Legislature:
Category:
Reset
Active:

Floriana – Torri tal-ilma ta’ Wignacourt – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma x-xogħlijiet li qed isiru fuq it-torri tal-ilma ta’ Wignacourt fil-Floriana? Dawn ix-xogħlijiet qed isiru b’fondi lokali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ restawr fuq it-torri tal-ilma ta’ Wignacourt fil-Furjana, qed isir minn ħaddiema tal-Uffiċċju tal-Proġetti għar-Riabilitazzjoni. Bħalissa qed isir restawr fil-parti interna tat-torri, u fil-futur qarib ser jinbeda xogħol ta’ restawr fuq il-parti esterna. Dawn ix-xogħlijiet qed isiru b’fondi lokali.

Żjara fil-Korea t’Isfel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-iskop taż-żjara li għamel fil-ġimgħat li għaddew fil-Korea t’Isfel?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żjara tiegħi ġewwa l-Korea għall- konferenza tal-ASEM, Symposium on Eurasia Transport and Logistics Network, Seamless Eurasia: Making Connections. Matul iż-żjara tiegħi f’Seoul, li hija l-belt kapitali tal-Korea ta’ Isfel, kelli laqgħat mas-Seoul Metropolitan Government, li reċentement żviluppa strateġija kompensiva fit-tul “Seoul Traffic Vision 2030” biex tindirizza l-problemi ta’ żidiet fin-numru ta’ vetturi, konġestjoni tat-traffiku u problemi oħrajn relatati mat-traffiku, bħal tniġġis fl-arja. Din l-istrateġija timmira għal tnaqqis ta’ 30% fil-vjaġġi b’vetturi privati, tnaqqis ta’ 30% fil-ħin bit-trasport pubbliku u żieda ta’ 30% fl-użu ta’ trasport li ma jagħmilx ħsara, bħal mixi, roti u użu akbar ta’ trasport pubbliku.

Proġett nazzjonali kontra l-għargħar

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fir-rigward tal-proġett nazzjonali kontra l-għargħar, jekk sarux xi xogħlijiet addizzjonali, biex dan il-proġett ikun aktar effiċjenti fil-ġbir tal-ilma fit-toroq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-proġett saru numru ta’ xogħlijiet addizzjonali. Fil-komponent ta’ Birkirkara-Msida l-aħħar 1300 metru tal-mina ġew imkabbra sabiex ikunu jistgħu jilqgħu maltempati akbar minn dawk li l-proġett kien iddisinjat għalihom oriġinalment. Ġewwa Ħaż-Żebbuġ il-mini ġew imtawla b’madwar 350 metru kif ukoll f’diversi toroq saru numru ta’ culverts biex l-ilma ikun jista’ jinqabad b’mod aktar effiċċjenti.

Raħal Ġdid, Triq Ħal Luqa – rranġar tat-triq

Question

Jista’ l-Ministru jara li Transport Malta, bla dewmien minħabba l-ħsara kbira li qed issir lill-vetturi u l-periklu kbir għas-sewwieqa u nies li jgħaddu minn hemmhekk, issewwi Triq Ħal Luqa, Raħal Ġdid speċjalment minn fejn hemm il-Maxims ‘il fuq sar-roundabout?Jista’ jieħu l-azzjoni meħtieġa peress li din hija triq prinċipali li minnha jgħaddu eluf kbar ta’ vetturi kuljum u jista’ jinqala’ inċident bl-ammont kbir ta’ ħofor u depressions fl-asfalt li żviluppaw?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-parti tat-triq li qed jirreferi għaliha ma taqax taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta.

Liċenzji nawtiċi maħruġa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu liċenzji nawtiċi minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 ħarġu 3,080 liċenzji nawtiċi u għall-istess perjodu 1,596 liċenzja nawtika ġiet imġedda.

