Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #14688 Sitting 258 2015-05-04 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunċert tal-MTV – inkonvenjenzi lir-residenti tal-Furjana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk din is-sena l-Gvern hux se jikkunsidra li jikkumpensa, permezz ta’ inizjattivi immirati lejn il-komunità Furjaniża, lir-residenti tal-Furjana għall-inkonvenjent li joħolqilhom il-kunċert tal-MTV fil-Furjana?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tinsab f’taħdidiet mal-Kunsill Lokali tal-Furjana fuq propju dan li qiegħed jiġi mistoqsi mill-Onor. Interpellant. Il-Kunsill Lokali tal-Furjana qiegħed jiġi mitlub jipproponi proġetti li jistgħu jitwettqu ġewwa l-lokalità bl-għajnuna tas-segment tal-proġetti fi ħdan l-istess Awtorità. Tajjeb insemmu li dan il-kunċert jinsab fid-disa’ sena tiegħu u fis-sitt edizzjonijiet li seħħew taħt l-amministrazzjoni preċedenti, l-ebda inizjattiva ma ttieħdet u/jew twettqet, biex propju jiġu kumpensati r-residenti tal-Furjana għall-inkonvenjent li jinħoloq. Il-Pjan hu li dawn il-proġetti jkunu jistgħu jitwettqu fuq perjodu ta’ sentejn.
Leg 12 PQ #15562 Sitting 258 2015-05-04 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS – ċerimonja ta’ gradwazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex numru ta’ studenti li spiċċaw l-istudji fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi għad ma kellhomx iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni u dan meta saret ċerimonja għal studenti oħra x-xahar li għadda?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi saret fit-13 ta’ April 2015.
Leg 12 PQ #15634 Sitting 258 2015-05-04 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – San Pawl il-Baħar – Belveder

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefaq il-Ministeru tiegħu permezz tal-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta fuq il-Belveder li sar San Pawl l-Baħar u ġie inawgurat qabel l-elezzjoni preċedenti tal-Kunsill taħt amministrazzjoni nazzjonalista?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fl-2011, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu wettqet proġett li kien jikkonsisti f’upgrading tal-promenade fi Triq San Publiju, Triq San Franġisk, Triq San Ġilardu u Triq il-Knisja ġewwa San Pawl il-Bahar. Dan ix-xogħol kien jinvolvi toroq u bankini ġodda, dawl, bankijiet u gallarija tal-ħadid ta’ 80 metru li tagħti għal fuq id-Daħla tal-Għażżelin. Dan il-proġett sar b’investiment ta’ madwar €1.4 miljun u kien ko-finanzjat mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropeja taħt il-proġett ERDF 033, Tourism Zone Upgrade with Landcaped Urban Spaces and Other Facilities .
Leg 12 PQ #15682 Sitting 258 2015-05-04 Oral · Final From: ETIENNE GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta – driver/loader — pagi

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew jiċċara jekk driver/loader u driver mal-Air Malta fis-snin tmenin u disgħin kinux jingħataw l-istess paga jew jaqgħux taħt l-istess kategorija għall-fini ta’ paga?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont il-ftehim kollettiv iffirmat mal-Union li tirrappreżenta din il-kategorija ta’ ħaddiema, fis-snin imsemmijja ma kienx kemm kategorija ta’ driver biss iżda kien hemm il-kategorija ta’ driver/loader.
Leg 12 PQ #15790 Sitting 258 2015-05-04 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta –ħaddiema li telqu wara li bbenefikaw minn skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ħaddiema li telqu mill-kumpanija Air Malta permezz ta’xi skema offruta lilhom mill-istess kumpanija humiex intitolati għal arretrati dovuti lilhom li jmorru lura għall-2004, liema arretrati kienu mwiegħda lilhom u li jidher li ngħataw biss lil dawk li għadhom jaħdmu mal-kumpanija?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-uniċi skemi offruti lill-ħaddiema tal-Air Malta, kienu dawk imwaqqfa mill-Gvern preċedenti. Madanakollu, l-Grievances Unit responsabbli mill-Air Malta mwaqqfa ftit xhur ilu qiegħda preżentament tisma’ każijiet imressqa quddiemha biex tara jekk l-ilmenti tal-persuni konċernati f’din il-kwistjoni humiex ġustifikati.
Leg 12 PQ #15369 Sitting 256 2015-04-01 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – Persons of Trust

