Tista' il-Ministru tgħid jekk persuni li jibdlu gallarijiet ta' l-injam humiex intitolati għal xi kumpens jew għajnuna oħra, bħal rifużjoni ta' VAT, eċċ.?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtorita' tad-Djar tamministra tlett skemi li permezz tagħhom sidien jew inkwilini jistgħu jikkwalifikaw għal sussidju għal stallar ta' galleriji ta' l-injam.
Dawn l-iskemi huma:
Skema Z - Sussidju sa massimu ta' Lm1,200 fuq xogħlijiet ta' irranġar u titjib f'residenzi privati okkupati minn sidien;
Skema 5 - Sussidju sa massimu ta' Lm1,200 fuq xogħlijiet ta' irranġar fi djar privati okkupati minn inkwilini jew ċenswalisti;
Skema W - Sussidju sa massimu ta' Lm1,000 fuq xogħlijiet ta' irranġar fi djar proprjeta' fi Gvern.
Il-VAT imħallsa fuq xogħlijiet tkun tista' tiġi rifuża jekk ir-residenza tkun l-ewwel dar ta' abitazzjoni ta' l-applikant u tkun inbniet qabel l-1960.
Tista' il-Ministru tgħid jekk xebba li tkun sfat waħedha u m'għandhiex xi ammonti kbar ta' flus il-bank u tgħix bil-pensjoni, tikkwalifikax għax xi forma ta' għajnuna finanzjarja fi skema Z ta' l-awtorita' tad-djar sabiex tirranġa d-dar li ħallielha missierha u li għandha 'il fuq minn mitt sena? Jekk le, tista' il-Ministru tgħid għaliex persuni bħal dawn mhumiex inklużi fi skema bħal din?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-kriterji biex persuna tibbenefika taħt Skema Z ta' l-Awtorita' tad-Djar huma:
li l-assi kapitali ma jridux jaqbżu Lm4,000; u
id-dħul annwali ma jridx ikun aktar minn Lm5,286.
Persuna li tikkwalifika taħt din l-Iskema tingħata għajnuna f'forma ta' grant, sa massimu ta' Lm3,500 f'każ li l-post ikun perikoluż u sa massimu ta' Lm2,500 f'każ li l-post ikun substandard, skond id-dħul annwali.
Tista' il-Ministru tara li jittieħdu passi dwar il-fili miftuħin tal-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, billi dan qed jikkawża umdita' u ħsarat kemm fil-kamra tas-sodda kif ukoll fil-kamra tal-banju tal-flat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ġie nkluż fil-programm ta' xogħlijiet li għandu d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar.
Tista' il-Ministru tara li jittieħdu passi dwar il-kundizzjoni ħażina tas-soqfa ta' diversi kmamar ta' l-appartament li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, possibbilment ikkawżati minn xi seepage ta' ilma minn appartamenti oħra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li minn spezzjoni li għamel id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar f'Lulju 2004 fl-appartament indikat mill-Onor. Interpellant, irriżulta' li għalkemm is-saqaf tal-kamra tal-banju kellu xi tbajja ta' umdita ma kienx hemm ħsara strutturali.
Madankollu, l-imsemmi Dipartiment kiteb lid-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta' biex dan ta' l-aħħar javża lill-inkwilin li joqgħod fl-appartament ta' fuq l-appartament indikat biex jisgura li ma hemmx leakagesfis-sistema tad-drainage jew ta' l-ilma.
Tista' il-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' mara armla li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qiegħda tistenna risposta mill-housing authority peress li qiegħda tgħix f'kundizzjonijiet xejn umani?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata mill-Awtorita' tad-Djar bl-ammont li ser tirċievi bħala għajnuna. Meta jsiru x-xogħlijiet din il-persuna tkun trid tippreżenta l-irċevuti fiskali biex l-Awtorita' tkun tista' tħallas l-ammont stabbilit.
