Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pajjiżi mhux membri tal-UE — Xiri ta' laħam taċ-ċanga

Question

Jista' il-Ministru jispjega jekk Malta talbietx l-Unjoni Ewropea xi konċessjoni partikolari dwar żieda ta' quotas ta' xiri ta' ċanga minn pajjiżi mhux membri ta' l-Unjoni Ewropea matul dawn l-aħħar ftit ġimgħat? X'kien l-eżitu u x'se jfisser f'termini prattiċi għall-konsumatur Malti u l-bejjiegħ tal-laħam?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ewwel kwota li ingħatat mill-Unjoni Ewropea, kienet ta' 3.6% ta' dak l-ammont ta' ċanga li tkun ġejja minn pajjiżi mhux membri ta' l-Unjoni Ewropea li l-importaturi Maltin u Ewropej applikaw għalih. Wara diversi laqgħat relatati maċ-ċanga, u b'intervent tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, din il-figura telgħet għal 14.9%. F'termini prattiċi dan ifisser li l-konsumatur ħa jibbenefika minn prezzijiet aħjar.

Stray Cats

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-policy in ġenerali tal-gvern fir-rigward tal-qtates stray meta dawn ikunu qed jingħataw l-attenzjoni u l-kura kollha meħtieġa minn individwi jew assoċjazzjonijiet volontarji?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fil-preżent m'hemm l-ebda liġi li tagħmel differenza bejn 'stray cats' u 'owned stray cats', u l-anqas m'hemm xi policy speċjali. Fil-mument l-Animal Welfare Council qiegħed jipprepara Policy Document dwar il-kontroll ta’ l-istrays jew owned stray animals. Għar-rigward ta l-‘Owned Stray Animals' hija r-risponsabbilta ta’ dawk li jieħdu ħsiebhom li jwettqu dak kollu neċessarju biex dawn l-annimali jkunu mħarsa u ma jkunux ta’ inkonvenjent għall-pubbliku jew għal annimali oħrajn.

Environmental Landscapes Consortium — Ġonna ta' San Anton

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-environmental landscapes consortium kellux l-awtorita' neċessarja sabiex jiddeċiedi li għandhom jitneħħew il-qtates li kienu jgħixu fil-ġonna pubbliċi ta' San Anton? Jekk fl-affermattiv, minn fejn ħarġet din is-setgħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li sfortunatament l-Environmental Landscapes Consortium (ELC) ma talabx awtorita' sabiex jieħu f'idejh ir-responsabbilita' tal-qtates jiġġerrew barra. Malli l-Monitoring Unit sar jaf b'dan iċ-ċaqliq tal-qtates minn San Anton għall-Wied Inċita mill-ewwel ngħatat l-ordni mill-Monitoring Unit sabiex dan iċ-ċaqliq jieqaf.

Kunsill għat-Trattament Xieraq ta' l-Annimali

Question

Jista' il-Ministru jinformana jekk kienx involut il-kunsill għat-trattament xieraq ta' l-annimali meta nqabdu u tneħħew il-qtates minn San Anton? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid għaliex dan il-kunsill ma kienx involut?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ċ-ċaqliq tal-qtates minn San Anton ma sarx mill-gvern, fil-fatt, la l Kunsill għat-Trattament Xieraq ta' l-Annimali u lanqas id-Dipartiment tas-Saħħa ta’ l-Annimali u Ħarsien Xieraq ma kienu involuti. Għalhekk il-Kunsill imsemmi ma setax ikun involut. Din kienet azzjoni unilaterali u diġa ttieħdu passi biex ma tiġix ripetuta minn individwi jew minn xi entita’.

San Anton — Qtates

Question

Jista' il-Ministru jinformana x'metodi ntużaw u x'apparat ġie utilizzat sabiex inqabdu l-qtates u nġarrew minn San Anton għal Wied Inċita? Minn fejn inġieb jew inxtara dan l-apparat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-gvern ma xtara, u ma uża l-ebda apparat biex jinġarrew il-qtates, peress li dawn m'humiex fuq l-inventarju tal-gvern. Jien infurmat li l-Environmental Landscapes Consortium (ELC) spjega lill-Monitoring Unit li nxtraw u ntużaw numru ta' 'carry cases' apposta għall-ġarr ta' l-annimali. Dawn il-'cases' inxtraw mill-ELC bl-ispejjeż jinħarġu mill-Konsorzju stess.

