Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġett nazzjonali kontra l-għargħar – ġbir ta’ ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il metru kubu ilma ser jinġabar permezz tal-proġett nazzjonali kontra l-għargħar, liema ilma qabel kien jintilef?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa kkalkulat li l-proġett ser ikollu l-potenzjal li jiġbor madwar 300,000 metru kubu ta’ ilma tax-xita.

Proġett nazzjonali kontra l-għargħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta x-xogħol fuq il-proġett nazzjonali kontra l-għargħar ser jiġi konkluż? Jikkonferma li parti mid-dewmien ta’ dan il-proġett ġie kkaġunat mill-problemi li nstabu fis-sistema tad-drenaġġ ġewwa Ħal Lija, liema problemi kien ilhom jeżistu snin imma dejjem tħallew fuq l-ixkaffa mill-Gvern preċedenti ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa stmat li x-xogħol kollu fuq il-proġett jitlesta’ għall-bidu ta’ Diċembru li ġej. Irrid inżid li l-komponenti ta’ Ħaż-Żebbuġ, Ħal-Qormi, Ħaż-Żabbar-Marsascala, u Gżira diġa tlestew. Ix-xogħol li fadal hu fuq il-komponent ta’ B’Kara-Msida li kellu ikun lest matul is-sajf li għadda iżda li fuqu kien hemm dewmien minħabba fost affarijiet oħra problemi li nstabu fis-sistema tad-drenaġġ ġewwa Ħal Lija li wara li ħadna azzjoni biex tinfetaħ it-triq sibna li din il-problema kienet ilha teżisti.

Birkirkara — Proġett nazzjonali kontra l-għargħar

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fir-rigward tal-proġett nazzjonali kontra l-għargħar, fiż-żona ta’ Birkirkara, il-pjanti sarilhom xi tibdil peress li skont id-disinn oriġinali, il-proġett ma kienx ser ilaħħaq mal-problema tal-għargħar fiż-żona?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-pjanti tal-komponent ta’ Birkirkara sar tibdil billi l-aħħar parti tal-mina ta’ madwar 1.3 km giet imkabbra biex tkun tista’ tlaħħaq ma maltempati ta’ intensita’ akbar milli kienet iddisinjata għalihom fil-pjanti oriġinali. Saru wkoll żewġ culverts kbar li ma kienux parti mill-pjan oriġinali waħda fl-Iklin biex tilqa’ l-ilma li jinżel min-Naxxar u jaqa’ fuq l-Iklin u wara fuq Birkirkara u culvert oħra fi Triq il-Mitħna li tilqa’ l-ilma li parti minnu kien jaqleb għal Triq in-Naxxar Birkirkara.

Żoni turistiċi – għajnuna lill-kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’għajnuna qed tingħata lill-kunsilli lokali li jaqgħu fl-hekk imsejħin Żoni Turistiċi fir-rigward ta’ indafa? Jista’ jispjega kif qed jiġu implimentati l-frekwenzi ta’ tindif f’dawn iż-żoni? Jista’ jikkwantifika din l-għajnuna kemm qegħda tiswa finanzjarjament lil kull lokalità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Direttorat għat-Tindif – Ilmenti reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati lmenti fid-Direttorat għat-Tindif minn meta ġiet introdotta l-kampanja edukattiva “Għalfejn Tħammeġ Pajjiżek”? Jista’ jgħid kemm kien hemmilmenti fis-sena 2014 u fis-sena 2015 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti mid-Direttorat għat-Tindif, minn kunsilli lokali jew xi entitajiet oħrajn?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kampanja “ Għalfejn Tħammeġ Pajjiżek?” ġiet introdotta f’Lulju 2014. Minn dak iż-żmien sal-lum ġew reġistrati 3069 lmenti. Li 1785 minnhom saru fil-2014 u 1284 fl-2015. Dawn ġew solvuti kif ġej: Sena Direttorat għat-Tindif Kunsilli Lokali Entitajiet oħra Pendenti Total 2014 1571 175 39 - 1785 2015 1078 131 37 38 1284 Total 2649 306 76 38 3069

