Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tat-taxxi interni

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti informazzjoni dwar id-dħul (income) minn dawn il-kategoriji ta' persuni indikati, cioe': Persuni miżżewġa pero' jimlew separate declaration ; Persuni miżżewġa u jimlew joint declaration; u Persuni mhux miżżewġa li jimlew individual declaration? Jista' il-Prim Ministru jagħti din l-informazzjoni għal kull kategorija fuq indikata f'dawn l-income brackets minn dħul dikjarat: Lm0 - Lm4,200 Lm4,200 - Lm6,000 Lm6,000 - Lm8,000 Lm8,000 - Lm10,000 Lm10,000 - Lm12,000 Lm12,000 u aktar? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba fl-ewwel u t-tieni parti għas-snin 1995-2004?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Sptar Mater Dei — Xiri ta' apparat mediku

Question

B'riferenza għall-informazzjoni dwar xiri ta' apparat għall-isptar Mater Dei li tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra (PL3740) nhar l-Erbgħa 28 ta' Settembru 2005, jista' il-Prim Ministru jagħti rendikont ta' apparat mediku li nxtara għall-isptar Mater Dei bejn Ġunju 2005 u Novembru 2005 u li ma kienx imniżżel fil-lista li ġiet impoġġija fuq il-mejda tal-Kamra? Jista' jgħid kemm kien il-valur ta' dan l-apparat? Jista' jagħti rendikont tad-ditti u l-kumpanniji li mmanifatturaw dan l-apparat mediku? Jista' jagħti rendikont separat ta' l-apparat li nxtara mingħand kull ditta u l-ispejjeż involuti? Jista' jagħti rendikont ta' l-apparat li għad fadal jinxtara għall-isptar Mater Dei?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Proprjeta' mikrija mill-gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 15443 u 15660 u jinformana kemm kienet iċ-ċifra ta' flus li l-gvern ħallas għall-kirjiet ta' proprjeta' mikrija mill-gvern stess matul din is-sena? Kemm fil-fatt hija ċ-ċifra totali li għad trid titħallas?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-Tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15443 f’Seduta 330.

Private Public Partnership

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid bħalissa liema arranġamenti ta' private public partnership il-gvern għandu mas-settur privat u f'liema oqsma u x'inhu s-sehem tal-gvern f'kull partnership?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li bħalissa hemm numru ta’ inizjattivi li jistgħu jitqiesu forma ta’ Public Private Partnership (PPP). Dawn jinkludu - Il-proġett ta’ tisbiħ u landscaping immexxi mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent li ra lill-ħaddiema li qabel kienu jagħmlu parti mis-sezzjoni tal-Urban and Rural Landscaping jgħaddu taħt it-tmexxija ta’ konsorzju privat; - l-arranġamenti kuntrattwali li permezz tagħhom id-Dipartiment tal-Anzjani fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa għadda l-amministrazzjoni tad-Djar ta’ l-Anzjani ta’ Bormla u ż-Żejtun f’idejn kuntrattur privat waqt li fl-istess ħin qiegħed jikri numru ta’ sodod fi djar ta’ l-anzjani ta’ sidien privati biex ipoġġi fihom persuni eliġibbli għal rikoveru fi Djar ta’ l-Anzjani tal-Gvern; - is-sistema tas-Search Unit mħaddma fid-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku li permezz tagħha kuntrattur privat daħal fi ftehim fit-tul biex jipprovdi xogħol ta’ riċerka fuq ordnijiet mgħoddija lilu mid-Dipartiment; - skemi għat-tibdil ta’ bozoz tat-toroq mħaddma mill-Kunsilli Lokali li, magħqudin fi gruppi, qed jagħtu kuntratti lis-settur privat għal dan is-servizz li qabel kien isir mill-Korporazzjoni Enemalta. Inzid ngħid ukoll li bħalissa il-Gvern għaddej bi proċess għal bini ta’ Dar ta’ l-Anzjani fil-Mellieħa. Dan ser isir taħt arranġamenti ta’ PPP peress illi l-bini u x-xogħol kollu ta’ manteniment ser isir u jkun iffinanzjat mill-privat taħt kuntratt fit-tul ta’ 25 sena.

NSO — Turisti

Question

Jista' il-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15387, 15546 u 15670 u jgħid: Peress li jekk wieħed jara l-istatistika ta' kemm kellna turisti f'Settembru 2005 isib differenza bejn dak li jgħid l-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika u dak li jgħid l-ajruport internazzjonali ta' Malta, l-MIA, jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għal dan u kif l-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika jispjega dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 15670 f’seduta 330.

