B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2895 jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istaff complement f'dan il-unit intlaħaqx u jekk le, meta se jintlaħaq? Id-dossier imsemmi jinkludi l-policy implementation li saret referenza għalih fil-mistoqsija parlamentari 2002 jew huwa separat? F'kull każ jista' jgħid kemm hemm nies jaħdmu fuq policy implementation u taħt liema uffiċċju jaqgħu? Kemm hemm nies jaħdmu speċifikament fuq id-dossier dwar il-bidla fil-klima u taħt liema uffiċċju jaqgħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-implimentazzjoni tal-politika dwar il-bidla fil-klima hija r-responsabilitá tal-Climate Change Division fl-Awtoritá Maltija tar-Riżorsi li preżentament għandha erbgħa min-nies jaħdmu speċifikament fuq dan. It-twettiq innifsu tal-miżuri dwar t-Tibdil fil-Klima hija responsabbilta’ mifruxa ma diversi entitajiet, kif hija wkoll spjegata fiż-żewg strateġiji approvati mill-Parlament dwar il-Mitigazzjoni u l-Adattazzjoni. L-istrutturi, ir-riżorsi u l-bidliet meħtieġa f’dan ir-rigward sejrin jiġu evalwati bħala parti mill-proċess li għandu jwassal biex tinħoloq l-awtorita tal-ambjent li ser tkun ukoll risponsabbli mir-riżorsi.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta nħarġu l-aħħar kaxxi ġodda li jintużaw fil-Pitkalija? Kemm kien l-ammont ta' kaxxi li nħarġu? Meta hu mistenni li joħorġu iktar kaxxi ġodda u kemm se jkun in-numru tagħhom? Kif se jiġi assigurat li l-bdiewa ma jkollhomx jistennew għal ħin twil biex jieħdu l-kaxxi li jkollhom bżonn għall-użu tagħhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fis-7 ta’ Lulju 2012 kienu nħarġu 19,000 kaxxa. Ninsab infurmat ukoll li għada kemm għalqet tender fejn qed jiġi stmat li ħa jinxtraw kważi 21,000 kaxxa. Sadanitant inxtraw numru ta’ kaxxi sabiex il-bdiewa ma jkollomx jistennew ħafna.
Bdiewa – rifużjoni tal-bolla tas-sigurtà nazzjonali
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' bdiewa li huma intitolati li jieħdu lura nofs il-ħlas tal-bolla tas-sigurtà nazzjonali? Meta l-aħħar li tħallsu dan l-ammont, u meta hu mistenni li jitħallsu dak li għadu dovut jekk hemm ħlasijiet dovuti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2799, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm persuni li ttieħdu passi fil-konfront tagħhom li jinqabdu jistadu fejn ma kienx permessibbli? Min liema lokalitajiet kienu dawk li inqabdu jistadu kif mhux permess? F'liema postijiet inqabdu jistadu dawk li ttieħdu passi kontrihom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li mill-1 ta’ Jannar sal-15 ta’ Ġunju ta’ din is-sena, ma’ kien hemm l-ebda każ irrapurtat.
Ħsara fuq siġar tal-bajtar ta' San Ġwann, tin u farkizzan
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm rapporti ta' ħsarat ġodda (u iżjed mis-soltu) lis-siġar tal-bajtar ta' San Ġwann, tin u farkizzan (u siġar oħra tal-istess familja) minħabba xi raġunijiet ġodda? Kemm kien hemm siġar li ġew rappurtati milquta minn dawn iċ-ċirkostanzi, f'liema lokalitajiet, u kemm f'kull każ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li din is-sena d-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti ma kellu l-ebda rapport ta’ każijiet kawża ta’ raġunijiet ġodda fuq siġar tal-bajtar ta' San Ġwann, tin u farkizzan u siġar oħra tal-istess familja. Ninsab infurmat ukoll li minn rapporti li kellna din is-sena, kien hemm ħames każijiet kollha relatati mas-susa tat-tin, b’total ta’ 33 siġra infettati, li sussegwentement id-Direttorat ta l-pariri meħtiega skont kull każ. Aktar dettalji jinsabu fit-Tabella mehmuża li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — kuntratti
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpaniji, li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, għandhomx kuntratti mal-Ministeru, inkluż entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jekk iva, jista' jgħid x'tip ta' kuntratti għandhom? Jista' jgħid meta daħal fis-seħħ dan il-kuntratt u sakemm se jibqa' fis-seħħ? Jista' jgħid kemm huwa l-valur ta' kull kuntratt?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li m’hemmx kuntratti fis-seħħ mal-kumpaniji li d-dettalji tagħhom ingħataw separatament.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — konsulenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-individwu li ismu qed jintbagħat separatament, mill-1999 sal-lum? Jista’ jgħid dwar xiex kien dan ix-xogħol, jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li mill-1999 sal-lum l-ebda xogħol ta’ konsulenza ma’ ngħata lill-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament.
