Dipartiment ta' l-Artijiet — Skemi ta' xiri ta' djar
Question
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħħal flus il-Gvern mill-iskemi ta' xiri tad-Dipartiment ta' l-Artijiet taħt kull skema sad-data li tiġi mwieġba din l-interpellanza?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-iskema ta' bejgħ tad-dirett dominju ta' proprjeta' residenzjali, jiġifieri mill-pubblikazzjoni ta' l-Avviż Nru 1002 ta' l-20 ta' Settembru 2004 sal-lum, id-Dipartiment ta' l-Artijiet daħħal is-somma ta' erbat elef u ħames mitt lira (Lm4,500). Ma kienx hemm skemi oħra ta' xiri ta' djar.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqatgħu kawżi fil-qorti ta' l-appell din is-sena? Kemm minnhom kellhom is-sentenza mnaqqsa u kemm miżjuda? X'kien ir-reat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar kawżi ta' l-Appell maqtugħa din is-sena (sal-31 ta' Ottubru) hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pulizija jew gwardjani tal-ħabs li ttellgħu l-qorti sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp tal-Pulizija u Gwardjani tal-Ħabs li nbdew proċeduri kriminali kontra tagħhom tul dawn l-aħħar ħames snin huwa kif ġej:
20012002200320042005
Pulizija14111697
Ħabs---12
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw sentenzi ta' community service din is-sena u s-sena l-oħra? X'kien ir-reat u x'kellhom jagħmlu l-ħatja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika dwar is-suġġett tal-Mistoqsija.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir xi liġi biex tipprojbixxi l-użu ta' harpoons għall-kaċċa tal-ħut mill-għaddasa fl-ibħra tal-gżejjer Maltin?
Response (BORG, TONIO)
Ma naf bl-ebda ħsieb li jsir dan minn xi dipartiment li jaqa' taħti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara fuq liema kriterju nħadem iċ-ċens li għandu jiġi mifdi fil-plots li għandu f'idejh il-joint office fis-Sgħajtar, in-Naxxar/Mosta u dawk f'Ta' Mlit, Mosta li oriġinarjament kienu b'ċens temporanju tal-knisja għal 150 sena li jibdew mill-1979?
Jista' jara taħt kemm kapitilazzjoni qed isr dan il-fidi taċ-ċens offrut lil min irid jifdi? Jista' jispjega eżatt x'sistema qed tiġi addottata dwar dan il-fidi u jekk hux qiegħed fil-fatt jinfeda dan iċ-ċens?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt qiegħed ibiegħ id-diretti dominji temporanji rivedibbli ta' fondi residenzjali, skond valutazzjoni peritali jew gwida dipartimentali, wara li jieħu in konsiderazzjoni t-tul taċ-ċens oriġinali, kif ukoll jekk l-istess ċens jagħlaqx qabel jew wara l-21 ta' Ġunju 1979.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mill-pulizija wara l-ilmenti li saru minn bdiewa u abitanti li joqogħdu fil-viċin biex l-isplussivi fil-barriera tal-qawwi Numru 19 fis-sit magħruf bħala tal-Miżiep, Ħal Far, l/o Żurrieq, jiġu miżmuma?
Dawn l-isplussivi qegħdin jikkaġunaw ħsarat fil-bjar, soqfa tar-residenti u ta' l-irziezet u fir-raba' bil-ġebel li jtir bl-isplussivi, kif ukoll fil-ħitan tas-sejjieħ? Kienet saret petizzjoni mill-bdiewa u l-abitanti li joqogħdu fil-viċin kontra l-użu ta' splussivi f'din il-barriera li qiegħda mat-triq u li tieħu għar-radam f'Wied Fulija?