AFM

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm vakanzi fl-armata matul l-2002 u l-2003 għal karigi t'hawn taħt imsemmija: Gunner, lance bumbardier, bumbardier, surgent, staff surgent, BSM, RSM, second lieutenant, lieutenant, captain, major, lieutenant colonel, colonel u brigadier? Jista' jgħid kemm imtlew minn dawn il-karigi minn uffiċjali li kienu diġa' fis-servizz matul l-2002 u l-2003? Jista' jgħid kemm imtlew minn dawn il-karigi minn nies minn barra s-servizz? Jista' jgħid f'liema sezzjoni kienu l-vakanzi matul l-2002 u l-2003 mir-rank ta' lieutenant 'il fuq? Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm inħolqu karigi ġodda matul l-2002 u l-2003 mill-karigi ta' captain 'il fuq u minn min imtlew dawn il-karigi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Ċentru għall-klandestini

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm qam flus biex inbena l-kumpless fejn qegħdin jinżammu l-klandestini ta' Lyster barracks? Jista' jgħid jekk inħariġx tender għax-xogħlijiet li saru? F'każ li fl-affermattiv, min kienu l-bidders, minn min kien ifformat il-bord ta' l-għażla u min rebah dan it-tender?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-ispiża biex jinbena l-kumpless imsemmi laħqet Lm128,709. Minħabba l-urġenza kbira tal-proġett, dawn ix-xogħolijiet saru b’Direct Order.

Ċena ad unur ir-Reġina Eliżabetta II

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm swiet globalment iċ-ċena ta' nofsinhar mgħotija minnu stess ad unur tar-Reġina Eliżabetta II nhar il-Ħamis 24 ta' Novembru 2005? Jista' jagħti breakdown dettaljata ta' l-ispiża gloabli, min kienu s-suppliers privati li mingħandhom inxtraw il-prodotti/servizzi, kemm kienet l-ispiża ta' kull wieħed u b'liema mod intgħażlu? Jista' jgħid kemm kien hemm nies mistiedna għal din l-istess ċena u min kienu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-pranzu statali mgħoti ad Unur ir-Reġina sewa Lm3,201.01. Is-suppliers kienu Intercontinental Hotel, Emanuel Delicata & Sons Ltd., Alfons Enterprises Ltd. u l-Borealis String Quartet. Is-suppliers ingħażlu wara li ġie kkusidrat kemm il-prezz, il-kwalita’ tal-prodott kif ukoll il-livell tas-servizz. Il-mistednin kienu jammontaw għal 130 persuna. Ma nħossx il-ħtieġa u naħseb li lanqas hija etika li għandi nippubblika l-lista tal-mistednin.

Arretrati tat-taxxa tad-dħul

Question

Jista’ il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15652 u jgħid kemm–il persuna ngħatat iċ-chance minn Jannar 2004 sal-lum li tħallas arretrati tat-taxxa tad-dħul billi sar ftehim li s-somma dovuta titħallas b’ammont kull xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-ftehim ma ġewx onorati mill-persuna konċernata? X’passi ttieħdu? Meta l-ftehim ikun biex is-somma ta’ kull xahar tinqata’ mill-paga, min hu responsabbli, l-impjegat jew is-sid li din titħallas ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li minn Jannar 2004 sal-lum id-Dipartiment tat-Taxxi Interni daħal f’4834 ftehim dirett (jiġifieri l-individwu jħallas l-pagament fix-xahar hu stess) u 2231 ftehim ieħor biex l-arretrati jinġabru mill-employer billi jinqatgħu mill-paga tal-individwu. Minn dawk li daħlu fi ftehim dirett kien hemm 975 każ fejn il-ftehim ma ġiex onorat minn naħa tat-taxpayer. Meta ftehim ma jkunx ġie onorat, id-Dipartiment jibgħat twissija lil min ikun konċernat u jekk jibqa mingħajr risposta jibda proċeduri skond il-Liġi. Meta l-ftehim ikun biex l-arretrati jinqatgħu mill-paga, l-employer jgħaddi lid-Dipartiment dawn l-pagamenti kull xahar mal-ħlasijiet kurrenti tat-taxxa u sigurta’ soċjali.

