Legislature:
Category:
Reset
Active:

Nuqqas ta' kotba ta' l-Abacus mill-iskejjel

Question

Jista’ il-Ministru jgħid meta se jiġu pprovduti l-kotba ta’ l-Abacus li suppost kienu għand l-istudenti fil-bidu ta’ din is-sena skolastika? X’inhi r-raġuni li dawn il-kotba għadhom ma waslux għand l-istudenti? X’alternattivi ġew proposti fin-nuqqas ta’ dawn il-kotba? Liema huma s-snin li ġew milquta minn dan in-nuqqas ta’ kotba? Jista’ jgħid ukoll x’inhi r-raġuni li t-tfal qed jiġu mgħallma ħames tipi differenti meta wara qed jgħidulhom li tip wieħed biss hemm bżonn jużaw?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dawn il-kotba waslu u qed jitqassmu fl-iskejjel. Informat ukoll li biex l-istudenti ma jitilfux lezzjonijiet kien hemm qbil ma' l-aġenti tal-kotba biex isir photocopying ta' l-ewwel partijiet tal-ktieb. Dan sar fl-iskejjel kollha u b'hekk l-istudenti ma tilfux lezzjonijiet. L-istudenti li ġew milquta kienu dawk tal-Year 5. Informat li l-mod ta' tagħlim li jintuża mill-kotba tal-matematika jgħin biex l-istudenti verament jifhmu l-proċess matematiku u mhux sempliċement jaslu għar-riżultat mingħajr ma jkunu jafu kif għamlu dan.

Għawdex — Nies jaħdmu bi qliegħ

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm nies jaħdmu bi qliegħ f'Għawdex fl-aħħar ta' kull sena mill-1998 sa l-2004 u fl-aħħar ta' Settembru ta' din is-sena, klassifikati taħt irġiel u nisa, full-time u part-time, jaħdmu għal rashom u mpjegati ma' ħaddieħor fis-settur pubbliku, maqsuma f'dipartiment ti al-gvern u organizzazzjonijiet parastatali u fis-settur privat taħt id-diversi oqsma ta' produzzjoni diretti u dawk ta' servizzi tas-suq? Jista' jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema f'Għawdex li kellhom xogħol part-time minbarra x-xogħol full-time tagħhom fl-aħħar ta' kull sena mill-1998 sa l-2004 u fl-aħħar ta' Settembru 2005?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tagħrif mitlub ser jiġi kompilat biex tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Pembroke — Skola primarja

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15286 u jgħid: b'riferenza għat-talba li saret lill-fondazzzjoni għall-iskejjel ta' għada għall-canopy fl-iskola primarja Bice Mizzi Vassallo f'Pembroke, jista' il-Ministru jgħid fiex waslet din it-talba u dan fid-dawl li t-tfal huma ta' kuljum esposti għall-elementi kull darba li jkollhom bżonn imorru jaqdu l-ħteġijiet iġeniċi tagħhom? Saret talba lill-MEPA sabiex isir dan ix-xogħol, dejjem jekk hemm ħtieġa ta' permess?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa qiegħed jinħadem xogħol biex titpoġġa tinda temporanja. Hu maħsub li dan ix-xogħol jitlesta sa l-aħħar ta' din is-sena.

Għoti ta' sensji

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw sensji matul Settembru u Ottubru din is-sena? Minn liema settur kienu ġejjin? Jista' jgħid kemm ġew maqtugħa nies mill-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru tax-xogħol matul Lulju, Awissu, Settembru u Ottubru ta' din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Istitut tal-hairdressing

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fl-istitut tal-hairdressing hemm xi għalliema ta’ xi suġġetti nieqsa, fosthom tal-matematika? Jista’ jgħid meta se jkun hemm l-għalliema meħtieġa ħalli l-istudenti ma jkomplux jitilfu dawn il-lezzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-Istatut tas-Servizzi fil-Kommunita hemm għalliem tal-Matematika nieqes. L-intervisti saru u bħalissa qegħdin fil-proċess li jiġu magħżula biex jibdew jgħallmu l-Matematika fl-MCAST.

Inċident ġewwa skola

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’impatt ser iġġib, jew x'konsegwenzi se jkun hemm wara s-sentenza mogħtija mill-Imħallef Tonio Mallia fejn persuna ġiet mogħtija Lm37,000 minħabba inċident li kien seħħ fl-iskola fejn kien jattendi student?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-każ qiegħed jiġi evalwat mill-Avukat Ġenerali tar-Repubblika u mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.

Eżamijiet tal-MATSEC

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk dan l-aħħar kienx hemm xi ordni minn xi ħadd sabiex l-applikazzjonijiet għall-eżamijiet tal-MATSEC isiru onlinebiss?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn naħa tal-Matsec Support Unit ma kien hemm l-ebda ordni sabiex l-applikazzjoniiet għall-eżamijiet tal-Matsec isiru online biss.

Kotba għall-klassijiet primarji

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14491 u jgħid kemm-il ktieb ġdid inxtara għall-klassijiet primarji għas-sena skolastika li fetħet f’dawn il-jiem? Liema huma? Kemm swew? Min ħa l-kuntratt? Kemm-il ditta tefgħet l-offerta u liema kienu? Kemm kienet kull offerta? Jista’ jgħid ukoll meta tqassmu dawn il-kotba fl-iskejjel u f’liema klassijiet (year)?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 14974, Seduta 310.

