Jista' l-Ministru jgħid x'passi hemm maħsuba biex dak li fadal minn Wied Għomor jiġi protett u riabilitat biex ikun jista' jitgawda?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi t-Taqsima tax-Xogħlijiet qed tagħmel studju biex jiġi stabbilit l-aħjar mod li bih il-Wied jista' jiġi protett minn aktar ħsara u fl-istess ħin ikun hemm żvilupp pożittiv sabiex il-Wied jibda jintuża għall-finijiet ta' rekreazzjoni minn nies ta' l-inħawi. F'dan il-kuntest it-Taqsima tax-Xogħlijiet qed ikollha diskussjonijiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar dan il-proġett.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnu l-pjan lokali għan-nofsinhar ta' Malta li kien tfassal mill-kumitat immexxi mill-Perit Bianco? X'inhuma l-pjanijiet tal-gvern fir-rigward ta' dan il-pjan?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-pjan lokali għan-nofs in-nhar ta' Malta sejjer jiġi riattivat biex jitwettqu numru ta' inizjattivi li ġew identifikati u li ser ikunu ta' benefiċċju għal dan ir-reġjun.
Biex dan il-pjan jirnexxi, il-Gvern għandu l-intenzjoni li jinvolvi sew dawk il-ministeri li b'mod dirett jew indirett għandhom x'jaqsmu mal-proposti tal-pjan, filwaqt li ser tkompli tissaħħaħ ir-rappreżentanza tal-kunsill lokali fit-twettiq ta' dan il-pjan.
Peress li f'risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 3413, il-Ministru ta' l-Edukazzjoni qal li x-xogħol fuq il-ground ta' l-iskola primarja ta' Bormla kellu jitlesta fi żmien tliet ġimgħat, imbagħad f'risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 3419 l-għada, il-Ministru qal li x-xogħol kien sospiż minħabba talba mid-direttur tad-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija, jista' l-Ministru jiċċara ftit x'inhi l-pożizzjoni dwar dan il-ground li tħalla nofs leħja minn dan il-gvern wara li kien inbeda minn Gvern Laburista fis-sajf li għadda?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-talba biex jiġi sospiż ix-xogħol saret permezz ta' ittra bid-data 7 ta' Jannar 1999. Riċentament kien hemm żviluppi ġodda dwar l-implimentazzjoni tal-proġett ta' pjazza Santa Margerita Bormla. Hu mistenni li l-ewwel fażi tax-xogħol fuq din il-pjazza jinbeda fi żmien qasir. L-ittra biex jieqaf ix-xogħol intbagħtet għax parti mix-xogħol li sar u kien qed isir ma kienx fi qbil strett mal-pjanti għall-ewwel fażi tal-proġett tal-pjazza ta' Santa Margerita liema pjanti kienu approvati mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Dan il-permess kien jimponi li jsir ġibjun kbir għall-ilma tax-xita, u kien instab li l-post idejali biex dan jinbena, kien taħt il-ground tal-football li jifforma parti mill-ġnien.
Peress li d-dar għall-anzjani f'Bormla tinsab fi stadju avvanzat, jista' l-Ministru jgħid x'sar u x'se jsir mill-proġett imwiegħed fi Pjazza Santa Margherita, Bormla?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi peress li dan hu proġett ta' ċerta entita', hemm ħsieb li xogħol fuq dan il-proġett ikun maqsum fi tlett fażijiet.
Ix-xogħol fuq l-ewwel fażi sejjer ikun ikkonċentrat viċin id-Dar għall-Anzjani u sejjer jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux riċevimenti jew ikliet mill-Ministeru tiegħu fl-okkażjoni tal-Milied 1998 u l-Ewwel tas-Sena?
Jekk saru, meta saru?
Fejn saru?
Min ipprovda l-ikel u x-xorb?
Kemm ġiet tiswa l-ispiża totali?
Inġabru kwotazzjonijiet għall-imsemmija riċevimenti jew ikla?
Jekk inġabru kwotazzjonijiet, mingħand min inġabru?
Min kien mistieden għal dawn l-attivitajiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru għall-Ambjent organizza ħames riċevimenti fl-okkażjoni tal-Milied 1998. Dawn saru fil-21 ta' Diċembru, fit-22 ta' Diċembru, tnejn fit-23 ta' Diċembru u fid-29 ta' Diċembru.
