Jista' il-Ministru jgħid kemm-il żjara barra mill-pajjiż għamlu l-uffiċjali tad-dipartiment ta' l-affarijiet rurali matul l-ewwel disa' xhur tas-sena u fuq liema oqsma? Kemm hija l-ispiża involuta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 8477. Nitlob lill-Onor. Membru jinnota wkoll li ma jeżistix dipartiment b’dik in-nomenklatura.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il żjara barra mill-pajjiż għamel hu u l-uffiċjali tal-ministeru matul l-ewwel disa' xhur tas-sena u x'oqsma kienu jispeċjalizzaw dawn iż-żjajjar? Kemm hija l-ispiża involuta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 8477. Ta' min jinnota li parti minn din l-ispiża hija rimbursata mill-Unjoni Ewropea.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet tlaħħaq l-ispiża li għamlet il-MEPA fuq safar matul din is-sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-ispiża li għamlet l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fuq safar matul is-sena finanzjarja li ntemmet fit-30 ta' Settembru 2004 tammonta għal Lm 42,263. Ta' min jinnota li parti minn din l-ispiża hija rimbursata mill-Unjoni Ewropea.
B'riferenza għas-sussidji li l-gvern qed jagħti fuq il-prodotti, f'każ li l-prodott inkwestjoni jkun importat minn oriġini non-EU , is-sussidju tal-gvern japplika xorta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jista’ l-Onor. Interpellant jindika liema prodotti qed jirreferi għalihom.
Jikkonferma l-Ministru li ż-żieda reġistrata fil-produzzjoni tal-ħxejjex u frott fil-pitkalija hija dovuta għall-fatt li l-bdiewa llum qed jirreġistraw il-produzzjoni fil-pitkalija minħabba li l-gvern mhux jiggarantixxi sussidji fuq il-ħxejjex u frott kemm-il darba jbiegħu l-biegħa at farm gate level?
Jikkonferma l-Ministru li l-prezzijiet tal-ħxejjex u frott li jkabbru bdiewa lokali niżlu fl-agħar livelli tagħhom minn wara l-ewwel ta' Mejju 'l hawn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ż-żieda fil-volum ta' bejgħ tal-ħxejjex u l-frott fil-pitkalija hija dovuta għal diversi fatturi. Dawn jinkludu l-kundizzjonijiet klimatiċi favorevoli matul is-sena, titjib li sar fis-sistemi ta' kultivazzjoni u tisqija, l-użu ta' varjetajiet ġodda aktar għammiela, u possibbilment it-tendenza li aktar bdiewa jbiegħu il-prodotti tagħhom fil-Pitkalija biex jikkwalifikaw għas-sussidju taħt l-SMPPMA.
Rigward il-prezzijiet, għalkemm il-prezz tal-ħxejjex għall-perjodu bejn Mejju w Ottubru ta' din is-sena kien anqas meta komparat mat-tlett snin ta' qabel, dak tal-frott kien jikkompara tajjeb, u fil-fatt il-prezz medju tal-frott bejn Mejju w Ottubru kien 1c6 għola minn dak tas-sena l-oħra. Għalhekk ma nistax naqbel ma' l-Onor. Interpellant li l-prezzijiet tal-ħxejjex u frott li jkabbru bdiewa lokali niżlu fl-agħar livelli tagħhom minn wara l-ewwel ta' Mejju 'l hawn. Meta imbagħad tikkunsidra s-sussidji li qed jirċievu l-bdiewa fuq dawn il-prodotti, id-dħul tagħhom fuq bejgħ mill-pitkalija kien fl-istess livell fil-każ tal-ħaxix u aħjar fil-każ tal-frott. Għalhekk wieħed għandu jikkonsidra d-dħul ġenerali u mhux sempliċiment il-prezz li l-bidwi jġib tal-prodott tiegħu fil-Pitkalija.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jinstema' l-appell ta' Wied Garnaw u fi x'ħin se jinstema'? Jista' jiżgura li l-ħin stipulat ta' l-appell jinżamm u ma jerġax jiġri l-istess ħaġa bħall-aħħar darba meta l-każ instema' siegħa qabel biex il-partijiet interessati ma jkunux preżenti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li t-talba għar-reconsideration ta’ l-applikazzjoni PA6268/03 saret fil-21 ta' Ottubru 2004. Il-perit ta’ l-applikant ma’ ġab l-ebda raġuni għat-talba, iżda indika li rapport dettaljat għandu jitlesta iżjed tard.