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14789 u jgħid kemm kien hemm impjegati bħala persons of trust fil-Ministeru u fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b’sena, matul l-2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012? Jista’ jgħid, wieħed wieħed, min kienu dawn il-persuni u x’pożizzjoni kienu jokkupaw; kemm kien is-salarju annwali tagħhom; x’kienet l-ispiża, sena b’sena, fuq il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera), u x’kienet, sena b’sena, l-ispiża fuq safar tagħhom?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuni li ġew ingaġġati fuq position of trust matul is-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 fl-entitajiet, dipartimenti, fondazzjonijiet, aġenziji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għat-Turiżmu huma kif elenkati fit-Tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din it-Tabella qed tinkludi wieħed, wieħed il-pożizzjonijiet tal-persuni ngaġġati, id-data tal-ingaġġ, kif ukoll il-grad ta’ kull persuna li fih ġie ingaġġat fis-Servizz Pubbliku. Dawn l-impjegati ġew ingaġġati matul is-snin fuq position of trust mal-White Rocks Holiday Complex b’kuntratti definiti mingħajr ma kienet ħarġet Sejħa għall-Applikazzjoni u għaldaqstant ma sar l-ebda proċess ta’ għażla biex dawn l-impjegati setgħu jiġu magħżula biex jokkupaw il-positijiet vakanti. Dan minkejja l-fatt li l-postijiet tax-xogħol li okkupaw dawn l-impjegati ma kienx jirrikjedi ħiliet speċjalizzati għaliex kienu mpjiegi ta’ skrivani, cleaners, messaġġiera, storekeepers, receptionists jew watchmen. Sussegwentement, fis-27 ta’ Settembru, 2011, dawn l-impjegati kienu ngħataw kuntratt indefinit fis-Servizz Pubbliku mingħajr ma ħarget Sejħa għall-Applikazzjoni u mingħajr ma sar l-ebda proċess ta’ għażla. Dan minkejja li paragrafu: 1.1.6 tal-Public Service Management Code (PSMC) jistipula li l-Kap tad-Dipartiment għandu/għandha toħroġ Sejħa għall-Applikazzjoni. Ta’ min wieħed jirrimarka li 39% tal-impjegati (jekk teskludi l-impjegati akkademiċi) ġewwa l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) ġew ingaġġati mal-Gvern mingħajr qatt ma ħarget Sejħa għall-Applikazzjoni u mingħajr ma sar l-ebda proċess ta’ għazla biex dawn l-impjegati jiġu magħżula.
Leg 12 PQ #15014 Sitting 255 2015-03-25 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – Positions of trust

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14774 u jgħid liema kienu l-positions of trust li kien hemm fi ħdan l-Ministeru tiegħu u fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b’sena, mill-2004 sal-2012?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #15313 Sitting 254 2015-03-24 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14273 u jgħid kemm għandu impjegati bħala persons of trust fil-Ministeru u fid-dekasteru tiegħu? Min huma u x’pożizzjoni għandhom? Kemm huma s-salarju annwali, il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera) u l-ispiża fuq safar tagħhom, u għalhekk jgħid x’inhi n-nefqa globali f’sena għal kull wieħed minn dawn il-persuni impjegati bħala person of trust?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14946 datata 11 ta’ Marzu 2015.
Leg 12 PQ #15465 Sitting 254 2015-03-24 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA — uffiċċji