Tnejn minn dawn ir-riċevimenti saru fi Project House, Floriana, wieħed f'The Palms, San Ġiljan u tnejn fil-Ministeru.
L-ikel u x-xorb ġie pprovdut minn Elia Caterers, S. Rausi Trading Limited, La Nocciola Dolceria, RJC Caterers Limited u C. Camilleri & Sons Limited.
L-ispiża totali kienet ta' Lm5668.35.
Għal dawn ir-riċevimenti nġabru kwotazzjonijiet mingħand La Nocciola Dolceria, Elia Caterers, RJC Caterers Limited u C. Camilleri & Sons Limited.
Għal dawn ir-riċevimenti kienu mistiedna l-Kunsilli Lokali kollha, Korpi Kostitwiti, Ministri u Membri Parlamentari, Kapijiet mid-diversi dipartimenti fi ħdan il-Ministeru, impjegati fil-Ministeru u mid-dipartimenti ta' l-Ambjent u tax-Xogħlijiet.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3056, jista' l-Ministru jgħid min qed jagħmel it-talba biex il-bini ta'l-ex-Deutsche Welle jinbidel għal użu residenzjali? Jista' l-Ministru jgħid għal-liema tip ta' użu residenzjali qed issir it-talba?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
It-talba qed tagħmilha t-Taqsima tax-Xogħlijiet bħala akkomodazzjoni alternattiva skond il-ftehim bejn il-Gvern u s-sid tal-propjeta' "l-Għarix", Delimara wara s-sentenza tal-Qorti relattiva.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol fi Pjazza Kappillan Muscat, il-Ħamrun? Jaf il-Ministru li wara li kienet saret sejħa għall-offerti dan ix-xogħol kien ġie allokat lill-kuntrattur u dan ix-xogħol kellu jibda wara l-elezzjoni ta' l-1996?
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar x'inhija l-policy tal-Gvern dwar ir-reġistrazzjoni li kienet bdiet issir ta' tajr protett ibbalżmat u jgħid jekk tkomplewx t-taħdidiet li kienu nbdew dwar tagging ta' dawn l-eżemplari bbalzmati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li xejn ma nbidel f'dik li hi policy tar-reġistrazzjoni u 'tagging' ta' tajr protett ibbalzmat.
Bi ħsiebna nkomplu bit-taħditiet dwar is-suġġett li kienu bdew taħt l-amministrazzjoni preċedenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex titkompla l-kampanja li kienet inbdiet taħt l-amministrazzjoni preċedenti biex jitneħħew tankijiet, u materjal ieħor estranju, minn fuq il-ħitan tas-sejjieħ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Din l-Amministrazzjoni ma bidlet xejn mill-kampanja mibdija mill-Amministrazzjoni preċedenti rigward tat-tneħħija ta' tankijiet u materjal estranju ieħor minn fuq il-ħitan tas-sejjieħ. Din il-kampanja tista' titqies bħala l-ewwel fażi, u kienet suċċess għax ħafna sidien fehmu l-għan tal-kampanja u naddfu l-ħitan minn dawn l-oġġetti minn rajhom.
Din l-Amministrazzjoni tħoss li qabel ma l-kampanja tgħaddi għat-tieni fażi, jeħtieġ jiġu identifikati nħawi li minħabba l-karattru tipiku rurali tagħhom jeħtiġielhom konservazzjoni. Dawn jista' jinkludu per eżempju trejqiet fil-kampanja u widien.
Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawk li segwew il-kors ta' l-ETC dwar rubble wall building għaddew il-kors b'suċċess u kemm minnhom inħatru bħala tali?
Jista' l-Ministru jgħid fejn bħalissa qegħdin jiġu wżati l-kapaċitajiet ta' dawn il-bennejja ta' ħitan tas-sejjieħ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-proċeduri għall-ħatra ta' dawk li temmew b'suċċess dan il-kors għadhom għaddejjin u bħalissa d-Dipartiment qed jistenna l-approvazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku dwar il-ħatra tal-Bord ta' l-Għażla.