L-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) trid l-ewwel tistenna dan ir-rapport biex tibda tħejji rapport min-naħa tagħha.
Jista' il-Ministru jgħid x'permessi hemm pendenti quddiem il-MEPA għal proġett ta' slum clearance? Meta saru l-applikazzjonijiet pendenti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għandha applikazzjoni waħda għat-tip ta' żvilupp li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant.
L-applikazzjoni PA 5863/99 ġiet validata fl-10 ta' Ottubru 2002.
Jista' il-Ministru jkun daqstant ġentili u jgħid jekk l-iskema tal-MEPA dwar bdil ta' gallariji ta' l-injam hijiex limitata għal xi lokalita' jew le? X'inhuma l-parametri biex wieħed ikun jista' japplika?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Iskema għal galleriji ta' l-injam li ħarġet l-aħħar kienet għall-Non Government Organisations (NGOs) u każini f' Malta u Għawdex. L-Iskemi l-oħra li ħarġu qabel kienu limitati għall-Kottonera, Belt u Furjana. Fil-preżent ma hemmx sejħiet għal applikazzjonijiet għall-Għotjiet ta' Flus għall-Galleriji ta' l-Injam li toħroġ mill-Awtorita’ ta’ Malta Dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Jista' il-Ministru jkun daqstant ġentili u jgħid kemm hu l-milk fat content tal-ħalib Malti u dak tal-ħalib li qed jiġi mportat? Jekk hu possibbli għalih, jista' jagħmel ukoll referenza għat-trattat ta' adeżjoni ta' Malta ma' l-Unjoni Ewropea fuq dan il-punt partikolari?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li taħt id-Drinking Milk Directive, il-ħalib jista' jkun skimmed, semi-skimmed jew whole milk. Dak li jiġi impurtat jista' jaqa' taħt kull tip msemmi. Dak li hu prodott hawn Malta jaqa' taħt l-istess kategoriji, biss għal dak li jirrigwarda whole milk, il perċentwali ta' milk fat content huwa ta' 2.5 fil-mija, waqt li dak impurtat huwa ta' 3.7 fil-mija.
Jista' il-Ministru jinformana jekk is-sistema tas-sussidji tal-gvern fuq il-prezzijiet għoljin artifiċjalment taċ-ċanga tal-friża importata mill-Unjoni Ewropea humiex se jkunu fuq l-istess mekkaniżmi applikati fil-każ tas-sussidju taz-zokkor? Jekk inhu l-każ, jista' il-Ministru jinformana kemm hu s-sussidju li se jagħti l-gvern u kemm hija l-parti li l-konsumaturi jħallsu direttament fil-prezz meta jixtru l-prodott?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Parlamentari numru 8330.
Jista' il-Ministru jinformana jekk is-sistema tas-sussidji tal-gvern fuq il-prezzijiet għoljin artifiċjalment tal-qmuħ u ċereali importati mill-Unjoni Ewropea humiex se jkunu fuq l-istess mekkaniżmi applikati fil-każ tas-sussudiju taz-zokkor? Jekk huwa l-każ, jista' il-Ministru jinformana kemm hu s-sussidju li se jagħti l-gvern u kemm hija l-parti li l-konsumaturi jħallsu direttament fil-prezz meta jixtru l-prodott?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 8327 u 8328.
Jista' il-Ministru jinformana jekk is-sistema tas-sussidji tal-gvern fuq il-prezzijiet għoljin artifiċjalment tad-dairy products importati mill-Unjoni Ewropea humiex se jkunu fuq l-istess mekkaniżmi applikati fil-każ tas-sussidju taz-zokkor? Jekk huwa l-każ, jista' il-Ministru jinformana kemm hu s-sussidju li se jagħti l-gvern u kemm hija l-parti li l-konsumaturi jħallsu direttament fil-prezz meta jixtru l-prodott?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Parlamentari numru 8329.
Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi dipartiment taħt id-dekasteru tiegħu li għamel stallazzjoni jew ħaseb għal sorsi ta' enerġija differenti, bħal solar panels, solar heaters, battery operated cars, eċċ. f'dawn l-aħħar snin? Kemm kien ilaħħaq dan l-investiment?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fid-diversi Taqsimiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ma saru l-ebda stallazzjonijiet jew kien hemm xi ħsieb għal sorsi ta' enerġija differenti, bħal solar panels, solar heaters, battery operated cars, għalkemm il-kumpanija Wasteserv Malta Limited bdiet studju fil-mi¿bla l-antika tal-Magħtab li jinkludi l-installazjoni tal-"Wind Monitoring Mast" biex jiġi studjat il-potenzjal tar-riħ f'dan is-sit. Dan l-istudju ġie kkummissjonat lill-kumpanija Malta University Services Limited u ser jiswa Lm6,153. Konxja mill-fatt illi l-iskart huwa sors ta' enerġija, il-kumpanija WasteServ Malta Limited qed tinvesti f'faċilitajiet moderni bħal dik li tinsab fis-sit ta’ Żwejra biex tirkupra din l-enerġija mill-iskart.
L-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ipġpjanar fix-xhur li għaddew lestiet energy audit tal-bini tagħha biex tevalwa ukoll fejn jista’ jkun hemm aktar konservazzjoni ta’ enerġija.
Minn-naħa l-oħra, fis-sena 2004 kemm il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent kif ukoll l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) krew electric car kull wieħed. Barra hekk fil-ġranet li għaddew numru ta’ vetturi mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u l- Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) bdew jużaw il-biodiesel.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx speċi ta' ħut li huma fil-periklu ta' estinzjoni m ill-ibħra Maltin? Jekk dan hu l-każ, x'qed isir biex din is-sitwazzjoni tiġi rranġata mill-aktar fis possibbli?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fuq bażi ta’ xjenza ma hemm l-ebda speċi ta' ħut li hu fil-periklu ta’ estinsjoni fil-Mediterran.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed issir xi forma ta' kontroll biex min ibigħ il-broilers ma jagħmilx hekk lil persuni li m'għandhomx il-permessi meħtieġa għat-trobbija tat-tiġieġ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk hu qiegħed jirreferi għal day old chicks ninfurmah li dan it-tqassim huwa taħt kontroll, u li bejgħ jista' isir biss lil dawk li għandhom il-permess wara li dawn ikollhom il-permess mit-Taqsima ta' l-Ikel u l-Attivita' Veterinarja maħruġ fuq il-formola is-safra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ittieħdux passi biex jiġu nvestigati diversi rapporti li saru lill-awtoritajiet konċernati fuq importaturi li qed jimportaw tiġieġ sħaħ, jiddifrostjawhom, iqattgħuhom u mbagħad jerġgħu jiffriżawhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fejn kien hemm rapporti saru l-investigazzjonijiet. Irrid niċċara li tiġieġ, jew partijiet tat-tiġieġ iffriżati jistgħu jitqattgħu mingħajr ma jsir defrosting fi stabbilimenti li huma approvati għal dan it-tip ta' xogħol taħt il-kundizzjonijiet ta' iġene adegwati.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jitħallsu s-sussidji li għandhom jingħataw lil dawk li jrabbu t-tiġieġ peress li jidhru li ilhom ma jitħallsu minn Awissu li għadda?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-sussidji li kellhom jingħataw lil dawk li jrabbu t-tiġieġ tħallsu fl-ewwel ġimgħa ta’ Novembru wara li saru l-verifiki meħtieġa ta’ l-ammonti dovuti.
Jista' il-Ministru jindaga jekk hawnx kontroll adegwat fuq il-kwantita' ta' tiġieġ li ġejjin minn barra peress li ħafna bdiewa Maltin jidhru li qed ikollhom irabbu biss madwar terz tal-kwota tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li qiegħed isir monitoraġġ ta' l-importazzjoni ta' tiġieġ minn barra, skond l-Avviż Legali Numru 234/2004.