Jista' l-Ministru jipprovdi crash barriers: (a) fi Triq Glormu Cassar, il-Belt fejn tinsab liwja u bankina lixxa fejn il-karozzi jistgħu jaqgħu għal isfel ġol-ġnien; u (b) fi triq fejn il-flyover tal-bombi minn Tal-Pieta' għal Furjana fejn jinsabu ħames bollards imkissrin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-toroq biex fil-lokalitajiet imsemmija jara x'inhu l-aħħjar li jsir biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm periklu.
Peress li minkejja li r-residenti ta' Triq Barjol, ta' Mlit, il-Mosta, ilhom is-snin li ħallsu r-road contribution iżda x-xogħlijiet ta' asfalt u tarmac għadhom ma sarux, jista' l-Ministru jara li din it-triq, inkluż il-bankini, jiġu rranġati din is-sena?
Jekk fl-affermativ, meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa qed jitfassal il-programm tax-xogħol kollu li ser jitwettaq fl-inħawi msemmija, iżda x-xogħol ikun jista` jsir wara li jiġi assigurat li s-servizzi kollha jkunu fil-post.
Jista' l-Ministru jinfurmani bl-evalwazzjoni li saret dwar il-petizzjoni li ġiet preżentata fil-Parlament għan-nom tar-residenti Mostin tal-Qasam tad-Djar ta' Mlit u tal-madwar?
Jista' jinforma lill-Kamra bl-iżviluppi tat-talbiet tar-residenti peress li r-residenti Mostin qed jiffaċċjaw inkonvenjent kbir? Peress wkoll li f'seba snin l-kunsill tal-Mosta ma għamilx embellishment f'dawn l-inħawi, minkejja li hemm djun kbar ta' flus akkumulati ta' xogħlijiet li saru fl-inħawi oħra tal-Mosta f'dan il-perjodu u cioe jawtorizza x-xogħlijiet meħtieġa li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu sabiex titwettaq ix-xewqa tar-residenti Mostin u l-qasam residenzjali ta' Mlit ma jkomplix jitħalla abbandunat.
Response (GALEA, ĊENSU)
Ninforma l-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tat-Toroq u l-Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni ma kienux qed jistennew l-ebda petizzjoni biex jiġu analiżżati l-ħtiġijiet ta' l-inħawi msemmija. Il-Kunsill Lokali tal-Mosta kien diġa' ssottometta talbiet dwar ix-xogħol fl-inħawi msemmija, iżda kif ingħad diversi drabi, tali xogħol jista' jsir biss bħala parti mill-programm sħiħ tax-xogħol tat-toroq.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq fit-2 Distrett elettorali li din is-sena ser jinbnew jew jinksew bit-tarmac mid-Dipartiment fil-Ministeru tiegħu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal mistoqsijiet parlamentari Nru. 22257, 22451 u 22605.
Jista' l-Ministru jgħid minn min ingħatat l-ordni sabiex inqatgħu l-mażżri li kien hemm fix-Xatt ta' Bormla quddiem il-club tar-Regatta?
X'inhi r-raġuni li s-sidien tagħhom ma ġewx imgħarrfa minn qabel biex ineħħuhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li sakemm il-Baċir numru 1 jibqa` jintuża mit-Tarzna ta` Malta, l-Awtorita` Marittima ma taqbilx li jinħarġu permessi għall-irmiġġi f`din iż-żona. Id-deċiżżjoni li jinqatgħu l-irmiġġi ttieħdet mill-Awtorita` Marittima meta minħabba f`dawn l-irmiġġi l-ħruġ tal-bastiment mill-Baċir numru 1 fit-28 ta` Diċembru 2000 ma setax isir.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li billi dawn l-irmiġġi kienu qegħdin fil-post mingħajr ma qatt intalab permess lill-Awtorita` Marittima skond il-Berthing Regulations, l-Awtorita` ma kinitx f`pożizzjoni li tinforma lis-sidien.
