Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #23285 Sitting 484 2001-02-02 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Fgura — Asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jgħid Triq tax-Xemx u l-Qamar, li qabel kienet New Street in St. Simon Street, fil-Fgura, hemmx il-ħsieb li jsirilha l-ewwel fażi tat-tarmak?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta diġa mogħtija f`Mistoqsija Parlamentari Nru. 23249 li tapplika wkoll f`dan il-każ.

Għaxaq — Triq Ġużeppi Gavina

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li Triq Ġużeppi Gavina, Ħal Għaxaq tingħata wiċċ peress li ilha aktar minn għaxar snin bla wiċċ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li minn stħarriġ li għamel id-Dipartiment hemm il-bżonn li tinbena sub-station ta' l-Enemalta f'din it-triq, u għalhekk peress li jridu jsiru xogħolijiet ta' trinek ftit estensivi f'din it-triq in konnessjoni mal-bini tas-sub-station it-triq ma tistax tiġi asfaltata għal issa.

Moll tax-Xemxija

Question

Jista' l-Ministru jgħid, fid-dawl tal-aħħar inċidenti kawżati min nirien ta' żewġ opri tal-baħar li ħadu n-nar meta kienu sorġuti mal-moll tax-Xemxija, jinfurmani x'passi ttieħdu sabiex ikun hemm aktar sigurta' mal-moll u sabiex f'każi simili n-nirien ikunu kontrollati malajr ħalli ma jerġax jiġi kkawżat l-istess ammont ta' dannu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-propjetarji ta' bastiment huma fid-dover li abbord ikollhom proċeduri ta' sigurta' fir-rigward ta' open flame gas installation sabiex jipproteġu l-propjeta' tagħhom u ta' oħrajn. L-Awtorita' Marittima qiegħda tieħu ħsieb li fir-reviżżjoni ta' leġislazzjoni dwar dawn it-tipi ta' bastimenti jiġu nklużi salvagwardji iktar riġidi.

Toroq — Asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal it-tfassil ta' pjan u programm għall-asfaltar ta' toroq li kien qed jiġi mħejji mid-dipartiment tat-toroq flimkien mal-kunsilli lokali? B'liema kriterji se jiġu stabbiliti l-prijoritajiet ta' fejn u meta se jsir ix-xogħol meħtieġ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li nġabret il-parti l-kbira ta' l-informazzjoni meħtieġa mingħand il-Kunsilli Lokali dwar it-toroq li għandhom bżonn l-asfalt. Dan għandu jwassal biex id-Dipartiment tat-Toroq jipprepara l-lista tax-xogħolijiet differenti li għandhom isiru, biex din il-lista tiġi diskussa flimkien ma l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

Madliena — Tiswija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġie deċiż meta se jsiru Triq il-Veduta u l-parti ta' fuq ta' Triq il-Markiz J. Scicluna fil-Madliena minħabba t-tbatija li l-istat ħażin tagħhom qed jikkaġuna lir-residenti u lil kull min juża dawn it-toroq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq s'issa għadu mhux f'pożizzjoni li jagħmel dawn it-toroq, għalkemm nista ngħid li l-Kunsill Lokali tas-Swieqi talab diversi drabi li dawn it-toroq jiġu mibnija.

Mosta — Ta' Mliet - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jinformani meta attwalment se jsiru x-xogħlijiet fil-qasam Ta' Mliet, Mosta u mhux li saru l-pjanti? Jista' jgħid għaliex il-kunsill f'seba' snin m'għamel xejn għal dawn ir-residenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirrerferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għad-domanda parlamentari Nru. 22555 fejn m'hemm xejn aktar x'inżid magħha.

Mosta — Triq Barjol - Road contributions

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 22352 u t-tweġiba tal-Ministru dwar ix-xogħlijiet fi Triq Barjol, Mosta ma jħossx li fid-dawl tas-sitwazzjoni li jinsabu fiha r-residenti jagħmel sens li jgħid meta se jibdew u jitlestew ix-xogħlijiet f'din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta għad-domanda parlamentari Nru. 22555 li m'hemm xejn aktar x'inżid magħha.

Imdina — Tiswija ta' Ħajt

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 21749, jista' l-Ministru jikkummenta fuq din il-mistoqsija peress li fit-tweġiba oriġinali hemm riferenza li huwa kompitu tad-dipartiment li jaqa' taħt ir-responsabbilita' tiegħu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jispezzjona t-triq u jara l-ħitan imwaqqa biex jiġi determinat min hu responsabbli tat-tiswija tagħhom.
Leg 9 PQ #23236 Sitting 483 2001-02-02 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Zabbar — Triq il-Baħrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir l-first phase tal-parti minn Triq il-Baħrija eżatt li tinsab bejn it-toroq, Triq il-Kapuċċini u Triq l-Għasel, Żabbar peress li tinsab fi stat ħażin ħafna.

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari Nru. 22719.