Ħasil ta’ żoni pedonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk iż-żoni pedonali li matul ix-xhur tas-sajf isir ħasil tagħhom b’apparat, kif ukoll liema huma dawk iż-żoni, jekk isiru, li dan il-ħasil jibqa jsir matul ix-xhur tax-xitwa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żoni pedonali li jsir ħasil fihom matul ix-xhur tas-Sajf u tax-Xitwa huwa kif ġej: Lokalita’ Sajf Xitwa San Pawl il-Baħar – Buġibba, Qawra iva iva San Ġiljan - Paceville iva iva Sliema iva le Valletta – Ċentru Kummerċjali iva iva Valletta – Bus Terminus iva iva Valletta – Pjazza Kastilja iva iva Valletta – Pjazza San Ġorġ iva iva Mdina iva le Bormla iva le Isla iva le Birgu iva le Qrendi – Wied iż-Żurrieq iva le Marsaxlokk iva iva Marsaskala iva le Birżebbuġa iva le Gżira iva le Ta’ Xbiex iva le

Port taċ-Ċirkewwa — tabelli biex ma jipparkjawx

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma hemm l-ebda tabelli li juru li wieħed ma jistax jipparkja fuq il-moll tan-naħa ta' wara tal-Port taċ-Ċirkewwa (South Quarry)? Jista' jara li jsiru dawn it-tabelli biex jiġi assigurat li ma jiġrux inċidenti oħra bħal dawk li ġraw nhar il-Ħadd 20 ta' Settembru 2015 meta numru ta' karozzi nġarru l-baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żona taċ-Ċirkewwa South Quay tintuża bħala parkeġġ kif ukoll min-nies li jmorru ħdejn il-moll għal rikreazzjoni. Huwa magħruf li, skont id-direzzjoni tar-riħ, meta jkun il-maltemp is-South Quay mhux post li jitħallew karozzi. Madanakollu Transport Malta se tevalwa x’miżuri jistgħu jittieħdu.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – servizz ta’ kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, inkluż id-dipartmenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, għamlux użu u/jew qegħdin jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista’ jgħid jekk dan is-servizz ingħatax b’tender, b’direct order jew b’kwotazzjoni? Jista’ jgħid kemm-il quote jew direct order inħarġu f’dan il-perjodu u jgħid kemm kien il-valur ta’ kull quote jew direct order inkluż liema dipartiment jew entità talbet dawn il-quotes jew ħarġet dawn id-direct orders? Jista’ jgħid kemm huwa l-ammont komplessiv li tħallas s’issa u kemm għad fadal biex jitħallas?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumanija li d-dettalji qed jingħataw separatament ingħatat b’ kemm jiswew €38,119.24 f’ xogħol relatati ma’ proġetti nazzjonali kif ukoll €10,959.60 relatati mal-uffiċini l-ġodda ta’ Transport Malta.

Xatt tal-Imsida – bus lane — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kuntrattur li għamel il-bus lane fix-Xatt tal-Imsida quddiem Triq il-Baċir (fuq in-naħa tal-baħar) ġiex mitlub biex jirranġa’ x-xogħol li kien sar minnu ftit ġimgħat ilu biss, peress li huwa evidenti li l-materjal applikat diġà inqala?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sit imsemmi hemm xi nuqqasijiet fil-kwalita’ ta’ xogħol li sar u li Transport Malta qiegħda ssegwi flimkien mal-kuntrattur u d-Dipartiment tal-Kuntratti.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – konsulenti u persuni f’position of trust

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet tal-konsulenti u tal-persuni f’position of trust li tqabbdu mal-Ministru jew minn dipartiment u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 ta’ Marzu 2013 sat-30 ta’ Settembru 2015? Jista’ jgħid x’inhu s-salarju tagħhom u x’perkaċċi għandhom? Jista’ jgħid x’inhu t-terms of reference ta’ kull konsulent?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġibiet mgħotija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 14947, 15740 , 16183 u 17744.

Transport Malta – Assistant Enforcement Officers — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati Assistant Enforcement Officers ma’ Transport Malta mit-8 ta’ Marzu 2013 sat-30 ta’ Settembru 2015? Jista’ jgħid mil-liema lokalità huma?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn it-8 ta’ Marzu 2013 u t-30 ta’ Settembru 2015 ġew impjegati 25 Assistant Enforcement Officers ma’ Transport Malta, mill-lokalitajiet ta’ Bormla, Fgura, Kalkara, Mosta, Pieta’, Qormi, Isla, San Pawl il-Baħar, Ta’ Xbiex, Valletta, Ħaż-Żabbar u Żebbuġ Malta.