Jista' l-Ministru jara li d-dorga li hemm f'Santa Luċija Avenue, Paola, quddiem iċ-ċimiterju u quddiem il-bieb numru 134 u l-ħanut ta' Montebello Marble Works, tintradam jew issir sprall sabiex meta l-vetturi li jkunu telgħin it-telgħa u jkunu jridu jidħlu ġo Ditch Street, Paola ma jkollhomx għalfejn jieqfu f'daqqa b'periklu ovvju għal terzi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jinvestiga l-każ u jara x`jista` jsir.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatatx ordni mid-dipartiment tat-toroq biex ix-xogħol fuq l-aħħar parti ta' Triq Abate Rigord f'Ħaż-Żabbar ma jitkompliex?
Jekk iva, x'inhi r-raġuni?
Jekk le, jista' jara li x-xogħol fuq din it-triq jitlesta speċjalment għax ir-residenti milqutin mill-waqfien tax-xogħol bil-kemm jistgħu jidħlu fid-djar tagħhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol fit-triq Abate Rigord prattikament tlesta ħlief għall-bankina quddiem garage li s-sid tiegħu kien beda proċeduri legali biex il-livelli tat-triq jinbidlu.
Id-Dipartiment lesta d-disinn tal-culvert u l-bankina quddiem il-garage u x-xogħol mistenni jinbeda f`dawn il-ġranet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq Ġuże' Duca, u dak li huwa magħruf bħala Sqaq it-Tiġieġ, hux se jibqa' jgħaddi minnhom it-traffiku bil-mod li kien qiegħed jgħaddi kemm ilu jsir xogħol fuq Imdina Road, jew inkella hux se jerġa' jiġi kollox għan-normal malli jitlesta x-xogħol meħtieġ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-arranġamenti tat-traffic flow fl-area inkwestjoni huma temporanji.
Jista' l-Ministru jinfurmani bil-pożizzjoni li ħa l-Ministeru tiegħu fid-dawl tat-tilwima li teżisti bejn il-poplu Rabti u l-Kunsill Lokali tar-Rabt u l-Awtorita' tat-Trasport Pubbliku dwar il-kwestjoni tat-trasferiment tal-venda tar-Rabat mis-Saqqajja għal Triq Santa Rita r-Rabat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-kwestjoni tat-trasferiment tal-venda tar-Rabat baqgħet tkaxkar minkejja l-ftehim li ntlaħaq dwar dan is-suġġett, tant hu hekk li riċentament il-Kunsill talabni nintervjeni biex insib soluzzjoni.
Billi din il-kwistjoni twalet iżżejjed ser nara x'nista nagħmel ħalli din il-kwistjoni tinqata', ukoll jekk inhu ċar li l-iktar element li qed jirrenja hu dak tal-pika.
Jista' l-Ministru jara li din is-sena jsiru xogħlijiet meħtieġa sabiex it-Triq tal-Pwales fil-parti li żżomm l-ilma, tiġi rranġata ħalli la tkun ta' periklu għall-bdiewa u r-residenti tal-inħawi u lanqas tkun ta' inkonvenjent għat-turisti?
Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn mindu parti minn Triq il-Pwales ġiet asfaltata u l-culverts ta' l-ilma nfetħu ma jidhirx li kien qiegħed iżomm l-ilma.
Jista' l-Ministru jinkariga rappreżentanti tad-dipartiment tat-toroq sabiex jieħdu ħsieb jagħmlu rapport dwar l-istat tat-toroq Carmelo Ritchie u Carmelo Penza ġewwa r-raħal tax-Xgħajra sabiex wieħed jara jekk jistgħux jiġu asfaltati?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex isiru l-inspections u r-rapport mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba it-toroq Papa Alessandru u Triq il-Baħrija ġewwa Ħaż-Żabbar humiex sejrin jiġu asfaltati tul din is-sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-kuntratt biex tiġi asfaltata Triq Papa Alessandru ingħata u x-xogħol jibda dan ix-xahar.