Dipartiemnt ta' l-akkomodazzjoni soċjali — Rekwiżizzjoni ta' post
Question
Tista' il-Ministru tgħid jekk id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali ressaqx ordni ta' rekwiżizzjoni fuq il-post tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Tista' tgħid għaliex saret din l-ordni meta l-persuna tinsab rikoverata l-isptar?
X'tista' tagħmel din il-persuna biex titneħħa din l-ordni ta' rekwiżizzjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li fil-fatt id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jinvestiga l-każ biex jara tistax titneħħa l-ordni ta' rekwiżizzjoni li kien hemm fuq il-post indikat mill-Onor. Interpellant u mhux tressaq tali ordni.
Kummissjoni Nazzjonali dwar ir-riformi tal-welfare
Question
Tista' il-Ministru tindika l-ismijiet tal-persuni li preżentement qed jokkupaw il-karigi rispettivi fil-kummissjoni nazzjoniali dwar ir-riformi tal-welfare?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kummissjoni Nazzjonali dwar ir-Riforma fil-
Welfare
kienet twaqqfet f’Ġunju 1999, bl-iskop li, fl-isfond tat-tibdiliet demografiċi, soċjali u ekonomiċi, tagħmel proposti dwar riforma fil-pensjonijiet u l-fondi meħtieġa biex jiffinanzjaw il-ħlas tal-pensjonijiet. Wara r-riżenja tal-membri tal-Kummissjoni, skond il-prassi, mal-ħatra ta’ Kabinett ġdid f’Marzu 2004, ma sarux ħatriet ġodda.
Minflok, fl-1 ta’ Ġunju 2004 il-Gvern waqqaf Pensions Working Group biex, wara li jikkunsidra l-istudji u xogħol preċedenti dwar is-suġġett, inkluż dak tal-Kummissjoni Nazzjonali dwar ir-Riforma fil-Welfare, jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Gvern dwar sistema ta’ pensjonijiet li tkun adekwata u sostenibbli.
Il-Pensions Working Group hu kompost kif ġej:
Chairman
Is-Sur David Spiteri Gingell
Manager, Cabinet Committee Support Unit
Uffiċċju tal-Prim Ministru
Membri
Is-Sur Joe Ebejer
Segretarju Permanenti
Ministeru għall-Familja u Solidarjeta` Soċjali
Is-Sur Edward Gatt
Direttur Ġenerali
Ministeru għall-Familja u Solidarjeta` Soċjali
Is-Sur Leonard Callus
Policy Co-ordinator
Uffiċċju tal-Prim Ministru
Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ dan il-Grupp ġew ippublikati permezz ta’ White Paper f’Novembru li għadda.
Tista' il-Ministru taġġornana bil-progress ta' mistoqsija parlamentari 12369?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li fis-6 ta' Ġunju 2005, id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali reġa kiteb lill-persuna konċernata biex jiġbdilha l-attenzjoni li kien għad trid tipproduċi dokumenti biex tiġi proċessata t-talba tagħha.
Tista' il-Ministru taġġornana bil-progress ta' mistoqsija parlamentari 12275?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kif kelli l-opportunita' li ngħid bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 12275 li tajt f'Seduta 268, il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali permezz ta' ittra. Din l-ittra kienet iġġib id-data tal-5 ta' Mejju 2005.
Tista' il-Ministru taġġornana dwar mistoqsija parlamentari 12274?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li minn spezzjoni li għamel id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar ma rriżultax li l-gallarija li għamel referenza għaliha l-Onor Interpellant tippreżenta periklu. Għalhekk ix-xogħol meħtieġ hu responsabbilta' ta' l-inkwilin skond il-policy viġenti.
Tista' il-Ministru tgħid kemm qiegħed jamministra fondi mill-Unjoni Ewropea l-Ministeru tagħha, sija pre-accession u accession funds?
Kemm entitajiet, awtoritajiet, aġenziji jew nies taħt id-dekasteru tagħha qed jibbenefikaw minn dawn il-fondi? Għal liema proġetti jew inizjattivi qed jintużaw dawn il-fondi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid kemm inżammu flus mill-pensjoni tar-residenti fi djar ta' l-anzjani din is-sena s'issa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-ammont ta' kontribuzzjonijiet miġbura mill-anzjani residenti fi djar u istituzzjonijiet, inkluż dawk taħt skemi ta' Public Private Partnership, bejn Jannar u April 2005, kien ta' Lm1,212,840.
