Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — Qgħad

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-aħħar statistika dwar il-qgħad f'Għawdex? Jista' t-tagħrif jingħata kemm 1) irġiel 2) kemm nisa 3) bl-eta' 4) x'livell edukattiv u ta' snajja għandhom dawk bla xogħol 5) mil-liema lokalita' ġejjin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru l-informazzjoni mitlub dwar persuni f'Għawdex li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru fl-aħħar ta' Settembru 2001.

Housing

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga it-talba ta' single mother li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu under separate cover għall-isussidju fil-każ ta' housing li għandha ref. HAY94/20001 taħt skema Y?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna ndikata fil-Mistoqsija applikat taħt Skema Y - Sussidju ta' Imgħax Fuq Self għad-Djar Settur Privat - fis-19 ta' Ottubru 2001. L-Awtorita' tad-Djar qegħda tistenna li tirċievi d-dokumenti mill-banek biex tivverifika l-assi ta' l-applikanta. Hekk kif l-Awtorita' tirċievi dawn id-dokumenti tkun f'pożizzjoni li tinforma lill-applikanti bir-rata sussidjata.

Ftehim Kollettiv

Question

Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni dwar meta ser jitħallsu l-arretrati tal-ftehim kollettiv riċenti tas-servizz pubbliku lil dawk il-pensjonanti li għalkemm ħaddiema tal-Gvern l-aħħar li servew qabel ħarġu bil-pensjoni kienu f'korporazzjonjiet parastatali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien nfurmat mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li r-reviżjonijiet dovuti fil-pensjonijiet tas-Sigurta' Soċjali bis-saħħa tal-Ftehim Kollettiv tas-Servizz Pubbliku saru kważi kollha. Infatti minn madwar 19,000 reviżjoni jidher li pendenti baqa' madwar 120 każ. Dawn huma fil-proċess ta' reviżjoni u meta jkunu lesti l-pensjonanti ikkonċernati jiġu nfurmati bir-riżultat u, fejn dovut, jitħallsu l-arretrati. Fil-każ tal-korporazzjonijiet parastatali, il-pensjonijiet tas-sigurta' soċjali marbuta mas-salarji f'dawn l-organiżżazzjonijiet ukoll ġew iffinaliżżati kollha. Għalhekk kemm il-darba l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal reviżjoni fil-pensjoni tas-Sigurta' Soċjali u għandu xi każ partikolari nitolbu jgħaddi l-informazzjoni lid-Direttur tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Għoli tal-Ħajja

Question

Fil-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jiġu hawn separatament annessi, jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni għaliex ma jirċevix l-awment l-għoli tal-ħajja? Kemm ser idum id-dipartiment biex jaħdem il-pensjoni tal-mara?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna indikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Ħlas ta' Ammont

Question

Jista' l-Ministru, wara li jindaga l-veraċita tal-każ li fih, il-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jiġu mgħoddija separatament, jerġa jikkonsidra l-fakulta li hi tħallas l-ammont hemm indikat peress illi n-nuqqas tagħha kien dovut minħabba ammisjoni għall-kura urġenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata personalment bl-eżitu tal-każ.

Kera — Liġijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx żviluppi dwar ir-rapport tal-kummissjoni dwar riformi fil-liġijiet tal-kera?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fl-aħħar laqgħa li kelli mal-Kummissjoni għar-Reviżjoni tal-Liġijiet tal-Kera, ġejt infurmat li l-minuti tal-laqgħat tal-Kummissjoni kienu jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet li ser jitressqu. Għalhekk sar qbil li l-Kummissjoni kellha tiġbor dawn il-minuti f'forma ta' rapport biex jkun preżentat lili sa l-aħħar ta' Settembru li għadda. Peress li sallum dan għadu ma sarx, il-Ministeru ser jerġa jikkomunika mal-Kummissjoni biex ir-rakkomandazzjonijiet li hemm imniżżla fil-minuti jittieħdu bħala rapport finali.

Aġenzija Appoġġ — Statistika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal skond statistika tal-aġenzija appoġġ li huma: 1) addottati? 2) taħt foster care? 3) taħt next of kin foster care? 4) iltiema? Tista' tingħata breakdown tal-etajiet ta' dawn it-tfal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Aġenzija Appoġġ ma toffrix servizzi relatati ma' l-adozzjoni u għalhekk ma żżommx statistika dwar dawn it-tfal. L-Aġenzija ma żżommx statistika dwar in-numru ta' tfal iltiema. Ninsab infurmat li skond ir-rekords miżmuma mill-Aġenzija, n-numru ta' tfal taħt foster care hu 73, filwaqt li n-numru ta' tfal li qed jiġu fostered minn next of kin hu ta' 10. L-etajiet ta' dawn it-tfal ivarjaw bejn sena u tmintax il-sena.

Housing Authority

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'ġara minn applikazzjoni li saret mill-applikant dwar xiri ta' flat 9, Bini tal-Gvern, Triq it-Tabib Anton Tabone, Rabat, Għawdex u dan peress illi l-applikant irċieva żewġ acknowledgements u sal-lum għadu bla risposta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar tixtieq tinforma lill-Onor. Interpellant li Skema Sitta ġiet magħluqa. L-applikazzjonijiet kollha taħt din l-Iskema ser jiġu kkunsidrati taħt Skema ġdida li l-Awtorita' ser tippubblika fi ftit ġranet oħra. L-applikant ser ikun informat f'qasir żmien bil-kundizzjonijiet ta' l-Iskema l-ġdida.

Rifuzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin hawn jiġu annessi, jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li permezz tagħha l-ammont li qiegħed jiġi mitlub lilu bħala rifuzjoni tela għal-Lm 178.74 meta dan kellu jkun anqas?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment informa lill-persuna imsemmija dwar il-każ tiegħu.

Children Allowance

Question

Għar-rigward tal-persuni li d-dettalji tagħhom qegħdin jiġu separatament annessi, jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li kawża tagħha m'hijiex tirċievi c-children allowance?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li dwarha għamel interpellanza diġa' qed jirċievi l-Allowance tat-Tfal.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jiġu hawn anessi separatament m'hijiex tirċievi pensjoni skond il-liġi

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ma rċieva ebda applikazzjoni għall-pensjoni mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.

Persuna tbati mill-Mard Ċertifikat

Question

Għar-rigward tal-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jiġu separatment annessi, jista' l-Ministru jinvestiga 1) x'inhi r-raġuni li t-tobba jew uffiċjali nkarigati ma jridux jaċċettaw li l-persuna tbati mill-mard ċertifikat? 2) Din il-persuna li għandha familja, meta ser tingħata l-għajnuna li qiegħda titlob?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ser tirċievi pensjoni wara li l-kundizzjoni ta' saħħitħa ġiet ċertifikata mit-tobba tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. Din il-persuna ġiet infurmata mid-Dipartiment dwar l-għoti ta' din il-pensjoni.

Reserved Parking Space

Question

Jista' l-Ministru jara li r-reserved parking space għall-persuna bi bżonnijiet speċjali li tgħix fl-indirizz li qed nibgħat separatament tiġi mogħtija ż-żebgħa safra mill-ġdid peress illi din iċċarat u jinkiteb il-kliem reserved jew jitpinġa s-simbolu ta' wheelchair kif hemm f'partijiet ta' parkeġġ reserved simili?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M'hijiex kompetenza ta' dan il-Ministeru li jagħmel refreshing taż-żebgħa ta' reserved parking għall-persuni b'diżabilita'.