Triq il-Baħrija hija diġa asfaltata u kwalunkwe xogħol ta' manutenzjoni fiha jsir mill-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jinkariga rappreżentanti tad-Dipartiment tat-Toroq sabiex jieħdu ħsieb jagħmlu rapport fuq l-istat tat-triq Dawret ix-Xatt tax-Xgħajra sabiex l-aħħar parti tagħha fejn hemm l-abitat issir asfaltat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għad-domanda parlamentari Nru. 22717 li ser ikopri l-bżonnijiet fuq din it-triq ukoll.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' tal-Posta għandhiex il-ħsieb li din is-sena tonora l-Ħamsin Anniversarju tal-Inkurunazzjoni tal-Madonna tal-Grazzja, simbolu Żabbari kif wkoll simbolu ta' devozzjoni nazzjonali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-programm filateliku mfassal minn Maltapost għal din is-sena, li tħejja bl-approvazzjoni ta' li Stamp Design Advisory Board, ma jinkludix ħarġa li tfakkar din l-okkażżjoni.
Ta' Sawra, Rabat — Temporary Reserved Parking Sign
Question
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi sabiex it-temporary reserved parking sign li hemm fejn id-dar tal-Anzjani ta' Sawra r-Rabat, terġa' ssir mill-ġdid ħalli l-anzjani jkollhom minn fejn jirkbu f'din it-triq hekk traffikuża fir-Rabat?
Jista' jara li ma jkunx hemm aktar dewmien sabiex jiġi rimedjat dan il-bżonn urġenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li r-reserved parking li kien hemm ħdejn l-entratura prinċipali tad-dar ta` l-anzjani Ta` Sawra kien jikkostitwixxi mhux biss ostakolu għall flow tat-traffiku iżda kien ukoll qed joħloq periklu f`din il-parti dejqa ta` Triq Ġorġ Borg Olivier.
Għaldaqstant, ma kienx possibli li r-reserved parking jibqa` fejn kien.
Ta' min isemmi wkoll li fuq deċiżjoni tal-Pulizija din il-parti ta` Triq Ġorg Borg Olivier ġiet iddikjarata Tow Zone.
Il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku huwa lest biex jagħti spazju alternattiv għall-użu tad-dar ta` l-anzjani fejn dan ma joħloq ebda periklu.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'diskussjonijiet u żviluppi saru mill-5 ta' Settembru 1998 'il hawn dwar it-talba tar-residenti ta' Triq Ġorġ Borġ Olivier ir-Rabat sabiex din issir one way?
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx xi diffikulta' sabiex l-arloġġ installat mill-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku f'Gavinu Gulija, Bormla jibda jaħdem?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li nhar il-Ħamis, 11 ta' Jannar 2001, saret laqgħa fuq il-post fejn hemm l-arloġġ installat bejn uffiċjal ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku u rappreżentanti tal-Kunsill Lokali. Ġie stabbilit li l-ħsara li hemm ser tiġi rranġata fl-iqsar żmien possibbli, u b'hekk l-arloġġ imsemmi jerġa jibda jaħdem.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġietx iffinalizzata il-pjanta tal-link road u/jew tunnel li se twaqqaf ix-xatt tal-Gżira u r-regional road u jekk iva, jista' jpoġġi l-pjanta fuq il-Mejda tal-Kamra ta' kif se ssir din it-triq u meta maħsub illi jibda jsir ix-xogħol strutturali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-pjan għall-proġett tal-Link Road kif approvata s'issa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u koperta bil-permessi neċessarji għall-bini tagħha hu kif murija fuq pjanta A.
Id-Dipartiment tat-Toroq qiegħed jaħdem fuq alternattiva oħra (pjanta B) li tikkonsisti f'bini ta' mina taħt l-art u li għaliha saret outline application ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Dan sabiex issir il-konsultazzjoni neċessarja biex ikun deċiż il-vijabilita' ta' din il-modifika.
Il-pjanti A u B qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22358 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru ta' l-Intern u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe’ jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm permess għal parking ta' karozzi mal-ġnub tat-triq Għargħur Rd, Naxxar fl-area ta' fejn qed isir proġett mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku kellu laqgħa mall-Kunsill Lokali tan-Naxxar biex jiddiskuti l-parking areas inkwestjoni.
Il-Bord qed jistenna s-sottomissjoni ta' pjanti riveduti mill-Kunsill qabel ma tiġi finaliżżata d-deċiżjoni fuq il-parking areas.