Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #8860 Sitting 149 1999-10-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biedja — Protokoll ta' koperazzjoni

Question

B'riferenza għall-protokoll ta' koperazzjoni bejn il-Ministeru tal-Biedja u Sajd u l-istitut agronomiku ta' Bari ffirmat taħt l-amministrazzjoni preċedenti, jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi li saru u ċioe' meta se jiġi mġedded dan il-protokoll? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-ftehim ta' koperazzjoni?

Response (ZAMMIT, NINU)

Fis-6 t'Ottubru 1998, ġie iffirmat protokoll ta' koperazzjoni ġdid bejn bejn il-Ministru tal-Agrikoltura u Sajd u l-Istitut Agronomiku tal-Mediterran tal-ICAMAS f'Bari. Qed impoġġi kopja ta' dan il-protokoll fuq il-mejda tal-kamra.

Ministeru tal-Biedja u Sajd — Xogħol nutarili

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn, x'kien ix-xogħol nutarili li sar mill-ministeru u mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' l-Ministru jgħid ukoll f'kull okkażjoni min kien in-nutar li għamel ix-xogħol u xi ħlas sar għalih lill-istess nutar?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-Ministeru u d-Dipartimenti li jaqgħu taħtu dejjem użaw s-servizzi tan-Nutar tal-Gvern. F'April 1999 id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura għamel kuntratt tat-Tonn. In-Nutar tal-Gvern kien Dott. F Pellegrini. Il-ħlas ta' Lm104.60 sar lid-Dipartiment tan-Nutar tal-Gvern. Id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura juża l-istess Nutar tal-Gvern fuq kuntratti konnessi ma l-għajnuna finanzjarja għall bdiewa u sajjieda. F'dan il-perjodu kien hemm pagament ta' Lm1 li tħallset lid-Dipartiment tan-Nutar tal-Gvern.
Leg 9 PQ #8855 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Bdiewa — Tiswija ta' ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa li bbenefikaw minn xogħol ta' tiswijiet ta' ħitan tas-sejjieħ li jagħmel id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura sabiex il-bdiewa jtaffu l-ispejjeż li għandhom? Kemm-il metru ta' xogħol bħal dan sar bejn Jannar u Ġunju?

Response (ZAMMIT, NINU)

Minn Jannar sa Ġunju 1999 ma sar l-ebda xogħol ta' ħitan tas-sejjieħ għand il-bdiewa peress li l-ħaddiema kienu okkupati fuq xogħol simili tad-dipartiment stess.
Leg 9 PQ #8856 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Bdiewa — Prodotti

Question

Jista' l-Ministru jinformani x'kienu l-prezzijiet medji li daħħlu l-bdiewa prodott bi prodott għax-xhur ta' Ġunju 1998 u Ġunju 1999? X'kien id-dħul finanzjarju u l-piż ta' dawn il-prodotti għall-istess xhur?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra. Inżid ngħid li l-prezz medju tal-prodott kollu mdaħħal f'Ġunju 1999 (14.25c/Kg) kien ftit ogħola mill-istess prezz għas-sena 1998 (14.04c/Kg).
Leg 9 PQ #9993 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ministeru ta' l-Agrikoltura — Ħaddiema impressed

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk immarkati bil-highlighter fid-dokument li qed nibgħat under separate cover bl-ismijiet ta' persuna A indikata separatament u persuna B indikata separatament verament humiex il-persuni li jkunu impressed? Jaf il-Ministru li l-persuna l-oħra indikata separatament persuna C li qed jiffirma fis-7.00 a.m. ma jiffirmax meta jispiċċa u ma jagħlaqhiex?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jiena nfurmat li d-Direttur ta' l-Agrikoltura huwa sodisfatt li l-persuni ndikati dejjem ipprovdew is-servizzi rikjesti minnhom. Madanakollu, l-allegazzjonijiet ta' l-Onor. Interpellant qed jiġu mistħarġa.
Leg 9 PQ #8568 Sitting 147 1999-09-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Kalendarju Agrituristiku

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8089 kif jispjega li neħħa l-grad ta' direttur ta' l-urban and rural landscaping li taħtu jaqa' x-xogħol u l-programm tal-kalendarju agrituristiku u issa qed jgħid li ħarġu l-applikazzjonijiet għall-post ta' uffiċjal għoli?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ma għandi xejn x'inżid mar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7077.
Leg 9 PQ #8565 Sitting 146 1999-09-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Hut — Hut esportat