Jista’ l-Ministru jgħid xi sforzi qed isiru ħalli l-laħam u bajd li ġej minn Sqallija jiġi rregolat ħalli l-konsumatur ikun żgurat prodott ta’ kwalità u konformi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-istess proċedura, dik stabbilita, għada qed tintuża mid-Direttorat tar-Regolament Veterinarju sabiex ikun żgurat prodott ta’ kwalità u konformi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima — Spejjeż fuq attrezzament
Question
Jista’ l-Ministru jagħti breakdown ta' kemm intefqu mill-fondi pubbliċi biex isir rinovar fil-Ministeru tiegħu minn Marzu 2013 ’l hawn? Jista’ fil-breakdown jinkludi l-uffiċċju tiegħu, kif ukoll tal-istaff tiegħu u konsulenti rispettivi? Jista’ fis-somma jinkludi l-ispejjeż fuq l-għamara kollha tal-uffiċċji, kompjuters u n-nefqa biex dawn jitwaħħlu mas-sistemi neċessarji kif ukoll l-ispiża fuq stationery? Jista’ għal kull item/servizz jgħid kif dan ġie mixtri/inġaġġat, jekk hux permezz ta’ direct order, quotations jew tender?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kif dħalt fil-parti ta’ fuq fil-binja tal-Ministeru, ma sibtx la għamara u lanqas ċertu neċessitajiet sabiex kemm jien kif ukoll is-Segretarjat inkunu nistgħu niffunzjonaw. Għalkemm sibna l-għajnuna kollha mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, peress li qabel il-ħatra tiegħi kienu jokkupaw il-binja l-entita` governattiva National Commission for Further and Higher Education, xorta kellha ssir nefqa kemm għall-għamara kif ukoll għal l-istationery u affarijiet oħra.
Tajjeb li jingħad li fil-każ tan-
network system
din kellha ssir ġdida peress li dik li kien hemm qabel tqaċċtet minn postha. Intant qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-infiq li kellu bżonn isir.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqatlu majjali lokali fil-biċċerija xahar xahar minn Jannar 2012 sa Mejju 2013?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub, miġbur f’Tabella ‘A’.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 248 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kienu n-nies li kkwalifikaw għall-ikel tal-Unjoni Ewropea sena b'sena mill-2005 sal-lum? Jista' jagħti l-lista, lokalità b'lokalità?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ma nżammet l-ebda rekord tal-benefiċjarji Maltin li bbenefikaw minn din l-iskema għas-sena 2005. Ninsab infurmat ukoll li ma nżammet l-ebda rekord tal-benefiċjarji Għawdxin li bbenefikaw minn din l-iskema bejn is-sena 2005 - 2009. Intant, skont l-informazzjoni li għaddewlna, qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub, miġbur f’tabella.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-management plans tas-sajd li qed jiġu diskussi mal-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid meta hu previst li dawn jiġu konklużi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-management plans tas-sajd ġew sottomessi lill-Unjoni Ewropea f'Marzu 2013. Dawn għandhom jiġu riveduti mis-Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries (STECF) tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-reviżjoni li jmiss tal-management plans mill-STECF huwa ppjanat għal nofs Lulju 2013. Ninsab infurmat ukoll illi wara din ir-reviżjoni Malta għanda jkollha tweġiba jekk dawn il-management plans tas-sajd ġewx aċċettati.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-inċineratur tal-Marsa huwa previst li jieqaf għall-manutenzjoni normali tiegħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-waqfa li jmiss għall-manutenzjoni fuq l-inċineratur tal-Marsa hi skedata għal bejn l-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju u l-ewwel ġimgħa ta’ Lulju.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskema għall-vaċċin tal-majjal daħlitx fis-seħħ? Jekk le, għaliex ? Jekk iva, kemm ġew ivvutati flus għaliha din is-sena?
Response (BRINCAT, LEO)
Naħseb li l-Onor. Interpellant jaf, għax kien il-persuna responsabbli mis-settur, li l-ftehim dwar skema volontarja ta' tilqim tal-majjal kien iffirmat fid-29 ta' Jannar 2013 mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, is-Sur Chris Ciantar, u l-President tal-Koperattiva ta' Min Irabbi l-Majjal (K.I.M.).
Din l-iskema volontarja ta' tilqim suppost li kellha titħaddem fuq perjodu ta' bejn 14 u 16 il-xhar, bi spiża ta' 300,000 Ewro, li kellhom jitħallsu lill-KIM kif jidher hawn taħt:
(a) pagament immedjat (mal-iffirmar) ta' 175,000 Ewro; u
(b) il-kumplament f'pagamenti maqsuma ta' 75,000 Ewro wara' 5 xhur u 50,000 Ewro fl-aħħar tal-program ta’ tilqim.
Min dawn il-pagamenti ta’ min jinnota li 3 ijiem qabel l-Elezzjoni Ġenerali, fil-5 ta' Marzu 2013, tħallsu biss 40,000 Ewro.
L-Onor. Interpellant imissu jaf ukoll li ma ġewx ivvutati l-ebda flus mill-amministrazzjoni preċedenti fl-Estimi Finanzjarji għas-sena 2013 għal din l-iskema. Ma kienx hemm l-ebda line item ta' 300,000 Ewro fl-Estimi 2013.
Tajjeb li jingħad li l-40,000 Ewro li tħallsu fil-5 ta' Marzu 2013, tħallsu mill-fond tal-SMPPMA (Special Market Policy Programme for Maltese Agriculture) u dan meta mhux suppost, għaliex il-flus fl-SMPPMA kienu għal għajnuniet f-setturi oħra u dak għas-settur tal-majjal kien spiċċa fl-2010.
Tajjeb li jingħad ukoll li f'minuta ta' l-1 ta' Marzu 2013 fil-file relevanti, id-Direttur Ġenerali responsabbli mill-Finanzi fl-MRRA kitbet lid-Direttur tal-Biedja u infurmatu li "as you are aware there are no funds within the Agriculture Department to meet this expense”.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-viżjoni tiegħu fuq l-inizjattiva 'Midd Idejk fil-Biedja'? Il-plots li tqassmu fl-Għammieri se jinżammu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-proġett ‘Midd Idejk fil-Biedja’ ser jitkompla u l-promoturi ta’ dan il-proġett ġew mitluba jidentifikaw siti adekwati għal dan il-għan filwaqt li jinvolvu s-settur privat u Kunsilli Lokali f’dan il-proġett. Ninsab infurmat ukoll li l-plots ta’ prova se jinżammu fl-Għammieri sakemm jinstabu siti oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-inizjattiva 'Midd Idejk fil-Biedja' tiġi estiża għal bnadi oħra? Jekk iva, meta? Se jkun hemm sejħa pubblika kif jitqassmu l-postijiet?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-inizjattiva 'Midd Idejk fil-Biedja' tista’ tiġi estiża ġaladarba jinstabu siti oħrajn. Ninsab infurmat ukoll li dment li jkun hemm persuni li juru x-xewqa li jaħdmu biċċa art, dawn jingħataw fuq bażi ta’ ‘first come first served’.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet saru fuq il-mollijiet u l-iskalli li jinsabu fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Kemm minn dawn ix-xogħlijiet saru mid-dipartiment responsabbli, kemm minnhom saru minn ħaddieħor, iżda tħallsu mid-dipartiment, u kemm minnhom għalkemm la saru u lanqas tħallsu mid-dipartiment, fil-fatt ġew approvati biex ikunu jistgħu jsiru u jitħallsu minn postijiet oħra? Kemm ġew jiswew ix-xogħlijiet konċernati?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ġew installati żewġ pillars għas-servizzi ta’ dawl u ilma fuq il-breakwater tal-Veċċa, fuq inizjattiva privata, liema servizzi huma wkoll aċċessibli għas-sajjieda tal-lokal. Ninsab infurmat ukoll li għad trid isir verifika tax-xogħlijiet li saru u tal-ispiża finali.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux qed jintalbu xi ċertifikati fitosanitarji partikulari meta jidħlu pjanti jew siġar fis-suq lokali, kemm jekk dawn il-pjanti jkunu ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll jekk ikunu ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 1714. Ninsab infurmat ukoll li ċ-ċertifikati li titlob Malta huma fl-istess livell bħal dawk li titlob l-Unjoni Ewropea u għalhekk m’ hemm l-ebda talba speċifika għal pajjiżna biss. Is-siġar u pjanti li jiġu minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u li huma rregolati taħt il-liġijiet relattivi, għandhom ikunu akkompanjati mill-passaporti tal-pjanti flok ċertifikati fitosanitarji.