Tista' il-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' servizzi soċjali ta' mara separata li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li m'għandha l-ebda dħul ieħor?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tgħid kemm diretturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha ġew riappuntati u min huma?
Tista' tgħid kemm diretturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha ma ġewx riappuntati u min huma?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellanti tiċċara għal liema kategorija ta' diretturi qed tirreferi, jigifieri jekk hux Diretturi fis-Servizz Pubbliku jew għal diretturi ta' bordijiet ta' entitajiet pubbliċi. L-Onorevoli Interpellanti għandha tiċċara wkoll għal liema perjodu qed tirreferi.
Tista' il-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 12092 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid kemm huwa n-numru ta' parking places li hemm fil-gżira ta' Għawdex għall-persuni b'diżabilita'?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12497 f'Seduta 272.
Tista' il-Ministru tara li tintlaqa' it-talba bin-numru tal-file li qed jintbagħat separatament għall-akkomodazzjoni soċjali ta' omm li jkollha tgħix f'garage flimkien ma' uliedha għax m'għandhiex dar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma oħrajn simili.
Ninsab infurmata wkoll li ma jirriżultax mill-applikazzjoni li għamlet il-persuna konċernata li din tgħix f'garage.
Tista' il-Ministru tara li jintbagħtu ħaddiema tal-gvern biex isolvu l-problema li hemm f'żewġ flats li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, li jinsabu isfel u li f'dawn l-aħħar xhur qegħdin jintlew bl-umdita' bil-konsegwenza li ssir ħafna ħsara fid-djar ta' l-inkwilini?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Tista' il-Ministru tikkonferma jekk persuna li tieħu pilloli b'mod regolari minħabba mard kroniku, għandhiex dritt għall-għajnuna tal-gvern għal dawn il-pilloli, irrispettivament mid-dħul tagħha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li persuna tkun intitolata għall-Għajnuna Medika bla Ħlas, inluż mediċini, irrispettivament mid-dħul tagħha, kemm il-darba din tkun tbati minn tuberkolożi, lebbra, diabetes mellitus jew poliomylitis jew minn effetti ta' wara ta' xi waħda minn dawn il-mardiet jew tkun tbati minn xi waħda mill-mardiet kroniċi msemmija fit-Tieni Parti tal-Ħames Skeda ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali.
Tista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12601 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid jekk il-gvern ħallasx xi kumpens lill-familji tal-vittmi fil-każ ta' l-inċident ta' l-Um El Faroud? Jekk le, hemmx xi proposta ta' kumpens pendenti u jekk iva, f'liema ammont?
Kemm-il darba tħallas dan il-kumpens jew f'każ li l-ħlas ta' kumpens għadu biss propost, tista' tispjega x'inhu l-ammont ta' kumpens imħallas jew propost għal kull każ li hemm quddiem il-qorti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xi kumpens imħallas taħt l-Att dwar is-Sigurta Soċjali, ninsab infurmata li r-romol tal-vittmi tħallsu l-pensjoni tar-romol skond il-provedimenti ta' l-imsemmi Att.
Tista' il-Ministru tgħid jekk it-tifla li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li hija taħt care order hijiex se tiġi fdata f'idejn ommha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Filwaqt li b'mod ġenerali ngħid li fil-każ ta' minuri taħt Care Order jien nimxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord Konsultattiv għat-Tfal u ż-Żgħażagħ, imwaqqaf skond l-Att dwar Tfal u Żgħażagħ (Ordnijiet għall-Ħarsien), ma nħossx li għandi ngħati informazzjoni dwar każ speċifiku, kopert mill-imsemmi Att, fejn l-aspett personali hu assolutament kunfidenzjali u dan fl-aħjar interess tal-partijiet konċernati.