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-uffiċċji tal-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu se jiġu rilokati? Jekk iva, jista’ jgħid meta ser isir dan, u fejn ser ikunu l-uffiċini l-ġodda?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġja’ ingħad pubblikament mill-Gvern li l-uffiċċju tal- Awtorità Maltija għat-Turiżmu ser jiġu rilokati. Il-Gvern ġja’ iddikjara li għandu pjanijiet oħra għall-edifiċċju tal-Auberge d’Italie in linea mal-inizjattivi li l-Gvern qed jieħu għall-Belt Valletta. L-MTA ħarġet l-espressjoni ta’ interess sabiex issib uffiċini ġodda.
Leg 12 PQ #15466 Sitting 254 2015-03-24 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Airmalta – cashflow

Question

Peress illi qiegħed jingħad illi l-Airmalta għandha diffikultà ta’ cashflow u anka jista’ jkun li qed taħseb biex tnaqqas il-flotta tagħha, jista’ l-Ministru jgħid eżattament x’inhi s-sitwazzjoni?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Jien ċert li l-Onorevoli Nterpellant, li ġej mill-qasam tan-negozju, jifhem li meta kumpanija tal-ajru tgħaddi minn proċess ta’ ristrutturar, dan iġib sfidi kbar mhux biss fuq il-cashflow u l-effiċjenza tal-flotta, imma fuq kull parti tan-negozju tagħha. Pero’, nserraħ ras l-Onorevoli Interpellant li s-sitwazzjoni hija eżattament dik li ilna ngħidu f'dawn l-aħħar xhur, fkull PQ li għamel hu u l-kollegi tiegħu ta’ l-Oppozizjoni. Jiġifieri hija sitwazzjoni ta’ kumpanija li fil-passat għamlet snin twal f’letarġija, bla strategija u tant kienet f'sitwazzjoni ħażina li spiċċat kellha tidħol f' Restructuring Plan mal-Unjoni Ewropeja. Illum is-sitwazzjoni hija ta kumpanija li waslet fl-ahhar sena ta' l-imsemmi Restructuring Plan u bil-management tal-Air Malta u l-Gvern, bħala shareholder, kommessi li l-Airline ssir kommerċjalment vijabbli sa l-2016.
Leg 12 PQ #15401 Sitting 253 2015-03-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Titjiriet sussidjati fi żmien l-Elezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex it-titjiriet sussidjati għal dawk li jridu jivvotaw fl-elezzjonijiet tal-11 ta’ April 2015 qed jiġu offurti bi prezz ta’ €70 meta fl-aħħar elezzjonijiet dawn dejjem ġew offruti bi prezz ta’ €35? Min ħa din id-deċiżjoni?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-deċizjoni li l-press ikun €70 kienet ibbażata fuq il-prezzijiet attwali li hawn bħalissa fis-settur u fuq il-prinċipju li kemm jista’ jkun il-prezz għandu jkun attrajenti, ħalli jinkoraġġixxi li n-nies jipparteċipaw u jiġu Malta ħalli jivvutaw. Dan hu l-iskop aħħari ta’ tali skema. Bil-prezz ta’ €70 dan il-għan qiegħed jintlaħaq tant li n-numri ta’ dawk li diġà bbukkjaw huwa diġà aktar minn appuntamenti elettorali preċedenti.
Leg 12 PQ #15402 Sitting 253 2015-03-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Titjiriet sussidjati fi żmien l-Elezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għall-elezzjonijiet tal-11 ta’ April 2015 mhux se ssir titjira tal-Air Malta mil-Lussemburgu biex tkun ta’ servizz għan-numru ta’ Maltin li jaħdmu f’dan il-pajjiż u dan meta fl-aħħar elezzjonijiet dejjem ġie pprovdut dan is-servizz?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant l-Air Malta ser tagħti dan is-servizz minn flights li huma fix-schedule eżistenti tagħha. Għalhekk, għalkemm min jgħix il-Lussemburgu ma jistax itir lejn Malta minn dan il-pajjiz għax titjiriet mil-Lussemburgu bħalisssa mhux qiegħdin fis-schedule tal-Air Malta, għandu opzjonijiet differenti kif jiġi Malta minn bosta schedule flights li toffri l-istess Air Malta minn ajruporti li qiegħdin f'pajjizi oħra. Għalhekk m’hemm l-ebda ostaklu biex dak li jkun jipprevalixxi ruħu minn tali skema u jigi jeserċita l-jedd tiegħu tal-vot. Tant hu hekk li n-numri ta’ dawk li ġja’ ibbukkjaw huwa ġja’ aktar minn appuntamenti elettorali preċedenti.
Leg 12 PQ #14819 Sitting 252 2015-03-18 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – xogħol mogħti lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, mill-Ministeru u mid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2011 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, bejn Jannar 2011 u Marzu 2013, ma ngħata l-ebda xogħol mill-ebda entita’ li taqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru għat-Turiżmu lill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jinagħtaw separatament.
Leg 12 PQ #15334 Sitting 252 2015-03-18 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA — attivitajiet matul is-sajf