Environmental landscape consortium

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk minn Mejju 2003 sal-lum l-environmental landscape consortium ġiex informat li l-gvern m'għandux biżżejjed flus biex jonora l-obbligi kuntrattwali tiegħu? X'obbligi kuntrattwali kellu jonora l-gvern u mhux qed jonorahom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Public Private Partnership — Fondi pubbliċi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ilu jeżisti l-private public partnership bejn il-gvern u l-environmental landscape consortium kemm ħarġu fondi pubbliċi bi ħlas, sena b'sena u fuq liema proġetti ntnefqu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Environmental landscape consortium

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk bħalissa l-private public partnership ma' l-environmental landscape consortium hux paralizzat? X'inhi r-raġuni, jekk iva?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Environmental Landscape Consortium — Proġetti ġodda

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern ħax deċiżjoni li l-environmental landscape consortium iwaqqaf il-proġetti ġodda kollha li kien se jagħmel fuq ir-roundabouts ta' Ħal-Lija, il-Fgura, Raħal Ġdid l-MIA u l-landscaping ta' Vjal Diċembru 13 fil-Marsa? X'kienet ir-raġuni għal deċiżjoni bħal din?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

AFM — Klandestini

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hux minnu jew le li hemm ammont ta' suldati li qegħdin jaħdmu, jew kienu jaħdmu, mal-klandestini li għandhom il-virus tat-TB mute? Jekk fl-affermattiv, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm suldati li għandhom dan il-virus u ngħatatx tilqima kontra din il-marda qabel ma dawn is-suldati kienu fir-riskju ta' din il-marda minħabba xogħolhom? Jekk hemm suldati infettati bit-TB mute, jista' jgħid x'kura qegħdin jingħataw u x'kumpens qegħdin jieħdu? F'każ li ma ngħatatx it-tilqima jew ingħatat tard, jista' jgħid x'inhi r-raġuni u jħossx li dan huwa każ serju ta' irresponsabbilta'? Jista' jgħid jekk hijiex tingħata din it-tilqima llum lil dawk is-suldati kollha li qegħdin jaħdmu mal-klandestini qabel ma jkunu fir-riskju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

AFM — Forced leave

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li xi suldata f'ċertu sezzjonijiiet ta' l-armata qegħdin jingħataw forced leave? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid f'liema sezzjonijiet ġie ordnat forced leave, min huma l-uffiċjali responsabbli ta' l-imsemmija sezzjonijiet u x'kienet ir-raġuni li ngħata dan il-forced leave?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minn informazzjoni li nġabret mill-Forzi Armati ta’ Malta, ma jirriżultax li suldati qegħdin jieħdu xi forced leave.

AFM

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk suldati li jidħlu xogħol night fuq bażi ta' shift (mis-7.00 p.m. 'il quddiem) f'festa pubblika/nazzjonali li tinzerta fost il-ġimgħa jingħatawx kumpens ta' time in lieu? F'każ li ma jingħatawx time in lieu, jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni? Iħoss li din hi inġustizzja u jaqbel li għandha tittieħed azzjoni immedjatament biex titranġa din is-sitwazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li skond Standing Orders kif inhuma llum, membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li jidħlu għax-xogħol fuq bażi ta’ xift (mis-7 ta’ fil-għaxija ‘l quddiem) f’festa pubblika/nazzjonali li tinzerta fost il-ġimgħa ma jingħatawx kumpens ta’ time off in lieu. Peress li ma jidhirx li hemm raġuni valida għal dan, naqbel li s-suġġeriment ta’ l-Onor Membru għandu jiġi kkunsidrat u diġa’ tajt struzzjonijiet f’dan is-sens.

AFM

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid huwiex minnu li suldati ta' l-armata ntużaw biex jaħdmu fix-xogħol tal-ġebel meta kien qiegħed jinbena l-kumpless tal-klandestini ta' Lyster barracks? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid kemm kien hemm suldati li ħadmu fix-xogħol tal-ġebel mal-kuntrattur u jekk dan kienx inkluż fil-kuntratt li ngħata lill-kuntrattur li kien qiegħed jagħmel ix-xogħol? Jista' jikkonferma jekk dawn is-suldati ngħatawx xi forma ta' kumpens?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li madwar erba’ suldati taw daqqa t’id fit-tnewwil tal-ġebel biex jitħaffef ix-xogħol tal-bini fil-kumpless imsemmi, minħabba l-urġenza tal-proġett. Dan sar bi ftehim mal-kntrattur. Fejn suldat għamel xi ħinijiet żejda, dan ingħata time off in lieu bħala kumpens.