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 8091?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-valuri fi flus ta' ħut esportat bejn Jannar u Mejju għal kull sena 1997, 1998 1999 huma: Jan-May 1997 Lm155,803 1998 Lm136,658 Din is-sena sa l'aħħar ta' Gunju ġie esportat b'kemm jiswew Lm162,074 ħut.
Leg 9 PQ #8557 Sitting 145 1999-09-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Esportazzjoni ta' patata

Question

Peress li jirriżulta li bejn is-7 u s-26 ta' Mejju l-prezz tal-patata kien 4.99 Guilder kull 2 kilos, jista' l-Ministru jinfurmana kemm kien l-overprice fuq l-ewwel 3,000 Alpha? Jikkonferma l-Ministru li l-ewwel 3,000 tunnellata bikrija għandhom prezz minimu garantit ta' 30.60 Guilder? Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz garantit fuq l-ewwel 3,000 tal-kuntratt preċedenti?

Response (ZAMMIT, NINU)

Minn din il-mistoqsija jidher ċar li l-Onor. Interpellant għadu ma fiehmx kif isir in-negozju tal-patata. Wieħed ma jistagħx jikwota prezz tal-patata bl-imnut għand tal-ħanut jew bejjiegħ fit-triq tad-'delicatessen'. Il-parti l-kbira tal-patata ta' Malta tinbiegħ mis-supermarkets tad-ditta Albert Heijn fl-Olanda. L-overprice jiġi kkalkulat fl-aħħar tal-istaġun wara li tinbiegħ il-patata kollha. Dan ifisser li minnkejja li jista' jkun hemm overprice fuq il-patata bikrija dan jittiekel minn dik imwaħħra, u dan iżjed w iżjed meta wieħed ifakkar li l-kuntratt li kien għamel l-Onor. Interpellant dwar l-esportazzjoni tal-patata Alpha jistipula l-prezz ta' ftit anqas minn żewġ terzi ta' guilder wieħed għal kull kilo fuq l-aħħar lott mibjugħ. Għaldaqstant kien għaqli li l-kuntratt tas-Sante' jinżamm separat minn dak ta' l-Alpha.
Leg 9 PQ #8558 Sitting 145 1999-09-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

MAC — Fingerlings

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni tal-ħut fingerlings minn Jannar sa Ġunju ta' din is-sena fl-MAC?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-MAC mhuwiex parti minn dan id-Dipartiment. L-NAC din is-sena għamel ċiklu wieħed ta' produzzjoni bi produzzjoni ta'90,000 fingerling li nbiegħu. Barra minn hekk ipproduċa 16,000 fingerling ieħor sabiex issir riċerka fuqhom ta' ikel ġdid għaliex bħalissa ir-riċerka hija l-għan prinċipali taċ-ċentru.
Leg 9 PQ #8559 Sitting 145 1999-09-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Esportazzjoni ta' patata

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ispejjeż tat-trasport fuq l-ewwel 471 tunnellata ta' patata esportata din is-sena? Kemm kienu l-ispejjeż fuq l-ewwel 471 tunnellata ta' patata fl-istaġun tas-sena l-oħra u tas-sena 1997?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #8541 Sitting 144 1999-07-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Serer speċjalizzati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru bejn Jannar u Ġunju fuq il-proġett tas-serer speċjalizzati? Kemm kienet in-nefqa nvoluta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Bejn Jannar u Ġunju tkompla x-xogħol fuq is-serra tal-ħġieġ biex din tkun tista' tiġi użata kif fil-fatt hi. Nxtraw il-ħtiġijiet sabiex dan ix-xogħol ikun jista' jsir. Intant sar xogħol ieħor sabiex jinġieb l-apparat għas-serer il-ġodda u jibda x-xogħol tal-fondazzjoni. Bejn Jannar u Ġunju saru pagamenti li jammontaw għal Lm2,500.
Leg 9 PQ #8542 Sitting 144 1999-07-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Esportazzjoni ta' ħxejjex