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jew l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu hux se jwettqu xi programm partikolari ta' attivitajiet matul is-sajf li ġej? Jekk iva, x'inhu dan il-programm?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Wara assenza mill-2012, fil-ġimghat li għaddew, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu nehdiet pubblikazzjoni li fiha tiġbor il-kalendarju tal-avvenimenti. Din il-pubblikazzjoni li tinsab ukoll "online" fuq is-sit visitmalta.com u li tant kien hemm domanda għaliha mill-operaturi turistiċi, tiġbor fiha mhux biss dawk l-avvenimenti li jaqgħu fix-xhur tas-Sajf iżda wkoll ta' sena sħiħa. Il-pubblikazzjoni bil-programm tal-avvenimenti ġie mniedi wkoll waqt l-aħħar fiera ta' ITB f'Berlin fil-Ġermanja, fejn kien hemm rispons pożittiv ħafna. Il-Ministeru u l-Awtorita’ qiegħdin jikkoordinaw u jiġu nvoluti f'ħidma ma' entitajiet oħra, bħal Ministeru għall-Kultura, Kunsill tal-Arti, Valletta 2018, Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, żagħżagħ u Sport, u s-settur Privat, sabiex titnaqqas il-frammentazzjoni li matul iż-żminijiet urew li kienet qiegħda tnaqqas il-kwalita’ u jittellgħu aktar avvenimenti u programmi ta' livell għoli. Għalkemm l-Awtorita hija nvoluta f'avvenimenti li jaqgħu fix-xhur tas-Sajf, kif wieħed jista’ jara fil-pubblikazzjoni, qiegħdin niffukaw aktar biex nikkrejaw, nattiraw u nappoġġjaw aktar programmi t'avvenimenti fix-xhur tax-Xitwa. L-Awtorita’ qiegħda wkoll taħdem biex l-attivitajiet li jitolbu għajnuna, jkollhom pjan fuq ta' lanqas tlett snin. Ma jkunx jagħmel sens jekk naħlu l-enerġija u r-riżorsi tagħna fis-Sajf, meta propju f'pajji¿na jkun għaddejjin ħafna attivitajiet u meta n-numri issa ilhom għal diversi snin tajbin ħafna. Il-pubblikazzjoni tal-programm għas-sena 2016 diġa’ beda jinħadem u l-pjan hu li jigi mniedi lejn Ottubru 2015, sabiex ikun jista’ jiġi distribwit waqt fieri internazzjonali u jsir il-marketing meħtieġ.
Leg 12 PQ #14618 Sitting 251 2015-03-17 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu –konsulenzi mqabbda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ assignments u/jew kummissjonijiet għal konsulenzi, rapporti, studji u eżerċizzji oħra simili li tqabbdu mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, minn Marzu 2013 sa Diċembru 2014? F’kull każ jista’ jgħid: (a) x’kien l-iskop tax-xogħol imqabbad; (b) meta tqabbad; (ċ) kemm sewa jew se jiswa; (d) kif intgħażel il-kuntrattur; (e) min għażel il-kuntrattur; u (f) meta tlesta x-xogħol jew se jitlesta?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-lista ta’ assignments u/jew kummissjonijiet għal konsulenzi, rapporti, studji u eżerċizzji oħra simili li tqabbdu mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, minn Marzu 2013 sa Diċembru 2014, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #14619 Sitting 251 2015-03-17 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu –pagamenti mħallsa

