snin 2012, 2013 u 2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni hija disponibbli biss għal skola waħda li topera waħeda f’Għawdex. IELS topera anness f’Għawdex u mhux skola principali. Rigward it-tagħrif mitlub, infurmat li din ma tistax tingħata minħabba kwistjoni ta’ kunfidenzjalità.
Leg 12 PQ #11503 Sitting 192 2014-10-28 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Ċentru tal-Università f’Għawdex — korsijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm il-kors qed isir fiċ-Ċentru tal-Università f’Għawdex matul is-sena akkademika li bdiet f’Ottubru 2014? Fl-liema sena wasal kull kors u kemm hu n-numru ta’ studenti li qed jattendu għal kull kors?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-korsijiet li qed isiru fiċ-Ċentru tal-Università ta’ Malta f’Għawdex matul is-sena akkademika li bdiet flimkien mas-sena tal-kors kif ukoll in-numru ta’ studenti għal kull sena huma kif se nsemmi: - Diploma in Commerce (l-Ewwel Sena) - 10 studenti - Diploma in Commerce (it-Tieni Sena) - 5 studenti - Bachelor of Commerce (it-Tieni Sena) - 6 studenti - Post Graduate Diploma in Educational Leadership (it-Tieni Sena) - 40 student - Diploma in Facilitating Inclusive Education (it-Tieni Sena) - 40 student - Master of Science in Sustainable Energy – 2 studenti (dan il-kors huwa fuq bażi ta’ riċerka, jiġifieri ma jkunx hemm lekċers) Il-korsijiet offruti fiċ-Ċentru t’Għawdex permezz ta’ video-conferencing huma: - MBA (Executive) (l-Ewwel Sena) - 7 studenti - MBA (Executive) (it-Tieni Sena) - 3 studenti - Higher Diploma in Public Accounting and Finance (it-Tieni Sena) - 6 studenti

San Pawl il-Baħar — skola primarja - trasport

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10895, billi qed jingħad li fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar hemm 919 studenti li minnhom 405 għandhom it-trasport ipprovdut mill-Gvern, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar minn liema distanzi għandhom dritt għat-trasport it-tfal li jattendu din l-iskola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-prassi li tfal fil-livell primarju jinġabru minn distanza ta’ mil mill-iskola li jagħmlu magħha, fl-aħħar snin naqset għal distanza ta’ kilometru. Dan japplika wkoll għall-iskola tal-Kulleġġ Maria Reġina ta’ San Pawl il-Baħar. It-talbiet eliġibbli kollha għal servizz ta’ trasport li waslu fl-uffiċċju tat-trasport għall-iskejjel ġew milqugħa u akkomodati.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — impjiegi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu, inkluż dipartimenti tal-Gvern, entitajiet pubbliċi u awtoritajiet wara d-9 ta’ Mejju 2013? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-ħaddiema ġew minn entitajiet pubbliċi u kemm ġew mill-privat jew kienu qegħdin ifittxu xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li fid-Direttorati/Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi ġew impjegati 938 persuna. Infurmat ukoll li fid-dipartiment ma tinżammx l-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija. Rigward l-entitajiet li jiffurmaw parti minn dan id-dekasteru, infurmat li ġew impjegati 659 persuna. Din it-tieni figura ma tinkludix il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES). Din il-Fondazzjoni impjegat 1,679 persuna li minnhom kien hemm 1,361 li ġew impjegati fuq kuntratt definit bejn l-1 ta’ Ġunju 2014 u t-30 ta’ Settembru 2014 sabiex jaħdmu fuq bażi part-time fiċ-ċentri tal-Klabb 3-16 u Skola Sajf.

Assoċjazzjonijiet sportivi – għajnuna finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-għajnuna finanzjarja li ngħataw l-assoċjazzjonijiet sportivi b'mod individwali matul is-snin 2011, 2012, 2013 u 2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Politika Nazzjonali tal-Isport – proċess ta’ konsultazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti aġġornament fiex wasal il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-Politka Nazzjonali tal-Isport? Meta mistennija tiġi varata u jekk l-Oppożizzjoni hijiex se tiġi kkonsultata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kumitat għaddej bil-proċess ta’ konsultazzjoni ma’ entitajiet f’oqsma differenti u hemm il-ħsieb li ssir konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni. L-ewwel dokument għal konsultazzjoni għandu jiġi mniedi matul il-ġimgħat li ġejjin.

Politika Nazzjonali tal-Isport — laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid min ġie kkonsultat s’issa dwar il-Politika Nazzjonali tal-Isport u kemm-il darba ltaqa' l-kumitat li qed imexxi dan il-proċess?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kumitat tal-Politika Nazzjonali fil-preżent għaddej b’laqgħat mal-: Kunsill Malti għall-Isport Istitut tal-Edukazzjoni Fiżika u Sport Dipartiment tal-Edukazzjoni Health Promotion Unit Special Olympics Kumitat Olimpiku Malti Il-Kumitat prinċipali ltaqa’ total ta’ tmien darbiet apparti li kien hemm b’kollox total ta’ 18-il laqgħa tas-sotto kumitati li ħadmu fuq l-Edukazzjoni u Sport, Atleti u programmi kif ukoll l-ekonomija u sport.

