Jista' l-Ministru jgħid kemm kien n-numru ta' tilwimiet industrijali li ġew reġistrati mit-trade unions bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena? Kemm minnhom għadhom pendenti u liema huma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena, d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg ġie notifikat b' 87-il tilwima ndistrijali.
9 minn dawn għadhom pendenti. Dawn huma:
Enemalta Corporation vs Enemalta Professional Officers Union
Seifart MTM Systems (M) Ltd. vs GWU
Corinthia Caterers vs GWU
Union Gradwati maltacom vs Maltacom plc
Malta International Airport vs UĦM
Public Transport Authority vs UĦM
Sedqa vs UĦM
SWDP vs UĦM
Enemalta Corporation vs UĦM
Jista' l-Ministru jgħid fi ħdan id-dekasteru tiegħu, kemm hemm awtoritajiet, bordijiet, kummissjonijiet jew entitajiet governattivi?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll minn huma ċ-Chairman, Chief Executive Officers, diretturi u konsulenti legali ta' dawn l-awtoritajiet, bordijiet, kummissjonijiet u entitajiet governattivi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid fir-rigward tal-fond 3 Triq l-Ifran il-Belt:-
1) x'possibilta' hemm li jiġi nstallat lift fis-shaft tal-block?
2) jista' d-Dipartiment tal-Bini u tiswija ta' djar jieħu ħsieb li jitnaddfu l-kolonni li hemm fuq l-għatba tal-bieb ta' barra, peress li dawn huma maħmuġin ħafna bid-dħaħen tal-karozzi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab mgħarraf illi mhux possibbli li jsir lift ġot-tromba tat-taraġ tal-blokk imsemmi, peress illi t-tromba hija żgħira. Dan ġie spjegat aktar kmieni din is-sena waqt laqgħa fuq il-post mar-residenti.
Il-possibbilita' ta' lift, hija ġewwa l-bitħa li hemm fuq in-naħa ta' wara tat-tromba liema bitħa hija propjeta' ta' terzi u allura hemm bżonn tal-kunsens bil-miktub tagħhom. Dan ukoll ġie spjegat lir-residenti ta' dan il-blokk (numru 3, Triq l-Ifran), jiġifieri li biex l-Awtorita' tad-Djar tkompli bil-proċess, għandu jinġieb il-kunsens bil-miktub tas-sidien.
Sa issa, dan il-kunsens għadu ma ġiex ppreżentat.
Għat-tieni parti tad-domanda ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-responsabbilita' tat-tindif tal-partijiet komuni hija normalment tar-residenti. Madanakollu rreferejt il-każ lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga u jara jekk dan ix-xogħol jistax jitqies li jidħol fil-"policy" tad-Dipartiment dwar it-tiswijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'drittijiet għal xi forma jew oħra ta' pensjoni għandha l-persuna li d-dettalji tagħha qed ngħaddi separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata mhux qed tirċievi ebda pensjoni mid-Dipartiment.
Għaldaqstant informajna lill-persuna kkonċernata biex tmur fl-Uffiċċju Distrettwali ħalli tiġi nfurmata bid-drittijiet tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm romlu nies matul din is-sena?
Kemm minn dawn kienu rġiel u kemm kienu nisa?
Kemm minnhom żdiditilhom il-pensjoni, ta' kemm minnhom baqgħet l-istess, kemm minnhom tnaqqsitilhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u r-risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
B'referenza għall-urġenza tat-talba tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li tinsab quddiem l-PA, jista' l-Ministru jara l-possibilita' li tiġi approvata mmedjatament qabel isseħħ xi traġedja fir-residenza ta' din l-anzjana?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar irċeviet l-applikazzjoni taħt Skema Z (Għajnuna għall-Xogħolijiet ta' Irranġar u Titjib f'Residenzi Privati) mingħand il-persuna ndikata fid-19 ta' Ottubru 2001. L-Awtorita' diġa' bagħtet il-perit biex jispezzjona l-post u l-persuna konċernata ser tiġi nfurmata liema xogħol ġie approvat.