Xiri ta' kotba għal skejjel sekondarji

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14492 u jgħid kemm-il ktieb inxtara għall-klassijiet sekondarji għas-sena skolastika li fetħet f’dawn il-jiem? Liema huma? Kemm swew? Min ħa l-kuntratt? Kemm-il ditta tefgħet l-offerta u liema kienu? Kemm kienet kull offerta? Jista’ jgħid ukoll meta tqassmu dawn il-kotba fl-iskejjel u f’liema klassijiet (form)?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 14975, Seduta 310.

Assenteiżmu mill-iskejjel

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14494 u jgħid x’kien il-persentaġġ ta’studenti fl-iskejjel ta’ l-Istat li fis-sena skolastika li għaddiet ma attendewx l-iskola mingħajr raġuni ? Jista’ jagħti l-figuri għall-primarji, sekondarji u l-kumplament separatament? Meta mqassmin bejn studenti subien u bniet, liema kienet l-ogħla?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tagħrif dwar assentejiżmu mhux awtorizzat ta' studenti fl-iskejjel ta' l-Istat hu kif jidher fit-Tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pembroke — Skola Biċe Mizzi Vassallo

Question

Jista' il-Ministru jinformana bil-pjan ta' xogħol li jista' jinkludi manutenzjoni, xogħlijiet, fit to let u canopies fost oħrajn, għall-iskola primarja Biċe Mizzi Vassallo ta' Pembroke u jekk tali xoghol jistax isir fl-2006?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa qiegħed jinħadem xogħol biex titpoġġa tinda temporanja. Hu maħsub li dan ix-xogħol jitlesta sa l-aħħar ta' din is-sena.

Swatar — Ċentru tat-taħriġ

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk l-istudenti li jattendu ċ-ċentru tat-taħriġ tas-Swatar humiex intitolati għall-istipendju? F’każ li t-tweġiba tkun fin-negattiv, x’inhi r-raġuni għal dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-liġi ma tipprovdix stipendju għal studenti li jattendu ċ-ċentru tat-taħriġ tas-Swatar.

Wied il-Għajn — Kindergarten

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk instabitx xi biċċa art fejn tista’ tinbena kindergarten ġdida ġewwa Wied il-Għajn? Jekk iva, fejn tinsab u kemm ġiet tqum din il-biċċa art? Meta se jibda x-xogħol fuq din il-kindergarten ġdida u kemm huwa maħsub li se tilqa’ studenti fiha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni talbet lill-Kummissarju ta' l-Artijiet biex jallokalha biċċa art fejn tista' tinbena kindergarten fl-istess arja ta' l-iskola primarja ta' Wied il-Għajn. F'dan l-istadju dettalji oħra huma prematuri.

Ħaż-Żabbar — Skejjel Primarji

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux minnu jew le li l-ħalib mhux se jibqa’ jingħata fl-iskejjel primarji ta’ Ħaż-Żabbar? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni? Hemm xi skejjel oħra li se jagħmlu l-istess?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-Iskola Primarja ‘A’ ta' Ħaż-Żabbar kienet ittieħdet deċiżjoni mill Kunsill Skolastiku li l-flus li kienu jintefqu għal xiri ta' ħalib għat-tfal ta' l-iskola kienu se jibdew jintefqu biex jinxtraw kotba għall-librerija ġdida għat-tfal tal-Kindergarten sa Year 3.Minħabba oppożizzjoni minn xi ġenituri il-ħalib ser jerġa jibda jitqassam mill-ewwel ta' Novembru 2005. F'dawn l-aħħar snin kien hemm skejjel, fosthom dawk Primarji tal-Qrendi u l-Imqabba, fejn deċiżjoni simili ntlaqgħet tajjeb mill-ġenituri u l-flus intefqu fuq riżorsi aktar bżonnjużi għall-iskola.

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni jirreġistraw għax-xogħol fix-xhur ta' Marzu sal-lum, xahar b'xahar, lokal b'lokal?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi n-numri ta’ persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru lokal b’lokal f’Malta u Għawdex minn Marzu 2005 sa Settembru 2005.

Persuni illitterati

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm huwa stmat li hawn nies illitterati f’Malta? Jista’ jgħid kemm minn dawn huma ta’ l-eta` ta’ l-iskola? Kemm għandhom bejn is-17 u l-25 sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li risposta ċara tkun tista' tingħata wara li jsir iċ-Ċensiment Nazzjonali li għandu jsir lejn l-aħħar ta' din is-sena.

Junior college/Sixth form

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm studenti, subien u bniet separatament, li qed jattendu l-junior college u s-sixth form ta’ l-iskejjel indipendenti u tal-knisja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm: SUBIEN BNIET TOTAL Junior College 1329 1932 3261 Skejjel tal-Knisja 331 324 655 Skejjel Indipendenti 46 29 75

Skola Giovanni Curmi

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm studenti, subien u bniet separatament, li qed jattendu l-iskola Giovanni Curmi, in-Naxxar? Kemm hemm studenti li daħlu għall-ewwel darba? Kemm minnhom kienu mill-iskejjel indipendenti u tal-knisja? Dawn l-istudenti kollha huma intitolati għall-istipendju? Kemm huwa l-istipendju li jirċievu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li qed jattendu l-Iskola Sekonadarja Ogħla Giovanni Curmi huwa ta' 1,600 student, 900 huma bniet u 700 huma subien. In-numru ta' studenti li daħlu għall-ewwel darba fl-iskola huwa ta' 1,077 student. 1,300 student huma intitolati għall-istipendju stabbilit fir-Regolamenti. Informat ukoll li n-numru ta' studenti li rreġistraw f'din l-iskola f'Ottubru 2005 li ġejjin minn skejjel indipendenti u tal-knisja huwa ta' 260.