Infrastruttura fil-portijiet ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’tip ta’ infrastruttura hemm bħalissa fil-portijiet madwar Malta, kif qed tiġi miżmuma u jekk hemmx pjanijiet għal tkabbir fil-futur?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-portijiet ta’ Malta jinkludu Marsxlokk, il-Port il-Kbir, Marsamxett, San Pawl il-Baħar, iċ-Ċirkewwa u l-Imġarr. L-infrastruttura portwali tinkludi breakwaters, mollijiet għall-użu tal-merkanzija, passiġġieri, trasport għal turisti bil-baħar, u użu ġenerali; terminals għall-passiġġieri; merkanzija u prodotti taż-żejt; u marinas. Wara li kien sar servej estensiv tal-infrastruttura marittima fis-sena 2007, ġew mnehdija diversi proġetti biex isir xogħol ta’ tiswija u manutenzjoni kif ukoll tkabbir (eżempju. il- breakwaters fil-portijiet ta’ Marsaxlokk u l-Belt Valletta, Boiler Wharf, it-terminal taċ-Ċirkewwa, tiswija ta’diversi mollijiet bħal dawk ta’ Lascaris, Barriera, fl-Imsida, u moll ġdid fil-Blue Lagoon). Bħalissa għaddej proġett kbir ta’tiswija u tisħiħ (upgrading) tal-moll kollu ta’ Deep Water Quay fil-Port il-Kbir, dan biex ikun jista’ jaqdi ll-ħtiġijijet portwali ta’ merkanzija, passiġġieri (cruise liners), u vapuri kbar. Għaddej ukoll proġett biex titjieb l-infrastruttura u rmiġġi f’’diversi landing places fejn hemm trasport bl-iskeda.

Industrija Marittima Maltija — promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex tiġi promossa l-industrija marittima ta’ Malta barra minn xtutna?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull sena, Transport Malta tipparteċipa f’diversi fieri u konferenzi internazzjonali sabiex tippromwovi kemm is-servizzi marittimi li toffri Transport Malta kif ukoll sabiex tippromwovi Malta Marittima in ġenerali. Dawn isiru kemm ġewwa Malta kif ukoll barra minn xtutna. Il-parteċipazzjoni f’dawn l-esebizzjonijiet internazzjonali iservu wkoll bħala pjattaforma ta’ promozzjoni għal diversi aġenti, avukati u stakeholders Maltin li jattendu f’dawn l-avvenimenti. L-Awtorita’ torganizza wkoll seminars u laqgħat speċjalizzati ġewwa swieq partikulari sabiex tiltaqa’ u tippromwovi r-reġistrazzjoni ta’ jottijiet u vapuri ma’ managers, avukati, sidien ta’ vapuri u jottijiet u rappreżentanti tagħhom.

Industrija tal-yachting f’Malta — żvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir u x’inizjattivi qed jittieħdu biex tiġi żviluppata iktar l-industrija tal-yachting f’Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent għadu kemm ġie approvat mill-MEPA l-iżvilupp ta’ yacht marina ġewwa Sa Maison li mistennija tesa madwar 150 jott, u li se tiġi żviluppata matul is-sena 2016. Barra minn hekk, qed isiru studji sabiex jiżdiedu l-infrastruttura u l-faċilitajiet tal-yachting li jinkludu marinas permanenti u temporanji, il-kunċett ta’ destination ports, kif ukoll żoni organizzati għall-irmiġġi. Permezz ta’ Transport Malta, qed isiru wkoll inizjattivi ta’ marketing sabiex tiġi promossa l-industrija tal-jottijiet kemm Malta kif ukoll barra minn Malta. Dan isir kemm bis-sehem tagħha f’konferenzi kif ukoll f’esebizzjonijiet internazzjonali.