Politika Nazzjonali tal-Isport – aġendi u minuti tal-laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aġendi u l-minuti tal-laqgħat li saru s’issa mill-kumitat li qed imexxi l-proċess ta' konsultazzjoni dwar il-Politika Nazzjonali tal-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kumitat kien maqsum fi tlett gruppi sabiex jiddiskutu oqsma differenti relatati mal-politika għall-isport. L-aġenda hija dejjem l-istess dik li tirrifletti l-qasam li l-gruppi iffukaw fuqhom. Fir-rigward tal-minuti, il-mentors żammew nota tal-punti relevanti sabiex finalment ikunu miġbura għad-dokument li jwassal għal konsultazzjoni pubblika.

Kunsill Malti għall-Isport — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jelenka kemm huma l-ħaddiema li llum qed jaħdmu fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport u fl-istess waqt, jindika f'liema post dawn l-istess ħaddiema qed iwettqu l-ħidma tagħhom bid-deskrizzjoni tal-impjieg tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-għadd ta' ħaddiema li jaħdmu fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport hu ta' 69 persuna. Dawn il-ħaddiema jwettqu l-ħidma tagħhom f'postijiet differenti tal-KMS fosthom f'diversi taqsimiet fil-Head Office, fil-kumplessi sportivi tal-Cottonera, Kirkop u Marsa, u l-kumpless tal-pixxina nazzjonali f'Tal-Qroqq.

Kunsill Malti għall-Isport — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-total ta' ħaddiema li kienu jaħdmu jew qegħdin jaħdmu fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport matul is-snin (sena b'sena) 2011, 2012, 2013 u 2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għadd ta’ ħaddiema li kienu jaħdmu fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport fis-snin 2011, 2012 u 2013, skont l-istatistika ta’ Diċembru tas-snin imsemmija, kien kif ġej: 2011 – 61 full timers 2012 – 71 full timers 2013 – 77 full timers Rigward is-sena 2014, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11599.

Skola tal-Isport — faċilitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti assigurazzjoni li l-istudenti fl-Iskola tal-Isport li ġiet rilokata għandhom l-istess faċilitajiet sportivi mill-inqas tal-istess kwalità ta’ fejn kienet qabel l-iskola (fil-Kulleġġ San Benedittu), u mill-inqas bl-istess medda ta’ dixxiplini sportivi? X’inhuma dawn id-dixxiplini?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-istudenti attwali tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport preżentament qed jitħarrġu ġewwa faċilitajiet sportivi bl-istess kwalita', jekk mhux aqwa f'ċertu każijiet, milli kienu jitħarrġu fihom fl-aħħar sentejn f'Ħal Kirkop. Din is-sena skolastika hemm medda ta' 13-il dixxiplina sportiva, ħamsa aktar milli kien hemm fl-aħħar sentejn meta l-iskola kienet f'Ħal Kirkop. Il-ħames dixxiplini sportivi ġodda huma l-Judo, Table Tennis, Badminton, Waterpolo u Synchonized Swimming. Dawn id-dixxiplini sportivi ngħaqdu mat-tmien dixxiplini l-oħra li kienu l-futbol, baskitbol, rugby, Ten-Pin Bowling, Karate, Atletika, Għawm u Ġinnastika.

Pjanijiet għal skola tal-Arti Viżiva u Performattiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet li l-pajjiż ikollu skola tal-Arti Viżiva u Performattiva fuq l-istess bażi tal-Iskola tal-Isport? Jekk iva, meta u fejn se tinfetaħ? Kif se jingħażlu l-istudenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Għadu kmieni wisq biex jingħata t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.