Proġett ta' Manoel Island — Promoturi/shareholders
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-promoturi u shareholders prospettivi fil-proġett ta' Manoel Island u Tigne'? Huwa minnu li diversi kuntratturi oriġinarjament konnessi mal-proġett tilfu l-interess fih?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Kif jaf l-Onorevoli Membru n-negozjati dwar il-proġett ta' Manoel Island u Tigne' qegħdin isiru mal-Konsorzju MIDI. Il-Konsorzju huwa iffurmat minn kumpaniji privati u għalhekk mhux il-każ li jingħataw dettalji dwarhom.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3854, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proġetti li kien beda l-Cottonera Rehabilitation Committee u li x-xogħol fuqhom qed jitkompla minkejja li dan il-kumitat mhux imwaqqaf?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Fil-Kottonera qiegħed jitkompla xogħol fuq restawr u żebgħa fuq ġewwa tal-Kappella ta' San Ġużepp, Bormla, li tmiss mad-Dar ta' l-Anzjani, restawr u tiswija ta' swar fuq is-sur ta' Sant'Elena, restawr tal-Gardjola u paviment tas-sur ta' San Mikiel, l-Isla, restawr ta' soqfa ġewwa Forti Rikasoli u rranġar ta' ventilaturi f'Couvre Porte l-Birgu.
Ma' dan ix-xogħol, qiegħed jitkompla wkoll xogħol ta' disinn għall-irranġar tad-daħla tal-mina ta' Għajn Dwieli u preparazzjoni ta' 'working drawings' u speċifikazzjoni għal xogħol ta' 'landscaping', ġibjun u klabb tal-boċċi fi Pjazza Santa Margerita, Bormla.
Jista' l-Ministru jgħid liema hu l-ewwel recreation park li se jibda? Jista' l-Ministru jgħid meta hu l-ħsieb li jibda dan il-proġett u meta hemm il-ħsieb li jkun lest?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-pjanti għall-bini tan-National Parks għadhom qed jiġu mħejjija mit-Taqsima tax-Xogħlijiet bl-għan li jsiru l-applikazzjonijiet neċessarji lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Hekk kif dawn ikunu approvati jkun jista' jibda x-xogħol. Bħala ordni ta' prijorita' qed insegwu:
1. Cottonera Heritage Park
2. Ta' Qali National Park
3. Burmarrad National Park
4. Delimara National Park
Nista' nassigura lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħsieb tal-Gvern huwa li dawn l-erba' Parks Nazzjonali jsiru kollha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' embellishment li qiegħed isir f'Wied il-Għajn hux kopert bil-permessi ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar meħtieġa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta' embellishment li qiegħed isir f'Marsascala hu kkonċentrat fil-parti taż-Żonqor. Dan ix-xogħol hu kopert bil-permess tal-bini liema permess ikopri mill-ex-Pixxina Nazzjonali sal-Playing Fields fi Triq iż-Żonqor.
Saru żewġ applikazzjonijiet oħra għall-bqija tal-promenade jiġifieri mill-playing fields sa Triq San Ġorġ. Dan ix-xogħol mistenni jibda hekk kif joħorġu l-permessi meħtieġa.
Peress li l-Valletta Rehabilitation Committee hu responsabbli għar-riabilitazzjoni tal-Belt Valletta u l-Floriana, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-rappreżentanza ta' dawn iż-żewġ lokalitajiet f'dan il-kumitat?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Kumitat għar-Rijabilitazzjoni tal-Belt Valletta bħalissa jinsab xolt u l-membri fuq dan il-Kumitat għad iridu jinħatru.
Jista' l-Ministru jara li jiġu nvestigati rapporti li fi Triq Vjal il-Ħaddiem, Rabat, Malta, ħiereġ id-drenaġġ minn ġo tappiera min-naħa ta' Triq Ħad-Dingli u jibqa' sejjer ġo katusi li saru bl-ispralli biex jgħaddi l-ilma tax-xita? X'jista' jsir biex jieqaf dan il-fawran ta' drenaġġ? Meta se jsir ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fil-fatt l-isbruffar sar minħabba ksur ta' main fi Vjal il-Ħaddiem, Rabat. Ir-rising main ta' Ħad-Dingli iferra' f'dan il-post u għalhekk id-drenaġġ ma kellux minn fejn jgħaddi. F'survey bil-CCTV camera illokajna l-biċċa main li riedet tinbidel. Din fil-fatt inbidlet u kollox tlesta sa tmiem il-ġimgħa l-oħra biex ġie solvut dan il-fawran imsemmi.