Parkeġġi f’Malta u Għawdex — proposti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li tiġi finalizzata l-proposta dwar il-parkeġġi f’Malta u Għawdex? Fiex waslu d-diskussjonijiet interministerjali li kellhom issiru dwar dan? Meta ltaqa’ l-aħħar darba l-istess kumitat interministerjali u kemm-il darba ltaqa’ dan il-kumitat matul din is-sena?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 17838, fejn intqal li din il-policy ser tigi finalizzata wara li jitlestew id-diskussjonijiet neċessarji, titnieda s-sistema l-ġdida tar-rotot tat-trasport pubbliku u jerġgħu jsiru l-istudji neċessarji sabiex jiġi moniterat it-tibdil fis-sistema tat-traffiku li jirriżulta mit-tnedija tar-riforma. Id-diskussjonijiet Interministerjali qed isiru kif meħtieġ. Il-Kumitat Interministerjal ltaqa’ l-aħħar fl-ewwel ġimgħa t'Ottubru u din kienet is-sitt laqgħa Interministerjali li saret.

Transport Malta – spezzjonijiet fuq xogħol li sar mill-Kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta, Transport Malta tagħmel spezzjonijiet fuq xogħol li jkun sar mill-Kunsill Lokali? Meta qed jingħad li l-kuntratturi li jwettqu x-xogħol huma responsabbli mill-istess xogħol għall-perjodu ta’ żmien fiss, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-istess kunsilli lokali humiex obbligati li jimponu dawn il-kundizzjonijiet fuq il-kuntratturi li jkollhom iwettqu dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond L.S. 499.57 Taqsima 2 Artiklu 3. (1) – “L-Awtorità għandha tipprovdi, jew hi stess jew permezz ta’ impriża, u fejn ikun adatt b’konsultazzjoni mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, għall-kostruzzjoni, kostruzzjoni mill-ġdid, twessiegħ, tiġdid, manteniment, titjib, immaniġġjar, manutenzjoni u klassifikazzjoni ta’ toroq: Iżda fejn triq la tkun triq arterjali lanqas triq distributorja, il-manteniment, it-titjib u l-manutenzjoni tagħha għandu jipprovdi għalihom il-Kunsill Lokali adatt skont l-artikolu 33 tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali.” In oltre, skont l-istess liġi Taqsima 2 Artiklu 7.(1) tgħid li “Kull min ikun qiegħed jiddisinja jew jibni jew jagħmel xi manutenzjoni jew xogħlijiet oħra f ’xi triq għandu jħares l-Istandards dwar Xogħlijiet fit-Triq li ġejjin:…..” fejn tingħata lista tar-rekwiżiti meħtieġa minn kull min ikun qed iwettaq xogħlijiet fit-toroq. Għalqdstant kull Kunsill Lokali li jagħmel kwalunkwe xogħol ta’ toroq huwa responsabbli li josserva l-liġi kurrenti. Rigward ir-responsabbilta’ tal-kuntrattur għal tul ta’ żmien, jidħol in-mertu in-natura u il-karatteristiċi tal-appalt li jkun sar meta jkun ġie assenjat ix-xogħol li jista’ jvarja skont it-tip ta’ proġett. In oltre il-kuntrattur jibqa’ marbut b'sentejn garanzija hekk kif indikat fir-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 18802 u hekk kif stipulat fil-L.S.499.57 għal xogħlijiet fit-toroq.

Transport Malta – tiswijiet fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma hiex marbuta li twettaq ix-xogħol ta’ tiswija fit-toroq fejn din l-istess korporazzjoni tagħmel xogħol li jirriżulta fi tħaffir fl-istess toroq? Jista’ jagħti tagħrif dwar kif inhu l-arranġament li permezz tiegħu Transport Malta tkun taf li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma wettqet xogħol ta’ tħaffir f’xi triq partikolari? Billi hu spiss ħafna li x-xogħol imwettaq bħala tiswija mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jinqala ftit wara li jsir, x’passi oħra jittieħdu biex il-ħsarat jiġu msewwija permanentament?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal kull intervent li jinkludi xogħlijiet ta’ tħaffir, “il-kuntrattur (f’dan il-każ il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma) huwa meħtieġ li jirrestawra t-triq” wara li jsiru x-xogħlijiet u dan abbażi ta’ Regolament 33 tal-L.S.499.57. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha obbligu legali li għal kull intervent li jsir fit-triq, isir permess skont kif indikat taħt Regolament 25 tal-L.S.499.57. Fil-każ ta’ xogħlijiet maġġuri l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tgħaddi mill-proċess ta’ konsultazzjoni u spezzjonijiet kemm waqt it-twettieq tax-xogħlijiet kif ukoll spezzjonijiet ta’ moniteraġġ viswali matul is-sentejn garanzija kif stipulat fir-regolament 34 tal-L.S. 499.57. Fil-każ ta’ xoghlijiet ta’ servizzi ta' house connections u tiswijiet relatati, ħsarat li jiġu rrappurtati lil Transport Malta jkunu spezzjonati u jekk jirriżulta li x-xogħlijiet li saru m’humiex ta’ livell aċċettabli u/jew ikunu fallew, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tiġi nfurmata sabiex twettaq xogħol ta’ rimedju fi żmien stipulat.