Għalliema kwalifikati fis-Snin Bikrin — vacancies

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk għadhiex policy tal-Gvern li mis-sena skolastika 2015-2016 meta jkun hemm vacancies fil-kindergartens jiddaħħlu biss għalliema kwalifikati fis-snin bikrin? Jekk iva, kemm jistma li se jkun hemm minn dawn l-għalliema bit-tali kwalifika f’Settembru tal-2015? Xi pjanijiet hemm għall-allokazzjoni tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-policy li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant toħroġ mill-ftehim settorjali tal-2010 (Part III, Section 4 (1)) li taqra hekk: (1) “With effect from scholastic year 2015-16, the recruitment of personnel responsible for Early Childhood Education and Care will be in the grade of ECEC Teacher.” (2) Entry in the grade of ECEC teacher will be through a public call for applications for Regular Teachers open to persons: (a) Who are in possession of the appropriate education and training in early childhood education and care at first Degree level or a comparable qualification, issued by an institution of higher education duly recognised by the Education Authorities, and (b) Who are holders of the appropriate Teacher’s Warrant (Permanent) awarded by the CTP.... suitably qualified teachers who will eventually qualify for a Permanent Teachers’ warrant in accordance with section 24(2) of the Education Act (Cap. 327) will also be eligible to apply.....” Peress li l-ewwel grupp tal-ECEC iggradwa din is-sena, saret konsultazzjoni interna, mal-PACBU u mal-MUT biex ikun stabbilit hemmx oġġezzjoni li dawn il-gradwati jiddaħħlu bħala għalliema b’seħħ minn Settembru 2014. Kien hemm qbil u saru l-proċeduri. Dawk l-istudenti tal-MCAST li kienu qed jagħmlu d-Diploma xorta tħallilhom iċ-ċans li japplikaw għall-post ta’ Kindergarten Assistant. Dawk tal-ECEC ġew impjegati bħala għalliema year 1 u 2 u dawk tad-diploma tal-MCAST bħala KGA. Din kienet rebħa għal kulħadd: · Il-Ministeru kellu ammont akbar ta’ għalliema ġodda tal-Primarja (b’hekk naqqasna n-numru ta’ għalliema supply); · Dawk tal-ECEC inħatru għalliema malli spiċċaw il-kors; · Dawk tal-MCAST inħatru KGAs. Sadanittant inħarġet id-direzzjoni dwar l-MTL. Dan il-kors ser joffri rotta għall-Primarja u rotta għas-Sekondarja. Ir-rotta tal-Primarja tkopri biss minn year 1 sa year 6. Ingħad ukoll li biex wieħed jidħol bħala KGA issa ser ikollu bżonn biss BA Early Childhood. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ Press Release maħruġa mill-Universita`.

Skola ta’ Alternative Learning Programme – tipjip minn studenti

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li fl-iskola ta' Alternative Learning Programme ġewwa Raħal Ġdid hemm grupp ta' studenti li l-età tagħhom tvarja bejn l-14 u 15-il sena li ngħataw permess li fil-ħinijiet tal-break jistgħu jpejpu fuq il-bejt tal-iskola? Jekk fl-affermattiv, jista' jikkonferma li l-ġenituri/guardians ta’ dawn l-istudenti taw tali permess bil-miktub?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-iskola ta’ Alternative Learning Programme ġewwa Raħal il-Ġdid għaddej programm ta’ tagħlim għal studenti tal-Form 5 li kienu fl-iskejjel sekondarji u l-marki tal-eżamijiet tagħhom kienu jindikaw li dawn l-istudenti ma kienu se jersqu għal ebda eżami tas-SEC. Għalhekk beda programm alternattiv ta’ tagħlim f’numru ta’ Ċentri, fosthom f’din l-iskola ta’ Raħal il-Ġdid, fl-MCAST, u fil-Youth.Inc. Qiegħed isir programm edukattiv vokazzjonali u akkademiku ma’ dawn l-istudenti. F’dawn iċ-Ċentri ta’ tagħlim hemm regoli differenti mill-iskejjel sekondarji, per eżempju l-istudenti ma għandhomx uniformi. Numru ta’ studenti minn dawn ipejpu. Il-ġenituri tagħhom ġew mgħarrfa li uliedhom ipejpu u li l-iskola se tipprovdi tagħlim u servizzi kontra t-tipjip. Fl-istess ħin, sabiex dawn l-istudenti ma jaqtawx qalbhom mit-tagħlim u mill-iskola, ġie provdut post fil-miftuħ, sabiex dawn l-istudenti jkunu jistgħu jpejpu waqt il-ħin tal-break. Se jsir programm sħiħ ta’ tagħlim sabiex dawn l-istudenti jkunu konxji tal-ħsara kbira li qiegħdin jagħmlu bit-tipjip. Il-policy tal-iskola hija li tħeġġeġ lill-istudenti biex ma jpejpux.

Skola tal-Belt Valletta – każijiet ta’ bullying

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ bullying ġie rrapportat, jekk inhu l-każ, fl-iskola tal-Belt Valletta fis-sena 2013? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu dwar dawn il-każijiet? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm każijiet minnhom fejn ġiet involuta l-Pulizija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fl-2013 ma kienx hemm każijiet li ġew irreferuti lill-Anti-Bullying Service fi ħdan is-Safe Schools Programme fl-iskola primarja tal-Belt Valletta.

Skejjel tal-Marsa – każijiet ta’ bullying

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ bullying ġie rrapportat, jekk inhu l-każ, fl-iskejjel tal-Marsa fis-sena 2013? Jista’ jindika f’liema skola sar dan il-bullying u x’passi ttieħdu dwar dawn il-każijiet? Jista’ jgħid jekk kienx hemm każijiet minnhom fejn ġiet involuta l-Pulizija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għadd ta' każijiet ta' bullying li ġew irrapportati fl-iskola tal-Marsa fis-sena 2013, flimkien mal-passi li ttieħdu dwarhom, hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.