Awtorità tat-Trasport – sikurezza għal min isuq id-dgħajjes u għall-għawwiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jsir mill-Awtorità tat-Transport sabiex ikun hemm sikurezza kemm għal dawk li jsuqu d-dgħajjes, kif ukoll għall-għawwiema f'kull ħin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, għalkemm ħadd ma jista’ jassigura sigurta’ lil dawk li jużaw id-dgħajjes u lanqas lill-għawwiema f’kull ħin, biss l-Awtorita’ tagħmel dak kollu possibli biex tgħin sew lill-baħħar biex jidentifika dawk iż-żoni riservati għall-għawwiema, li minnhom issa hawn 38 imferrxin mal-gżejjer Maltin. Fl-istess waqt tappella lill-għawwiema biex kemm jista’ jkun jgħumu ġewwa dawn iż-żoni. Għas-sigurta’ tal-għawwiem, l-Awtorita’ wkoll installat 40 speed marker buoy biex tindika lill-baħħar x’veloċita’ massima jista’ jsuq id-dgħajsa tiegħu f’żona hekk indikata. Biex tara li r-regolamenti tal-baħar jiġu osservati, uffiċċjali mit-taqsima marittima ta' l-infurzar mid-Direttorat tal-Ports & Yachting jagħmlu patrols matul ix-xtut u l-portijiet fuq bażi regolari u jieħdu azzjoni kif meħtieġ kontra min jabbuża. L-Awtorita’ tagħmel ukoll kampanji edukattivi rigward dan kollu msemmi biex twassal messaġġ qawwi lill-baħħar biex ma’ jkunx ta’ periklu għall-għawwiem.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – ingaġġ ta’ persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati u ingaġġati persuni mill-Ministeru u mid-dekasterji varji li jaqgħu taħtu tul din is-sena sa Settembru 2015?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu msemmi ġew ingaġġati 15-il persuni mid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi. Fl-istess perjodu 111 –il persuna ma baqgħux jagħmlu part mill-kotba ta’ l-istess dipartimenti.

Korrispondenza bejn l-Awtorità tat-Trasport u l-Kunsill lokali Naxxar — Triq Geatano Vitale - tarmak

Question

B'referenza għall-korrispondenza li għaddiet bejn il-Kunsill Lokali Naxxar u Awtorità tat-Trasport fl-aħħar xhur rigward il-kisi bit-tarmak ta' Triq Gaetano Vitale fin-Naxxar kellha, jista' l-Ministru jindika meta mistenni jibda x-xogħol fuq din it-triq, liema triq kienet identifikata fl-2012 bħala waħda mit-toroq li kienu se jingħataw prijorità mill-istess Awtorità tat-Trasport tant li l-istess Awtorità kienet ħarġet il-permess biex jibda x-xogħol? L-istat tat-triq qed joħloq inkonvenjent lir-residenti li joqogħdu fl-inħawi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq din it-triq isir skont il-progress tal-formazzjoni, fondi disponibbli kif ukoll il-proċess tal-akkwist tas-servizzi tal-kuntratturi.

Transport Malta — vetturi li tneħħew mit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm vetturi li tneħħew mit-toroq fuq ordni, jew b'kollaborazzjoni ta' Transport Malta? Kemm minn dawn il-vetturi tneħħew minn San Pawl il-Baħar (il-lokalità kollha), matul l-aħħar sena, xahar b'xahar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li Transport Malta neħħiet total ta’ 18-il vettura mit-toroq tul din l-aħħar sena. Minn dawn, vettura waħda tneħħiet mil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar f’Settembru li għadda.

Transport Malta – ingaġġ ta’ persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġdida ġiet impjegata ma’ Transport Malta mill-1 ta’ Marzu 2013 sat-30 ta’ Lulju 2015, kemm jekk l-impjieg tagħha hu direttament ma’ Transport Malta, kemm jekk l-impjieg tagħha hu tramite l-kuntrattur, kemm jekk huwa on secondment, kif ukoll jekk fuq bażi ta’ self-employed?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika xi trid tfisser bil-kliem “impjegati ġodda”, u dan sabiex tkun tista’ tingħata l-informazzjoni kompleta u korretta.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – ingaġġ ta’ persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġdida ġiet impjegata mal-Ministeru tiegħu inkluż ma’ kwalunkwè entità, korporazzjoni, jew dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 ta’ Marzu 2013 sat-30 ta’ Lulju 2015, kemm jekk l-impjieg tagħha hu wieħed dirett, kemm jekk l-impjieg tagħha hu tramite l-kuntrattur, kemm jekk huwa on secondment, kif ukoll jekk fuq bażi ta’ self-employed?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika xi trid tfisser bil-kliem “impjegati ġodda”, u dan sabiex tkun tista’ tingħata l-informazzjoni kompleta u korretta.