Parroċċa tal-Gudja – xogħlijiet fuq zuntier

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol fuq iz-zuntier tal-Parroċċa tal-Gudja u meta hu mistenni li jitlesta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol taz-zuntier tal-Parroċċa tal-Gudja nbeda f’Novembru li għadda u għandu jitlesta f’Novembru li ġej.

Il-Gudja – Triq il-Lewż — asfaltar

Question

Jista’ l-Ministru jara l-problema ta’ asfalt ta’ Triq il-Lewż il-Gudja peress li parti minnha saret u l-parti l-oħra ġiet abbandunata? Jista’ jgħid meta se jitkompla x-xogħol fuqha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni hija fuq il-lista ta’ toroq li jridu jinbnew minn Transport Malta, madanakollu din it-triq għadha ma ġietx żviluppata mill-iżviluppaturi skont l-obligi tagħhom.

Il-Fgura – Pjazza Rjali — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fejn, flimkien mar-residenti ta’ Pjazza Rjali fil-Fgura qed jilmentaw biex tingħata tarmak?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm bżonn isir ta’ ebda espropji minn naħa ta’ Transport Malta. Mill-informazzjoni li għandna, din il-medda ta’ art hija privata u kienet ġiet iffurmata rampa minn terżi skont l-obbligi tagħhom. Jidher li din ir-rampa fil-fatt ġiet iffurmata fl-istess perjodu meta l-bini ġie żviluppat għalkemm jidher ukoll li l-formazzjoni mhuiex skont il-livelli stabbiliti mill-MEPA. Transport Malta tasfalta t-toroq residenzjali għall-ewwel darba meta dawn ikunu iffurmati skont il-linji u l-livelli tal-MEPA, kif ukoll skont il-prijoritajiet u l-fondi disponibli.

Birżebbuġa — Pitch tal-waterpolo - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-pitch tal-waterpolo f’Birżebbuġa, wara li dan l-aħħar intqal li qed isiru xi testijiet fl-istruttura u fl-apparat? X’irriżulta minn dawn it-testijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-testijiet fuq l-istruttura tlestew u taw riżultati pożittivi. Il-pixxina tbattlet mill-ilma baħar li ntuża biex tiġi ttestjata l-istruttura u ġiet mimlija bl-ilma ħelu. Bħalissa qed jiġu ttestjati l-pompi u l-makkinarju.

Birżebbuġa – grawnd tal-futbol — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-grawnd tal-futbol f’Birżebbuġa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt ix-xogħol fuq il-grawnd tal-futbol f’Birżebbuġa, irrizultaw xi varjazzjonjiet li kienu jinħtieġu l-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Din l-approvazzjoni intalbet u x-xogħol mistenni jaqbad rittmu qawwi fil-ġimgħat li ġejjin biex dan ikun lest sal-aħħar ta’ Marzu tal-2016.

Ta’ Giorni — Kumpless Dun Anton Sciberras

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi s-sitwazzjoni tal-istat tal-kumpless Dun Anton Sciberras f’Ta’ Giorni, peress li l-bandli ilhom żmien biex jitlestew għat-tgawdija tal-familji?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li x-xogħol fl-imsemmi sit tlesta minn ħaddiema tad -Dipartiment tax -Xogħlijiet barra t-twaħħil ta' "play equipment" ġdid li mistenni jasal Malta minn barra sal-aħħar ta' Ottubru u jeħel b'mod immedjat wara li jasal fl-imsemmija data.