Question

Jista' l-Ministru jinformana għaliex mill-5 ta' Settembru 'l hawn qatt ma laqqa' lill-bdiewa li kienu bdew jesportaw il-ħxejjex lejn l-Ingilterra? Jista' l-Ministru jinformana jekk id-dipartiment żammx kuntatt mal-kumpannija preċedenti u jew żviluppax arranġamenti ġodda ma' kumpannija oħra?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ma għandi xejn x'inżid mat-tweġiba għal-mistoqsija parlamentari numru 7953 fejn għidt hekk: 1. L-ewwel ħaġa ma kien hemm ebda kuntratt bil-miktub mal-importatur fl-Ingilterra. It-tieni ħaġa ġie kkritikat il-fatt li biex jiġi moħbi l-fjask ta' dan l-attentat ittieħdu l-flus mill fond ta' l-esportazzjoni tal-patata. It-tielet ħaġa ma kien hemm ebda talba minn naħa tal-bdiewa sabiex niltaqa' magħhom. 2. Jidher ċar li l-bdiewa ma huma bl-ebda mod interessati li jerġa' jkollhom dik id-disfatta li kellhom, meta ġew imbuttati f'dik l-avventura li kellhom jagħmlu tajjeb għalija minn buthom. 3. Ma nistax nifhem kif l-Onor. Interpellant jibqa jipprova jiġbor ġieħu tad-disfatta kbira li kien għamel billi joqgħod jagħmel ħafna domandi u stqarrijiet fejn jinsa jsemmi illi: - Kellu jieħu Lm13,500 minn flus il-bdiewa li kabbru l-patata biex taffa naqra minn dan il-fjask - Kellu jieħu Ln8,000 minn flus li suppost tħallsu bħala kumpens għal ħsara li saret bil-maltemp. 4. Dan minbarra n-nuqqas ta' organizzazzjoni li wasslet għal din id-disfatta, fosthom illi l-ħaxix twassal fl-Ingilterra fi stat ħazin u bi presentazzjoni agħar. Biż-żejjed infakkru li kienu ntużaw kaxex bil-logo ta' l-Air Malta.
Leg 9 PQ #8543 Sitting 144 1999-07-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Hands on farming — Annimali/tjur

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm żdiedu l-annimali għall-programm "Hands on Farming"? X'tip ta' annimali u tjur żdiedu? Kemm inxtraw annimali u tjur u kemm ingħataw b'donazzjoni? Kemm kien in-numru ta' tfal li attendew għal dan il-programm bejn Jannar u Ġunju ta' din is-sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

Bejn Jannar u Ġunju ta' din is-sena żdiedu dawn l-annimali ġewwa l-farm tal-Gvern, fl-Għammieri: - Tiġieġ tar-razza 'Maltese Black' li nxtraw minn sors lokali. - Felu u mor tal-ħmara u 'Shetland pony' rispettivament li twieldu l-Għammieri. - Ferħ taċ-ċerva li twieled l-Għammieri. Iċ-ċriev m'humiex tal-Gvern iżda qed jinżammu għall-wiri. - Għotija ta' 19 -il fenek mingħand Andrews Feeds. - Xiri ta' 62 fniek għar-razza minn sorsi lokali. - Id-Dipartiment qed ukoll iżomm ammont ta' għasafar eżotiċi ġewwa guva għall-wiri - 16 'parrotlike', 24 'finches', 11 'doves', 2'softbills'. In-numru ta' tfal li attendew il-programm bejn Jannar u Ġunju 1999 kien ta' 2,425.
Leg 9 PQ #8544 Sitting 144 1999-07-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura u Sajd — Safar/hospitality - Infiq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fuq hospitality mill-5 ta' Settembru ' l hawn fil-Ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Kemm intnefqu flus fis-safar matul l-istess perjodu u kemm minnhom kienu fuq safar fejn kien preżenti l-Ministru?

Response (ZAMMIT, NINU)

Fil-perjodu msemmi ta' 10 xhur tħallset is-somma ta' Lm9,819.70 fuq hospitality. Din kienet tinkludi kontijiet ta' attivitajiet li saru fil ftit ġimgħat ta' qabel l-elezzjoni għall-ammont ta' Lm2,560.55 jiġifieri 26% ta' l-ispiża totali. Rigward safar, matul l-istess perjodu, is-somma kienet ta' Lm17,146 u li Lm4,823 minnhom intnefqu fuq delegazzjonijiet immexxija mill-Ministru.
Leg 9 PQ #8545 Sitting 144 1999-07-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura u Sajd — Karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' karozzi mikrija fil-Ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-5 ta' Settembru 'l hawn?