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ pagamenti ta’ aktar minn €2,000 li saru matul is-sena 2014 mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet li jaqgħu fd-dekasteru tiegħu, u għal kull każ jgħid: (a) id-data meta sar il-pagament; (b) min irċieva l-pagament; (ċ) għal xiex tħallas il-pagament; (d) min approva l-ispiża; u (e) il-pagament kienx qed isir wara li min tħallas kien rebaħ tender jew intgħażilx b’mod dirett?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Billi t-tweġiba għat-tali domanda tirrikjedi bosta xogħol preparatorju, ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tali informazzjoni kompleta u hekk kif rikjesta għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #15289 Sitting 251 2015-03-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Għawdex — lukandi liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm lukandi liċenzjati f'Għawdex? Ta' liema kategorija huma dawn il-lukandi? kemm hu n-numru ta' sodod f'kull kategorija?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi in-numru ta’ lukandi liċenzjati f’Ghawdex, il-kategorija ta’ dawn il-lukandi, kif ukoll in-numru ta’ sodod f’kull ketegorija huma elenkati fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #14612 Sitting 250 2015-03-16 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS – management accounts

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-management accounts tal-Institute of Tourism Studies ( ITS) għax-xahar ta’ Diċembru 2014?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva u għalhekk tali informazzjoni ma tistax tingħata, kif del resto kienet il-prassi taħt l-amministrazzjoni preċedenti.
Leg 12 PQ #14613 Sitting 250 2015-03-16 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta – programm ta’ ristrutturar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ fiex wasal il-programm ta’ ristrutturar tal-Air Malta?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-rendikont tal-progress fil-Pjan ta’ Ristrutturar tal-Air Malta qiegħed jingħata regolarment lill-Kummissjoni Ewropeja illi tikkunsidra din il-kommunikazzjoni bħala waħda sensittiva. Irid jiġi aċċennat iżda, illi l-Pjan ta’ Ristrutturar qed jiġi segwit b’reqqa aktar minn qatt u deċiżjonijieet li l-kumpanija qiegħda tieħu bħal ma huma l-bejgħ ta’ sussidjarji tagħha, bidliet fis-servizz tal-ikel inflight, reviżjoni ta’ ċerti kuntratti kif ukoll kambjamenti interni fl-istrutturi tal-kumpanija huma lkoll deċiżjonijiet li l-Air Malta kostretta timplimenta bi l-għan li l-kumpanija tilħaq il-miri finanzjarji tagħha sa Marzu 2016. Li żgur m’hux ser jagħmel il-Ministru hu li joqgħod jipposponi deċiżjonijiet li messha ħadet l-Air Malta fis-snin elfejn taħt Ministri differenti, li jaf ben tajjeb dwarhom l-Onorevoli Interpellant, sabiex imbaghad l-Air Malta waslet f’sitwazzjoni tant ħazina li l-Amministrazzjoni preċedenti kellha tidħol fi ftehim u fi proċess ta’ ristrutturar mal-Kummissjoni Ewropeja.
Leg 12 PQ #14614 Sitting 250 2015-03-16 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – ingaġġ ta’ impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati impjegati (full-time jew part-time) minn barra s-settur pubbliku fil-Ministeru tiegħu u fl-entitatjiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, bejn April 2013 u Diċembru 2014 u jagħti l-informazzjoni entità b’entità u għal kull entità, jaqsam l-informazzjoni skont il-gradi li fihom ġew impjegati?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.