Fid-dawl tan-numru dejjem akbar ta' nisa miżżewġin li jkunu jridu jaħdmu iżda li ma jistgħux jgħamlu dan minħabba it-tfal żgħar li jkollhom kif wkoll in nuqqas ta' familjari ma' min iħalluhom, il-Gvern qiegħed jaħseb biex jiftaħ xi nurseries kif wkoll Day Care Centres għat-Tfal ta' dawn il-Ġenituri?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi qed jipparteċipa f'Child Care Task Force li twaqqfet fuq l-inizjattiva tal-Bord tal-Koperattivi bil-għan li jiġi studjat l-iżvilupp ta' forom diversi ta' proviżjoni ta' child care f'Malta liema servizzi jkunu aċċessibbli, ta' kwalita' u li jirrispettaw id-drittijiet tat-tfal.
Qed nistenna r-rapport ta' din it-task force li ser jgħin fil-formulazzjoni tal-politika tal-Gvern f'dan il-qasam.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern fi ħsiebu jagħti pensjoni sħiħa lill-armla tal-kuntistabbli Roger Debattista (li safa maqtul il-ġimgħa l-oħra waqt il-qadi ta' dmirijietu) daqs li kieku ħadem is-servizz kollu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onor. Interpellant mitlub jara t-Tweġiba mogħtija mill-Onor. Prim Ministru għall-Mistoqsija Numru 29919.
Jista' l-Ministru jara li ssir ir-reserved parking ta' persuna b'diżabilita li l-partikularijiet tagħha qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija? Jista' jgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant m'applikatx għas-servizz tar-Reserved Parking, iżda għall-Karta ta' l-Identita' Speċjali u għall-Blue Sticker.
Infurmat ukoll li l-applikazzjoni għall-Karta ta' l-Identita' Speċjali ġiet proċessata u aċċettata filwaqt li dik għall-Blue Sticker qed tiġi kkunsidrata.
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' waqfien ta' children allowance ta' familja li l-partikularijiet tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija? Tista' din il-familja tiġi informata bl-aħħar żviluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnhu ndikata ġiet infurmata bil-każ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax jiġi rivedut il-ħlas tac-children allowance lill-familja li qed nibgħatlek l-ID no tal-persuna separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlas ta' l-Allowance tat-Tfal tal-persuna minnu ndikata ser jiġi rivedut. Il-persuna konċernata ser tiġi nfurmata bir-rata riveduta u x'kienet iċ-ċirkostanza li din ir-rata setgħet tinbidel.
Jista' l-Ministru jgħid peress li bint il-ġenituri li d-dettalji tagħhom qed ngħaddi separatament iżżewġet fis-sajf li għadda u l-ġenituri kellhom miżjuda fl-assi bankarji tagħhom flus binthom minħabba l-ispejjeż tat-tieġ, jistax jiġi rivedut il-fatt li c-children allowance twaqqaf minħabba f'hekk.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ.
Jista' l-Ministru jgħid x'direttiva jagħti id-direttur tal-industrial & employee relations dwar kif inħadem il-pro-rata leave tal-part-time workers li jaħdmu fuq 20 seigħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li minn meta ġie ppubblikat Avviż Legali Numru 61 ta' l-1996, id-direzzjoni li dejjem taha d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg, dwar il-leave għall-part-timers li jaħdmu aktar minn 20 siegħa fil-ġimgħa, kienet li dan jinħadem pro-rata tal-ġranet ta' leave li għandu dritt għalihom impjegat full-time
Jista' l-Ministru jgħid jekk bediex jiffunzjona il-childcare centre għall-impjegati tal-housing authority, liema childcare centre wiegħdet ic-chairperson tal-housing authority f'artiklu f'The Times?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurma li Childcare Centre ta' l-Awtorita' tad-Djar hu ppjanat li jsir f'post biswit l-uffiċini preżenti ta' l-Awtorita'.