AFM

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm vakanzi fl-armata matul l-2004 u l-2005 għal karigi taħt imsemmija: Gunner, lance bumbardier. bumbardier, surgent, staff surgent, BSM, RSM, second lieutenant, lieutenant, captain, major, lieutenant colonel, colonel u brigadier? Jista' jgħid kemm imtlew minn dawn il-karigi minn uffiċjali li kienu diġa' fis-servizz matul l-2004 u l-2005? Jista' jgħid kemm imtlew minn dawn il-karigi minn nies minn barra s-servizz? Jista' jgħid f'liema sezzjoni kienu l-vakanzi matul l-2004 u l-2005 mir-rank ta' lieutenant 'il fuq? Jista' jgħid kemm inħolqu karigi ġodda matul l-2004 u l-2005 mill-karigi ta' captain 'il fuq u minn min imtlew dawn il-karigi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Labour supply

Question

Jista' il-Prim Ministru, jekk jogħġbu, iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari li għamilt lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, bħala ministru responsabbli mill-ETC, dwar l-istatistika fuq labour supply, unemployed u part-time employed, fis-sens li tiġi kjarifikata kif jinfilzaw irwieħhom f'din id-data l-istatistika dwar il-part-time? Qed nagħmel ukoll din il-mistoqsija lilek għax id-data imsemmija ġiet imdaħħla bħala parti integrali ta' l-Economic Survey għas-sena 2005 ippubblikat ma' l-aħħar budget?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni maħruġa mill-ETC kif tiġi ppubblikata mill-NSO, tinkludi tabelli separati għall-persuni li qed jaħdmu full-time u persuni li qed jaħdmu part-time. Għall-fini ta’ kull news release li tinkludi data maħruġa mill-ETC, labour supply tfisser persuni li jaħdmu full-time magħdudin ma’ persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol taħt Part 1 u Part 2. Għaldaqshekk persuni li jaħdmu part-time mhumiex inklużi mal-labour supply fejn tidħol data li għandha x’taqsam ma’ l-ETC.

Bank Ċentrali

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15925 u jispjega għaliex bejn l-2001 u l-2005 id-dħul tal-gvern mill-bank ċentrali naqas minn Lm26 miljun fis-sena 2001 għal Lm14 miljun (revised estimate) 2005 u għal Lm10 miljun fis-sena 2006, u dan meta r-riżervi tal-bank ċentrali żdiedu bi kważi Lm200 miljun bejn l-2001 u l-2005? X'kien l-effett fuq il-qligħ tal-bank ċentrali meta l-bank qaleb ir-riżervi kollha fil-euro? Kemm swietlu lill-bank ċentrali x-xiri ta' dollaru (losses jew qligħ) matul is-sena 2005 wara li r-riżervi ġew kollha konvertiti f'euro?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li r-riżervi barranin tal-Bank Ċentrali ta’ Malta telgħu minn medja ta’ Lm632 miljun għal medja ta’ Lm802 miljun fl-2005, jiġifieri żieda medja t’ Lm170 miljun. Madankollu ta’ min jispjega li, filwaqt li fl-2001 l-imgħax medju fuq dawn ir-riżervi kien ta’ 5.2%, fl-2005 dan ser ikun biss ta’ madwar 3.1%. Dan kellu effett dirett fuq id-dħul gross tal-Bank li kien jammonta għal Lm38 miljun fl-2001 u li hu stmat li ser jaqa’ għal Lm20 miljun fl-2005. Id-differenza bejn id-dħul tal-Bank u l-ammonti mgħoddija lill-Gvern tirrapreżenta n-nefqa amministrattiva tal-Bank kif ukoll in-nefqa fuq imgħaxijiet imħallsa fuq depożiti miżmuma mal-Bank mill-Gvern u mill-banek. Fl-2001 in-nefqa totali tal-Bank kienet viċin it-Lm12 miljun filwaqt li fl-2005 din hi stmata li ser tkun madwar Lm10 miljun. Il-Bank Ċentrali ta’ Malta la xtara u lanqas biegħ dollari Amerikani sabiex jaġġusta r-riżervi tiegħu biex jirriflettu l-ippeġġjar totali ma’ l-Euro. Il-Bank għadu jżomm madwar 10% tar-riżervi tiegħu f’dollari Amerikani u 20% fl-iSterlina – madankollu dawn il-pożizzjonijiet jinsabu ħħeġġjati kontra l-Euro.