L-użu ta' splussiv f'din il-barriera kien ġie miżmum b'sentenza tal-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija toħroġ biss il-permessi għall-użu ta’ splussiv fil-barriera imsemmija mill-Onorevoli Interpellant u mhux sabiex tkun operata l-barriera. Tali permess jinħareġ wara li t-talba tkun ġiet approvata mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Infurmat ukoll illi l-istess Awtorita’ qed timmonitorja l-użu ta’ dan l-isplussiv. L-aħħar li kien ġie użat splussiv f’din il-barriera kien nhar l-24 ta’ Awissu ta’ din is-sena u mill-moniteraġġ li sar dakinhar minn uffiċjali tal-MEPA irriżulta li l-livell ta’ vibrazzjoni kkawżat mill-isplussiv kien dak permess. Minkejja dan, jekk hemm xi terzi persuni li qed jikkontendu li qed isofru xi danni, dawn dejjem jistgħu jirrikoru għal rimedju legali kontra l-operaturi ta’ din il-barriera.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet applikazzjoni 2883 fil-lands department in konnessjoni ma' l-applikant li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant għadha qed tiġi pproċessata.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għal visa Maltija (C/35140)
Response (BORG, TONIO)
Nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jinforma lill-persuna msemmija tmur l-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Immigrazzjoni sabiex tivverifika l-pożizzjoni tagħha.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15981 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid u jispjega r-raġuni għar-rifjut ta' visa lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li għandu l-mara tiegħu taħdem hawn Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija s'issa, dwar it-talba tal-persuna imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, għad mhux konfermat li din it-talba hija bona fede.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm okkażjonijiet fiż-Żurrieq fejn ħwienet tax-xorb instabu miftuħa wara s-1.00 a.m. f'dawn l-aħħar erba' snin? Ittieħdu passi kriminali fil-konfront ta' l-istess? Kemm minnhom instabu ħatja? Jista' jgħid jekk hemmx bars fiż-Żurrieq li għandhom permess ta' imwejjed u siġġijiet barra? Liema huma u kemm ilhom jitħallsu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm ħanut tax-xorb wieħed fiż-Żurrieq li nstab li kien qed ikun miftuħ wara s-siegħa ta’ filgħodu, fi tlett okkażżjonijiet bl-ewwel darba tkun f’Marzu 2004. F’kull okkażżjoni nbdew proċeduri kriminali li għadhom pendenti. Rigward tqegħid ta’ mwejjed barra ħwienet, ninsab infurmat illi dawn il-permessi llum jinħarġu mill-Aworita’ tat-Turiżmu, pero’ minn tagħrif li kisbet il-Pulizija jidher li hemm ħanut wieħed f’Wied iż-Żurrieq. Għal aktar tagħrif dwar din l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jirreferi lill-Ministru konċernat.
Peress li f'Għawdex m'għandniex uffiċjal reviżur li jaqdi dawk il-funzjonijiet rikjesti fil-liġi u allura dan qed joħloq ċertu inkonvenjent, jista' il-Viċi Prim Ministru jara jekk din is-sitwazzjoni tistax tiġi rimedjata?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm applikaw ex-membri tal-korp biex jaħdmu bħala riżerva b'konnessjoni maċ-CHOGM? Min kienu dawk li applikaw u f'liema rank kienu qabel spiċċaw mill-korp? Min kienu dawk li ġew aċċettati? Dawn ser jinżammu bħala riżerva jew kienu biss għal jiem ta' waqt iċ-CHOGM?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm ħdax-il ex membru tal-Korp tal-Pulizija - żewġ ex kuntistabbli nisa u disa' ex kuntistabbli rġiel - li wieġbu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-reklutaġġ ta' kuntistabbli tar-riserva kif ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern ta' nhar il-21 ta' Ottubru 2005. Dawn kollha ġew ingaġġati, ħlief għal żewġ ex kuntistabbli rġiel li rtiraw l-applikazzjoni tagħhom. Kif deskritt f'paragrafu 5 ta' l-istess sejħa għall-applikazzjonijiet, dan l-ingaġġ kien perijodu definit li skada sal-ġimgħa ta' wara l-25 ta' Novembru 2005.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux maħsub li ssir riforma fil-mandati eżekuttivi u kawtelatorji, u jekk iva, fiex wasal dan il-proċess?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ħareġ, għall-konsultazzjoni sa l-aħħar tas-sena, abbozz ta' liġi li jemmenda l-mandati eżekuttivi u kawtelatorji li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il darba ħarġet divjett il-qorti fuq pubblikazzjoni ta' l-isem akkużat, kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin u x'kien ir-reat, kif ukoll għaliex ġie ordnat id-divjett?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi statistika ta' din ix-xorta ma tinżammx fil-Qrati Ċivili ta' Malta.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li għandu ċens fuqu jistax jinfeda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-fond li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Membru ġie trasferit lill-Aworita' tad-Djar b'Avviż Nru. 30 tal-Gazzetta tal-Gvern tas-16 ta' Frar 1989. L-Onor. Membru huwa għalhekk mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15809 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk sa tmiem din il-leġislatura l-gvern hux se jressaq abbozz ta' liġi fil-parlament dwar l-aċċess fil-kampanja lokali kif jixtiequ r-Ramblers association, skond kif espressa f'petizzjoni mressqa f'dan il-parlament?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għall-informazzjoni li tajt fis-seduta parlamentari tat-28 ta' Novembru, 2005.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern hux jikkonsidra li jżid il-pieni għal xi reati? Jekk iva, liema?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm diversi proposti li ġew sottomessi sabiex jiżdiedu ċerti pieni fosthom dawk fil-Kapitolu 63 tal-Liġijiet ta' Malta kif spjegat fil-white paper 'Lejn Ġustizzja Aħjar u Eħfef'. Kif dawn jiġu konklużi, jiġu preżentati bil-proċedura solita fil-Parlament.