Birkirkara — Triq tal-Qattus - toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti struzzjonijiet biex Triq tal-Qattus, Birkirkara, tiġi rranġata billi din it-triq tinsab fi stat ħażin ħafna u qiegħda tkun ta' inkonvenjent għar-residenti u dawk li jużawha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħolijiet fil-lokal qed isiru f` toroq Pawlu Borg Olivier, n/s fi Triq Pawlu Borg Olivier u parti minn Triq Vilhena, u dawn ser jinkludu ukoll Triq tal-Qattus, Triq iż-Żernieq u Triq Ġanni Vella.
Leg 9 PQ #23249 Sitting 483 2001-02-02 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Fgura — Carmel Street - Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir l-ewwel kisja ta' tarmac fi New Street in Carmel Street fil-Fgura, peress li din tinsab perikoluża ħafna għal min joqgħod fiha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat mid-Dipartiment tat-Toroq li bħalissa qed isir xogħol f'Dome Street wara li għadhom kif tlestew xogħolijiet oħra fi Triq San Gwann, Triq l-Iskola u Triq Scicluna. Ix-xogħol fi New Street in Carmel Street isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet tax-xogħol li għandu quddiemu d-Dipartiment.

Attard — Toroq

Question

Billi ħafna bdiewa għandhom bżonn jużaw triq li minn fejn il-Flower Power, H'Attard, tagħti għal ġo Ta' Qali, u billi din iz-zona tinsab fil-konfini tar-responsabbilta' tal-gvern, billi t-tali triq hija imħarbta sew, jista' l-Ministru jara li tiġi rranġata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jispezzjona t-triq u jara x'hemm bżonn li jsir.

Birkirkara — Victory Street

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk u meta huwa pprogrammat li titkompla l-parti ta' fuq ta' Victory Street, Birkirkara, liema triq hija mħarbta fejn tmiss mat-triq tal-bypass (Triq Dun Karm)?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asflatar ta' toroq simili ma' Malta kollha, u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.

Rabat — Għar Barka - Trasport

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani għaliex minkejja li l-parti mill-bankina fi Vjal il-Ħaddiem li tagħti għal triq ta' Għar Barka r-Rabat, twessgħet xhur ilu, it-traspost pubbliku ma ġiex estiż għall-komunita ta' Għar Barka? Jista' jara li jsiru l-arranġamenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s-sidien tal-karozzi tal-linja għadhom qed isibu numru ta' diffikultajiet biex igħaddu minn dawn l-inħawi.

Vapuri taħt il-Bandier Maltija

Question

Jista' l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm vapuri taħt il-bandiera Maltija li għal raġuni jew oħra jinsabu miżmuma f'portijiet barranin? F'liema pajjiżi u għal liema difetti?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Karozzi tal-Linji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax tiġi rimedjata s-sitwazzjoni sabiex karozzi tal-linja kultant ħin jidħlu lura l-Belt minn Triq Sant'Anna matul il-jum għall-kumdita' tar-residenti fil-Floriana?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku qed tikkunsidra il-possibilta' li tibda tintuża rotta 75 sabiex jintlaħaq dan il-għan.

Vapuri reġistrati taħt il-Bandier Maltija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-tunellaġġ ta' vapuri reġistrati taħt il-bandiera Maltija bħalissa? Jista' jgħid kemm ġew reġistrati għall-ewwel darba s-sena li għaddiet? Jista' jgħid kemm tneħħew mir-reġistru marittimu Malti: (a) volontarjament; (b) għax tneħħew mill-Awtorita' Maltija? F'każ ta' (b) għal liema raġunijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta' bastimenti, inklużi pleasure yachts, reġistrati taħt l-Att Dwar il-Bastimenti Merkantili fil-31 ta' Diċembru 2000 kien ta' 3051 b'tunellaġġ gross totali ta' 28,373,386. Matul is-sena 2000 ġew reġistrati 476 il-bastiment b'tunellaġġ gross totali ta' 5,826,062. Matul din l-istess sena 613 il-bastiment ma baqgħux iktar reġistrati. Ir-reġistrazzjoni ta' 270 minn dawn ġiet mitmuma skond l-artiklu 29 ta' l-Att għal raġunijiet diversi li jinkludu nuqqas ta' tiġdid taċ-ċertifikat ta' resġistrazzjoni u nuqqas ta' tħaris tal-providimenti tal-liġi speċjalment għal dak li jirrigwarda l-livelli meħtieġa skond id-diversi konvenzjonijiet internazzjonali.

Qormi — Imdina Road - Culverts

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ix-xogħlijiet ta' storm water culvert li saru s'issa f'Imdina Road, Ħal Qormi hiex ta' standard aċċettabbli? Jekk fl-affermattiv, min ikkonferma dan ix-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-istorm water culverts li saru s`issa f`Imdina Road saru skond id-disinji u l-kalkoli mill-inġiniera fid-Dipartiment tat-Toroq li ħadmu skond l-istandards u prassi applikabbli għal dan it-tip ta` xogħol.

Żabbar — Triq ir-Redentur

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jinbeda x-xogħol meħtieġ fi Triq ir-Redentur (Żabbar) fejn hemm parti dejqa ħafna u fejn hemm il-barumbara?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq appunta kuntrattur biex iwettaq dan ix-xogħol, iżda rriżulta li l-Aworita` ta` l-Ippjanar ħasset li għandha tikkunsidra n-natura tax-xogħol peress li hemm bini li l-Awtorita` tħoss għandu jiġi protett. Ix-xogħol jitkompla hekk kif jingħata l-permess mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar.