Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tad-Djar — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward inżul ta' ilma fis-soqfa tal-komun?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, dwar il-każ imsemmi, l-Awtorità tad-Djar bħalissa tinsab għaddejja b’xogħol ta’ tiswija u rranġar f’dan l-istess blokk fejn għandhom jittranġaw ukoll katusi maqsuma skont il-bżonn.

Households li jgħixu fi proprjetà tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm households li jgħixu fi proprjetà tal-Awtorita tad-Djar jew tal-Gvern?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Famlija u Solidarjetà Soċjali – servizz ta’ interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jew id-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu jużawx is-servizzi tal-interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ f’attivitajiet li jsiru? Jista’ jgħid kemm-il darba ntużaw dawn is-servizzi tal-interpreti f’attivitajiet organizzati mill-Ministeru jew mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu fis-snin 2013 u 2014 rispettivament? Jista’ jgħid x’kienu dawn l-attivitajiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu indikat kien hemm ftehim ta’ servizz mal-Assoċjazzjoni tal-Persuni Neqsin mis-Smiegħ u allura m’hemmx informazzjoni miġbura. Però fil-preżent is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva fi ħdan dan il-Ministeru għandu kuntratti individwali ta’ servizz ma’ numru ta’ interpreti li permezz tiegħu l-interpreti nfushom jistgħu jieħdu l- bookings direttament huma. Dan biex nagħtu servizz lill-persuni neqsin mis-smiegħ anke f’attivitajiet extra kurrikulari. Tali servizzi jingħataw meta jkun meħtieġ. Dalwaqt se toħrog sejħa għall-applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta’ interpreti mal-Aġenzija Sapport.

Awtorità tad-Djar – skemi għall-first time buyers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma d-diversi skemi li jeżistu fl-Awtorità tad-Djar għall-first time buyers?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-first time buyers jistgħu jibbenefikaw mill-iskema ’Għotja biex Tgħin lis-Sidien fil-Bini, Irranġar u /jew Tkomplija tal-Ewwel Residenza Tagħhom’. Din l-għotja hija ntiża sabiex tikkompensa parti mill-ispiża tal-kostruzzjoni jew fuq xogħol ta’ tlestija jew irranġar fl-ewwel dar ta’ abitazzjoni. Barra minn hekk, first time buyers li jkunu għadhom kemm xtraw proprjetà li tkun ilha li nbniet aktar minn ħmistax-il sena jistgħu wkoll jibbenefikaw minn għotja biex jagħmlu xogħlijet ta’ irranġar u titjib li jista’ jkollha bżonn il-proprjetà taħt ’Skema għal Sussidju fuq Xogħlijiet ta' Rranġar u Titjib f'Residenzi Okkupati minn Sidien jew Inkwilini’.

Awtorità tad-Djar – bini ta’ proprjetajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Awtorità tad-Djar tibni aktar proprjetajiet? Jekk iva, jista’ jgħid fejn se jkun qed jibni dawn il-proprjetajiet u meta se jkun qed joħroġ l-avviżi legali ta’ bejgħ ta’ proprjetà?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħalissa għaddej studju fejn l-Awtorità tad-Djar qed tikkunsidra l-possibiltà li tibni aktar proprjetà jew alternattivi oħra.

Awtorità tad-Djar – Każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward każ ta’ spezzjoni mill-Awtorità tad-Djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-applikazzjoni għall-irranġar u titjib ġiet sottomessa lill-Awtorità tad-Djar fit-30 ta’ Marzu 2015. Il-każ ġie riferut għal spezzjoni u fil-fatt din saret minn tekniku nhar il-Ħamis 7 ta’ Mejju, fejn ġie ċċertifikat li hemm xi strutturi li għandhom jiġu nvestigati minn Perit tal-Awtorità. L-applikant ġie mitlub ukoll sabiex jirregolarizza ruħu fil-kera u dan peress li għandu l-kirja tal-fond tiegħu b’lura, liema kirja hija tal-Gvern.

Djar għall-Anzjani – qtugħ ta’ pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani li preżentament huma residenti fid-Djar għall-Anzjani u li mill-pensjoni tagħhom qed tinqatgħalhom 60%?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' anzjani li preżentament huma residenti fid-Djar għall-Anzjani u li mill-pensjoni tagħhom qed jinqatgħalhom 60% jammonta għal 1,502 f'Malta u 9 f'Għawdex, b’total ta' 1,511.

Kunsill dwar il-Lingwa tas-Sinjali – abbozz ta’ liġi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li d-dokument fuq forma ta’ abbozz ta’ liġi li kien tħejja xhur ilu mill-Professur, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fuq talba li saret lilu mis-Segretarju Parlamentari li dak iż-żmien kien responsabbli minn dan is-settur, l-Onor. Mercieca, relatat mat-twaqqif tal-Kunsill dwar il-Lingwa Maltija tas-Sinjali ftit li xejn hemm referenza għall-kontenut tiegħu fl-abbozz ta’ liġi nru 88 li tressaq f’Marzu 2015 mill-Onor. Caruana?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jirriżultalix li l-professur imsemmi kien delegat jew imqabbad mis-Segretarjat Parlamentari preċedenti l-Onor. Franco Mercieca biex jagħmel xi rapport fuq il-materja. L-Abbozz ta’ Liġi Numru 88 li tressaq f’Marzu 2015 jinkludi l-opinjonijiet ta’ diversi stakeholders, fosthom tal-Assoċjazzjoni għall-persuni neqsin mis-smiegħ.

Interpreti – servizz ta’ interpreti għal persuni nieqsa mis-smiegħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Persuni b’Diżabilità, kienx wiegħed lill-erba’ interpreti li kienu jagħtu servizz lill-persuni nieqsa mis-smiegħ li kienu se jingħataw impjieg permanenti mal-Aġenzija Sapport?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Segretarjat ta kuntratt ta’ servizzi lill-erba’ interpreti sabiex jagħtu servizzi lill-persuni neqsin mis-smiegħ wara li l-ftehim ta’ servizz li kien hemm fis-seħħ mal-Assoċjazzjoni għall-Persuni Neqsin mis-Smiegħ ġie tterminat mill-istess Assoċjazzjoni. Tnejn mill-erba’ interpreti ingaġġati rrizenjaw wara li sabu mpjieg ieħor ma’ Ministeru ieħor bħala Speech Therapists. Kif diġà ġie ddikjarat pubblikament, mistennija toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet mill-Aġenzija SAPPORT għall-ingaġġ ta’ interpreti.

Djar għall-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul l-aħħar xhur il-Gvern ikkunsidrax li xi djar għall-anzjani li huma mmexxija mill-istess Gvern jgħaddu għand il-privat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qiegħed iżomm l-għażliet kollha miftuħa f’dan is-settur.

Awtorità tad-Djar — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward xogħlijiet fuq it-tromba tal-bejt?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fi Frar li għadda, diġà saru xogħlijiet ta’ tiswija fil-blokk imsemmi, min-naħa tal-kuntrattur ingaġġat mill-Awtorità tad-Djar. Għaldaqstant se terġa ssir spezzjoni oħra sabiex jiġi vverifikat dan l-ilment.

Il-Furjana – stallazzjoni ta’ lift fi blokok ta’ flats

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux lest li jagħmel sforz materjali biex jindirizza l-problema ta’ ħafna anzjani li jgħixu fil-Furjana li minħabba nuqqas ta’ lift fil-blokk tagħhom ma jistgħux igawdu l-ħajja fil-komunità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Awtorità tad-Djar għandha skema li tistalla lifts ġewwa blokki t’appartamenti tal-Gvern fejn dan huwa fiżikament possibbli. Sabiex jikkwalifikaw taħt din l-iskema tal-anqas wieħed mill-applikanti jew familjari tiegħu li joqgħod fil-blokk għandu jkollu diżabilità relatata ma’ mobiltà jew problemi ta’ mobiltà kif ukoll tal-anqas wieħed mill-applikanti jrid ikun inkwilin rikonoxxut mill-Gvern. Il-blokk irid ikun ta’ tlett sulari jew aktar mil-livell tat-triq waqt li trid tinħatar ukoll Assoċjazzjoni tar-Residenti bl-obbligu li taħtar rappreżentant li jieħu ħsieb li ssir il-manutenzjoni, tiswijiet u ħlasijiet tal-lift f’każ li dan jiġi nstallat. Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant iħeġġeġ lil dawn l-anzjani li jgħixu fi proprjetà tal-Gvern sabiex japplikaw taħt din l-iskema.

Faċilitajiet għall-anzjani — pjanijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet għal din is-sena biex isir investiment f’faċilitajiet għall-anzjani fil-lokalità inkluż djar tal-anzjani, day care centres jew night shelters?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità se jagħmel manutenzjoni, ristrutturar u tisbieħ u wkoll xiri ta’ apparat fid-Djar tal-Anzjani tal-Gvern biex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Anzjani. Fil-futur qarib se jinfetaħ Night Shelter ġewwa Għajnsielem. Ħemm ukoll pjanijiet oħra li jirrigwardjaw Learning Hubs fil-Komunità.

Awtorità tad-Djar – investiment fuq stallazzjoni ta’ lifts fil-Furjana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fl-2013 u fl-2014 kemm nefqet l-Awtorità tad-Djar f’investiment f’lifts fil-Furjana?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, waqt li fl-2014 ma kienx hemm installazzjonijiet ġodda ta’ liftijiet, fl-2013, l-Awtorità tad-Djar installat tliet liftijiet fi blokki fil-Furjana li s’issa fuqhom ġiet imħallsa s-somma ta’ €81,405.

Il-Furjana – persuni li jieħdu benefiċċji soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jieħdu xi forma jew oħra ta’ benefiċċju soċjali fil-Furjana u jaqsam l-informazzjoni skont it-tip ta’ benefiċċju?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar — struttura - każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward każ ta' struttura min-naħa tal-Awtorità tad-Djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, dwar il-każ imsemmi, għandha ssir spezzjoni minn uffiċjali tekniċi tal-Awtorità tad-Djar.

Awtorità tad-Djar — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu lid-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward fili miftuħin fil-faċċata?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport dwar il-każ imsemmi sar fis-7 t’April 2015. Il-każ jitratta dwar fili miftuħin fil-faċċata ta’ maisonette. Minħabba li bħalissa qed tingħata prijorità lill-każijiet fejn hemm bżonn tiswijiet fl-istruttura tal-bini, drenaġġ u elettriku, dwar trattament tal-faċċati tal-blokki li mhumiex meqjusa ta’ periklu jew urġenza għandu jitfassal programm għalihom aktar ‘il quddiem.

Pensjoni – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward pensjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ tal-individwu imsemmi qiegħed jiġi pproċessat.

Awtorità tad-Djar — Każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ tal-Awtorità tad-Djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, dwar il-każ imsemmi, diġà saret spezzjoni, u qed jingħata l-attenzjoni kollha meħtieġa.

Residenza San Vinċenz de Paul – attività għall-management

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’attività ġiet organizzata għall-management li jmexxi r-Residenza San Vinċenz de Paul fil-5 ta’ Mejju 2015, liema attività fissret li kważi l-management kollu ma kienx preżenti fir-Residenza peress li din l-attività saret barra l-bini tal-istess residenza?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz qiegħda torganizza diversi attivitajiet ta’ team building għall-ħaddiema kollha ta’ San Vinċenz u din l-attività kienet intiża għall-management. L-amministrazzjoni temmen li dawn it-tip t’attivitajiet huma ta’ benefiċċju għall-ħaddiema u jgħinu biex isaħħu x-xogħol li jsir minnhom.