Response (ZAMMIT, NINU)

Mill-5 ta' Settembru 1998 sad-9 ta' Lulju 1999, il-Ministeru u d-dipartimenti tiegħu uża fuq bażi regolari 18 -il Karozza tal-kiri.
Leg 9 PQ #8471 Sitting 143 1999-07-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Majjal — Qatla

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-qatla tal-majjal fl-irjus f'Mejju u Ġunju ta' din is-sena? Kemm kien il-piż fl-istess perjodu tal-majjal fil-Biċċerija? X'kienet l-istess informazzjoni għall-istess perjodu fis-snin 1998, 1997 u 1996?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #8525 Sitting 143 1999-07-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Beef Intervention Scheme — Bejgħ ta' laħam

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8092 jista' l-Ministru jinformani kemm kienet il-qatla fl-istess perjodu ta' din is-sena u kemm kienet ukoll il-qatla għall-istess perjodu tas-sena 1998?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-qatla taċ-ċanga bejn Jannar u Mejju tas-snin 1998 - 1999 hija skond it-tabella hawn taħt: No. of Heads Weight Kgs 1998 Jan-May 2,330 615,610 1998 Jan-May 2,499 670,467
Leg 9 PQ #8526 Sitting 143 1999-07-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Beef Intervention Scheme — Bejgħ ta' laħam

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8092, jikkonferma l-Ministru li kien hemm tnaqqis ta' 59% fil-piż u tnaqqis ta' 62% fil-valur ta' flus, skond il-figuri tat-tweġiba?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun ċar bejn liema perjodu qed jipprova jagħmel paragun. Iċ-ċifri huma fir-risposta u kull ma jrid jagħmel jaqbad calculator u jużaħ sewwa.
Leg 9 PQ #8538 Sitting 143 1999-07-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

CHEAM — Proposti/laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru proposti u laqgħat bejn iċ-CHEAM u l-Ministeru u/jew id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura? Meta saru u x'qasam kienu jittrattaw? X'riżultati nkisbu u x'kontinwazzjoni qed issir?

Response (ZAMMIT, NINU)

Saru diversi proposti u laqgħat bejn il-Ministeru, d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u ċ-CIHEAM b'mod partikolari mad-diriġenti tal-Istitut Agronomiku tal-Mediterran ta' Bari. L-oqsma li ġew trattati jinkludu: għajnuna teknika fil-qasam tal-Ħarsien mill-mard tal-pjanti, għajnuna għall-iżvilupp tal-laboratorji ta' l-Agrikoltura; għajnuna fil-qasam tal-ilma u l-irrigazzjoni u għajnuna fil-qasam tal-ortikoltura. Iċ-CIHEAM offriet għajnuna lid-Dipartiment sabiex jiġu ppreparati proġetti għal finanzjament mill-Italja jew mill-Unjoni Ewropea.
Leg 9 PQ #8539 Sitting 143 1999-07-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Wied il-Qlejja — Proposti/laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru proposti u laqgħat bejn Bari u l-Ministeru u/jew id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura dwar iż-żewġ proġetti preċedenti, cioe' dak ta' Wied il-Qlejja u s-serer speċjalizzati f'Tal-Kmand mill-5 ta' Settembru 'l hawn? Meta saru? Fejn saru u min kien preżenti f'dawn il-laqgħat min-naħa Maltija u Taljana rispettivament?

Response (ZAMMIT, NINU)

Saru numru konsiderevoli ta' laqgħat u proposti bejn l-Istitut Agronomiku tal-Mediterran taċ-CIHEAM ta' Bari w uffiċjali tal-Ministeru u tad-Dipartiment tal-Agrikoltura dwar il-proġetti msemmija mill-5 ta' Settembru 'l hawn. Dawn saru kemm f' Malta kif ukoll f' Bari u f' Ruma. Mhux il-kas li noqgħod ngħid id-dati. Preżenti kien hemm diversi uffiċjali tal-Ministeru u tad- Dipartiment tal-Agrikoltura li huma nvoluti fit-twettieq ta' dawn il-proġetti u diversi uffiċjali tal-istess Istitut. Mhux il-kas li noqgħod nsemmi ismijiet.