Ħal Balzan — Triq Birbal / Wesgħa Ġużè Aquilina - blocks tal-konkos

Question

Jista' l-Ministru jara li l-kuntrattur li wettaq ix-xogħol tal-flood relief project f'Ħal Balzan ineħħi l-blocks tal-konkos li poġġa fuq is-sit f'Wesgħa Ġużè Aquilina kantuniera ma' Triq Birbal f'Ħal Balzan peress li dawn il-blocks qed itellfu ħafna l-vista ta' min ikun ħiereġ bil-vettura minn Wesgħa Ġużè Aquilina għal Triq Birbal?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li dawn il-blokki qed iservu ta’ ilqugħ biex jipproteġu transformer li qed jipprovdi l-elettriku għax-xogħol li qiegħed isir fil-mina u għalekk ma jistgħux jitneħħew qabel ma jispiċċa dan ix-xogħol. Hu stmat li ix-xogħol jitlesta sa l-aħħar ta’ Novembru.

Triq Birkirkara u Triq San Ġiljan — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara meta se titlesta kompletament Triq Birkirkara u Triq San Ġiljan li anke tagħti għall-Isptar Mater Dei?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq Birkirkara, San Ġwann huma maqsumin f’żewġ fażijiet. Ix-xogħlijiet fl-ewwel fażi kienu tal-Korporazżjoni tal-Ilma. Ix-xogħlijiet fit-tieni fażi huma mmexija minn Transport Malta u se jinkludu t-tibdil tal-kumplament tas-servizzi, inkluż id-drenaġġ, u l-asfaltar ta’ din it-triq. Ta’ min isemmi li it-tieni fażi hija parti mix-xogħlijiet tal-Proġett tal-Junction tal-Kappara li jinkludu xogħol estensiv fuq numru ta’ devjazzjonnijiet inkluż l-imsemmija triq. Il-kordinazzjoni tat-tieni fażi għadha għaddejja. Rigward ix-xogħlijiet fuq Triq San Ġiljan nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Ħ’Attard u l-Mosta – Triq Pantar — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jitlesta x-xogħol fuq Triq Pantar, f’Ħ’Attard/il-Mosta li ilu għaddej bosta ġimgħat u li ċertament qed jikkontribwixxi għaż-żjieda fit-traffiku fl-akkwata?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Ministru jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Forti Sant’Iermu – restawr fuq strutturi Ingliżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ir-restawr fuq l-istrutturi Ingliżi li hemm fid-daħla tal-Forti Sant’Iermu ma ġewx inklużi mal-proġett ta’-restawr tal-istess Forti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta kien ġie definit il-proġett tar-restawr ta’ Sant’ Iermu fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti, uħud mill-istrutturi ta’difiża li hemm fid-dawra ta’ barra tal-forti ma kienux parti mill proġett u għalhekk ma sar ebda intervent fuqhom. Dawn ma kienux approvati mill- grant li kien ingħata fis-sena 2012.

Strada Stretta — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema fażi wasal ix-xogħol fi Strada Stretta? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll għal liema raġuni l-pavimentar ta’ quddiem Vincenti Buildings se jerġa’ jinqala’ wara li sar ftit snin ilubiss?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fi Strada Stretta wasal fit-tielet fażi tiegħu. Wara waqfa qasira minħabba l-istaġun turistiku, ser jitkompla x-xogħol ta’ pavimentar taħt il-loġoġ tal-Qorti, u se jinbeda x-xogħol ta’ pavimentar quddiem Vincenti Buildings. Dan qed isir minħabba l-fatt li l-pavimentar li kien sar taħt amministrazzjoni preċedenti ma kienx jiflaħ għall-ammont ta’ traffiku li beda jgħaddi min din il-parti tat-triq. Ix-xogħol li huwa ppjanat jinkludi t-tqegħid ta’ sodda tal-konkos, tqegħid ta’ infrastruttura ġdida tal-elettriku, u bdil ta’ materjal minn ċangatura tal-qawwi għal ċangatura tal-lava. Bħalissa qed tiġi aġġudikata tender għax-xiri ta’ lanterni tad-dawl sabiex sistema ġdida ta’ dawl tat-triq tiġi nstallata.