San Anton — Qtates

Question

Jista' il-Ministru jinformana min kienet dik il-persuna nkarigata mid-dipartiment responsabbli mill-mezzi u l-modi ta' kif inqabdu u nġarrew il-qtates minn San Anton? Xi kwalifiki kellha din il-persuna f'dan ir-rigward u x'metodu użat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-gvern ma kellu l-ebda inkarigu li jqabbad xi dipartiment iġorr il-qtates.

Wied Inċita — Qtates

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn fejn qed jiġu l-fondi li hemm bżonn biex jinxtara l-ikel għall-qtates li issa qegħdin Wied Inċita? Mingħand liema supplier qed jinxtara l-ikel? Kif intgħażel is-supplier?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ispejjeż għall-ikel, l-kura u l-manteniment tal-qtates qegħdin jinħarġu mill-Environmental Landscapes Consortium (ELC) li ħa dawn il-qtates taħt ir-responsabbilita' tiegħu. M'hu jsir l-ebda kumpens mill-Gvern għal dawn l-ispejjeż li daħal għalihom l-ELC.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Mobile phones

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' flus li tħallsu fuq kontijiet ta' mobile phones bejn Jannar 2003 u Ottubru 2004 lill-impjegati fis-segretarjat privat tiegħu? Min huma l-impjegati li huma ntitolati għal mobile phone fl-istess segretarjat? Xi grad huma? Kemm kienet l-ispiża għal kull mobile phone bejn Jannar 2003 u Ottubru 2004?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-użu ta’ mobile telephones fis-Segretarjati Privati tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari huwa regolat minn Guidelines, approvati mill-Kabinett, dwar l-ingaġġ ta’ mpjegati f’dawn is-Segretarjati. Dawn il-Guidelines jipprovdu li l-Kap tas-Segretarjat, is-Segretarju Privat, l-Assistant Segretarju Privat u l-Communications Co-Ordinator huma intitolati għall-użu tal-mobile telephone. F’ċerti każijiet jistgħu jkunu intitolati ukoll impjegati fil-grad ta’ Messaġġier kif ukoll xufiera tal-Ministru jew tas-Segretarju Parlamentari. L-ammont totali ta’ flus li tħallsu fuq mobile telephones użati minn membri tas-Segretarjat tiegħi bejn Jannar 2003 u Ottubru 2004 kien ta’ Lm 6,208.78. Ma naħsibx li huwa l-każ li tingħata ukoll informazzjoni dwar l-ispiża għal kull mobile telephone.

Miżbla tal-Magħtab

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tinbeda r-riabilitazzjoni tal-miżbla tal-Magħtab u meta dan għandu jkun komplut? Jista' jgħid kemm hu maħsub li jiswa dan ix-xogħol u kemm fondi mill-Unjoni Ewropea ġejjin f'dan is-sens?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li bl-egħluq tal-miżbla tal-Magħtab, huwa possibbli li l-ewwel fażi tar-riabilitazzjoni tal-miżbla tibda f’Awissu ta’ l-2005. Din l-ewwel fażi ta’ xogħolijiet ser tiġi konkluża fl-aħħar ta’ l-2007. Dawn ix-xogħolijiet ser jikkonsistu fil-ġbir tal-gassijiet tossiċi li jiġu ġġenerati mill-iskart, u biex jiġu kkontrollati n-nirien. Ir-riabilitazzjoni tal-miżbla tal-Magħtab hija parti minn proġett li ġie sottomess u approvat għall-finanzjament mill-Fondi Strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-proġett totali jikkonsisti fir-riabilitazzjoni ta’ tlitt miżbliet, dik tal-Magħtab, tal-Qortin u ta’ Wied Fulija, u l-valur totali jammonta għal 8.4 miljun Ewro. L-Ewropa ser tiffinanzja 73% ta’ l-ammont filwaqt li l-kumplament (27%) ser jiġi ffinanzjat mill-Gvern Malti.

Proġetti Environmental Friendly -

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx proġetti ta' enerġija alternattiva environmental friendly fil-ħsieb tal-gvern? Jista' jgħid fiex jikkonsistu? Meta hu maħsub li jinbdew? Kemm hu maħsub li jiswew u kemm fondi ġejjien mill-Unjoni Ewropea f'dan ir-rigward?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli.

Proġetti ta' Land Reclamation -

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux ħsieb li jwettaq proġetti ta' land reclamation? Jekk fl-affermattiv, fejn? Meta se jibdew dawn il-proġetti? Kemm hu maħsub li jiswew?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Parlamentari numru 9057.

Kaċċaturi Maltin

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8940 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' il-Ministru jgħid għaliex kaċċaturi Maltin li jmorru l-Eġittu għall-kaċċa bil-permessi kollha meħtieġa mhux se jitħallew idaħħlu Malta tajr li la huwa protett fl-Eġittu u lanqas f'Malta u li qabel kien jitħalla jiddaħħal f'Malta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li d-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), għandu l-obbligi, u r-responsabbilta li jara li l-biodiversita’ li hija mħarsa bil-liġi, kemm fuq livell internazzjonali, kif ukoll fuq livell nazzjonali, tiġi osservata. Għalhekk, dan ifisser li biodiversita bħal fil-każ li semma l-Onor Membru, li ma tkunx imħarsa kemm minn-naħa internazzjonali, kif ukoll minn-naħa nazzjonali, ma jkunx hemm problemi biex din tidħol f’Malta. Id-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent mhux l-unika entita’ li trid tagħti il-kunsens tagħha għad-dħul f’Malta, u issa għad-dħul fl-Unjoni Ewropea, ta’ xi biodiversita. Hemm ukoll l-obbligi li jaqgħu taħt Dipartimenti u entitajiet oħra, bħal ngħidu aħna, id-Dipartiment tas-Saħħa, id-Dipartiment tal-Veterinarju [f’dan il-każ] u anki d-Dipartiment tad-Dwana nnifsu. Fil-fatt, il-Game Trophies li mhumiex trattati ma jistgħux jiddaħħlu f'Malta jekk il-pajjiż ta' l-oriġinu m'għandux approvazzjoni minn-naħa ta' l-Unjoni Ewropea li jesporta l-istess speċi għall-konsum uman,f'dan il-każ tajr.

Mġarr — Trakkijiet li jieħdu r-radam lejn il-barriera ta' l-Imselliet

Question

Peress li t-trakkijiet li qed jieħdu r-radam lejn il-barriera f'Ta' l-Imselliet fl-Imġarr qed jimlew it-triq li tagħti għall-barriera b'ħafna tafal jiżloq, jistgħu jittieħdu passi biex ir-roti tat-trakkijiet jitnaddfu biex jonqos il-periklu ta' inċidenti tat-traffiku fl-inħawi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-provvedimenti neċessarji ttieħdu, u se jkomplu jittieħdu sabiex il-kuntrattur jagħmel dak kollu neċessarju sabiex jiġi evitat dan l-inkonvenjent f'dawn it-toroq.

Annimali velenużi

Question

Jista' il-Ministru jindika d-data, jew snin, jew perijodu li fih ġew importati xi speċi ta' annimali velenużi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onor. Membru, li mhux kull ma jmiss mal-biodiversita’, jiġifieri pjanti u annimali, huwa r-responsabbilta esklussiva l-Ministeru tiegħi. Id-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), fejn tidħol il-Biodiveristà’ huwa responsabbli għall-obbligi li l-pajjiż għandu kemm minn-naħa internazzjonali, kif ukoll minn dik nazzjonali, għall-ħarsien [protezzjoni] ta’ l-ispeċi per se. Dan ifisser li l-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent jintervjeni biss fejn l-ispeċi nfushom huma mħarsa, jew jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ispeċi Maltin, dejjem skond l-obbligi nazzjonali u internazzjonali. Dan ifisser li miżuri dwar il-biodiversita’ huma wkoll responsabbilta · tad-Dipartiment tas-Sahha, jekk il-biodiversita’ tkun ta’ ħsara pubblika, · tad-Dwana, jekk l-importazzjoni ma ssirx skond ir-regolamenti tad-Dwana, · tal-Kummissarju tal-Pulizija jekk il-liġijiet nazzjonali jinkisru u jkun hemm ħtieġa ta’ prosekuzzjoni, · tad-Dipartiment tal-Veterinarju, jekk il-biodiversita’ tkun ta’ ħsara għas-saħħa ta’ l-annimali, u · tad-Dipartiment ta’ l-Agrikultura jekk il-pjanti jkunu ta’ ħsara għas-saħħa tal-pjanti li jinsabu fil-gzejjer Maltin, kemm indiġeni kif ukoll dawk agrikoli. Fil-każ imsemmi mill-Onor. Membru, dan huwa każ li jittratta lid-Dipartiment tas-Saħħa, li wkoll għandu sehem fil-kontroll ta’ l-importazzjoni tal-Biodiversita’ minħabba li l-impatt li dawn jistgħu jkollhom jista’ jkun ta’ ħsara pubblika, u din tkun tirrikjedi miżuri speċjali. Għalhekk ġentilment nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli għas-Saħħa.

MEPA — Awtorita' tad-Djar - Applikazzjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent il-MEPA kemm qed tipproċedi applikazzjonijiet mill-awtorita' tad-djar? Fiex tikkonsisti kull applikazzjoni u f'liema lokalita'?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fil-preżent, l-Awtorita` tad-Djar għandha ħmistax-il applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Qed inpoġġi d-dettalji tagħhom fuq il-mejda tal-Kamra kif mitlub mill-Onor. Interpellant.

Biċċerija — Ħmieġ

Question

Jista' il-Ministru jara li ma jitkompliex joħroġ il-ħmieġ il-biċċerija f'Albert Town, il-Marsa? X'rimedju se jieħu l-gvern? X'sar s'issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun iktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.

MEPA — Regolamenti tal-bini

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslu r-regolamenti ġodda tal-bini u meta hu ppjanat li jidħlu fis-seħħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Riklamar ta' l-art mill-baħar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux studji dwar il-potenzjalita' għar-riklamar ta' l-art mill-baħar? Jekk fl-affermattiv, meta ġew ikkontrollati tali studji? Lil min ingħataw dawn il-kuntratti u x'kienu preċiżament it-terms of reference? Dawn l-istudji ġew konklużi, u jekk fl-affermattiv, jistgħu jitqiegħdu fuq il-mejda tal-Kamra r-rapporti relattivi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li kemm l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u l-kumpanija WasteServ Malta Limited impenjaw ruħhom sabiex jagħmlu stħarriġ dwar dan is-suġġett b'assistenza teknika mill-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, matul il-periodu bejn l-10 u s-16 ta’ Novembru 2004, esperti mill-kumpanija CarlBro Ltd. tad-Danimarka kienu Malta għal diskussjonijiet ma' esperti Maltin, fosthom dawk mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), WASTESERV LTD, Malta Maritime Authority (MMA) u oħrajn, dwar il-potenzjal ta' reklamazzjoni ta' l-art mill-baħar. Dan l-istudju għadu għaddej u r-rapport ta' dawn id-diskussjonijiet huwa mistenni li jitlesta sa l-aħħar ta' din is-sena.

Tisbiħ ta' Widien

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-widien u postijiet fil-kampanja li hemm ħsieb li jsir tisbiħ tagħhom? Jista' jgħid meta se jinbdew dawn il-proġetti, każ b'każ, u meta hu maħsub li jiġu mitmuma? Jista' jgħid ukoll humiex se jinġiebu jew jingħataw fondi mill-EU f'dan ir-rigward?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li bħalissa d-Dipartiment tal-Park, Afforestazzjoni u Restawr tal-Kampanja (P. A. R. K.) qiegħed jagħmel xogħol, jew bi ħsiebu jibda xogħol ta’ riabilitazzjoni fil-Mellieħa, Kennedy Grove, Xrobb l-Għaġin u Ta’ Qali. Rigward il-widien, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Ħaddiema msiefrin fuq xogħol

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista tas-safar li sar minn impjegati tad-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu bejn Jannar 2004 sal-lum? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra u fejn siefru? Min kienu l-persuni li siefru? Xi grad għandhom (jew taħt liema skala ta' salarju jaqgħu) il-persuni li siefru? Min awtorizza kull safra? Min mar business class jew first class?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista li tipprovdi informazzjoni dwar safar uffiċjali li sar minn impjegati tad-Dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi bejn Jannar u Ottubru 2004, id-destinazzjoni ta’ dan is-safar kif ukoll l-ispiża fuq kull safra. F’dawk il-każijiet fejn il-kont tas-safra għadu ma ngħalaqx, naturalment l-informazzjoni dwar l-ispiża ma tistax tingħata. Ma naħsibx li huwa l-każ li noqgħod nagħti l-ismijiet individwali tal-persuni nvoluti f’dan is-safar. Fil-każ tas-Servizz Pubbliku, ir-regolamenti dwar is-safar uffiċjali, inkluż dwar min għandu jawtorizza dan is-safar kif ukoll min għandu d-dritt li jsiefer Business Class jinsabu b’sezzjonijiet 8.5 – 8.11 tal-Public Service Management Code.