Fil-25 ta' Awissu 2000, l-Awtorita' ssottomettiet applikazzjoni lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex tirranġa l-post. Sa issa l-permessi meħtieġa għadhomma ħarġux.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali waqqaf il-ħlas tal-SKA dovuta lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament f'Mazu 2001? Meta nstema l-appell minn din id-deċiżjoni? Min irrappreżenta lil din il-persuna f'din is-seduta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar l-Ewwel Parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-persuna ndikata ġiet infurmata bil-każ.
Dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-appell ġie kkunsidrat mill-Arbitru u l-Assessuri fis-seduta tal-Bord ta' l-Appelli tad-9 ta' Novembru 2001. Infurmat ukoll li l-każ ġie deċiż u kopja tad-deċiżjoni ser tintbagħat lill-appellant.
Jista' l-Ministru jinvestiga u jirrimedja l-problema ta' anzjani li kellhom il-kartuna r-roża u allura kienu jgawdu minn sussidju fuq telephone bill imma għax il-kartuna r-roża għal xi raġuni ma waslitx if-Ċentru Ħidma Soċjali qegħdin jirċievu kontijiet ta' kera mingħajr sussidju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk l-anzjani li jissodisfaw il-kriterji għall-għoti ta' sussidju fuq il-kera tas-servizz tat-telefon huma mitluba permezz ta' ittra maħruġa mid-Dipartiment ghall-Anzjani u Servizz fil-Komunita' li minn sena għal sena jippreżentaw il-karta r-roża tagħhom mġedda mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. F'dawk il-każijiet fejn persuna tonqos li tagħmel dan, jew fejn il-karta r-roża ma tiġix mġedda, allura jintilef id-dritt għar-roħs fuq it-telefon.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm żgħażagħ Għawdxin fi skemi ta' apprendistat?
F'liema sena differenti ta' apprendistat jinsabu dawn l-iskemi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fil-preżent in-numru ta' żagħżagħ Għawdxin fi skemi ta' apprendistat hu ta' 146.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi n-numru ta' apprendisti f'kull skema bis-sena meta daħlu.
Jista' l-Ministru jgħid meta sewwieq ikun impjegat ma garage b'kuntratt ta' ħinijiet fissi ta' xogħol is-sid ta l-azjenda li jaħdem magħha jista' jbiddilu il-ħinijiet tax-xogħol b'inqas minn 24 siegħa notice u ġieli jitolbu jieħu il-leave minn jum għall-ieħor?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Att dwar il-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg (Kap 135) ma jipprekludix lil imgħallem li jbiddel il-ħinijiet tax-xogħol skond l-esiġenzi ta' l-ażjenda. L-istess Att ma jipprovdix għall-ħtieġa li tingħata notice f'każijiet bħal dawn.
Jien infurmat li madankollu d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg dejjem jirrakkomanda lill-prinċipali li javżaw kemm jista' jkun minn qabel meta jkunu ser jinbidlu l-ħinijiet tax-xogħol.
Avviż Legali 38 ta' l-1989 jipprovdi għan-numru ta' ġranet ta' leave li mpjegat għandu dritt għalih matul is-sena u li dan jista' jittieħed f'jiem miftehmin bejn il-prinċipal u l-impjegat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni reġistrati bħala pensjonanti ġewwa n-Naxxar, il-Għargħur, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr u l-Mellieħa li jirċievu xi forma ta' pensjoni? Kemm minnhom jirċievu pensjni? Kemm f'kull kategorija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinqasam hekk:
Pensjoni Kontributorja Pensjoni
mhux Kontributorja
Irtirar Romol Invalidita' Total
Naxxar 485 202 355 1042 29
Għargħur 114 72 87 273 11
San Pawl il-Baħar 386 183 288 857 40
Mġarr 149 53 107 309 14
Mellieħa 349 135 232 716 26